Proċedura : 2018/2858(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0489/2018

Testi mressqa :

B8-0489/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0429

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 415kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0484/2018
17.10.2018
PE624.181v◄►
 
B8-0489/2018

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0410/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi, u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (2018/2858(RSP))


Fredrick Federley

f'isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (2018/2858(RSP))  
B8-0489/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE "Saħħa Waħda" kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri (COM(2018)0181),

–  wara li kkunsidra l-ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji milħuq fil-5 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ("Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali")(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(3),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/302 tal-15 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għat-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi, u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (O-000095/2018 – B8-0410/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Direttiva 2007/43/KE (id-Direttiva dwar il-Brojlers) tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam;

B.  billi l-infurzar tad-Direttiva tal-2007 mhuwiex uniformi u r-rapport ta' implimentazzjoni riċenti tal-Kummissjoni wera li l-infurzar huwa fl-aħjar mod inkonsistenti fost l-Istati Membri;

C.  billi użu żejjed ta' mediċini veterinarji antimikrobiċi, speċjalment bħala promoturi ta' tkabbir u għal metafilassi u profilassi, huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw l-iżvilupp ta' batterji b'reżistenza antimikrobika;

D.  billi t-trattament xieraq tal-annimali għandu jiġi aġġornat abbażi ta' sejbiet xjentifiċi ġodda u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-bhejjem; billi standards konsistenti tat-trattament xieraq tal-annimali madwar l-UE jkunu jibbenefikaw minn definizzjoni ta' trobbija tajba tal-annimali;

E.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni u b'hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;

F.  billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess kbir fit-trattament xieraq tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;

G.  billi t-trattament xieraq tal-annimali huwa marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika;

H.  billi l-UE żiedet il-produzzjoni tat-tiġieġ tas-simna tagħha bi 18,6 %, mill-2009 sal-2014, li tilħaq 11,3 % tal-produzzjoni globali; billi aktar minn kwart ta' miljun persuna huma impjegati fis-settur tat-tjur tal-UE, bi 62 % impjegati fil-qatla/l-ipproċessar u kważi wieħed minn kull ħamsa (19 %) impjegati fil-produzzjoni primarja, prinċipalment fuq it-23 360 razzett tat-tiġieġ tas-simna kbar;

I.  billi fuq bażi annwali l-UE timporta 25 % mil-laħam tat-tjur tas-sider li jiġi kkunsmat fl-UE minn pajjiżi terzi li għandhom leġiżlazzjoni inqas stretta dwar it-trattament xieraq tal-annimali; billi l-biċċa l-kbira tal-laħam tat-tjur impurtat jintuża fis-servizzi tal-ikel jew l-ipproċessar tal-ikel, fejn l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-laħam mhux obbligatorja;

J.  billi l-istimi riċenti tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-annimali juru li t-tjur jipproduċu l-inqas ammont ta' emissjonijiet ta' NH3 u ta' gassijiet serra; billi l-produzzjoni agrikola għandha waħda mill-aktar intensitajiet tal-emissjonijiet baxxi f'termini ta' emissjonijiet għal kull unità ta' prodott, bil-prodotti tat-tiġieġ li għandhom intensità tal-emissjonijiet medja globali ta' inqas minn 100 CO2-eq/kg;

1.  Jilqa' l-ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji milħuq fil-5 ta' Ġunju 2018; jilqa' d-dispożizzjonijiet stabbiliti biex ikun ristrett l-użu ta' antibijotiċi għall-metafilassi u l-profilassi; jittama li r-Regolament se jiffaċilita l-innovazzjoni tant meħtieġa fil-qasam tal-mediċini veterinarji, u b'hekk jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika;

2.  Jenfasizza li t-titjib tat-tekniki tat-trobbija tal-annimali se jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar għat-tjur u jnaqqas il-ħtieġa tal-użu ta' antimikrobiċi; eżempji ta' dan it-titjib huma li jiġu pprovduti dawl naturali, arja nadifa u aktar spazju, u li titnaqqas l-ammonijaka;

3.  Jenfasizza li t-trattament xieraq tal-annimali jservi minnu nnifsu bħala miżura preventiva, u jikkontribwixxi fit-tnaqqis tar-riskju li l-annimal jimrad u b'hekk jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi;

4.  Ifakkar lill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni stipulata fl-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-promozzjoni sinifikanti li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri preventivi bħas-sorveljanza tal-mard, il-kontrolli u r-riċerka jitwettqu mill-Istati Membri;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-iskambju u t-tixrid tal-aħjar prattiki bbażati fuq ix-xjenza u ssaħħaħ ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-AMR permezz tal-programmi Ewropej differenti li jkunu diġà fis-seħħ;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-konformità mad-Direttiva 2007/43/KE biex tiżgura li l-miżuri u l-għanijiet stipulati fid-Direttiva jtejbu t-trattament xieraq tat-tiġieġ miżmum għall-produzzjoni tal-laħam; jenfasizza li għandhom jiġu previsti sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli mwettqa fil-fruntieri ta' laħam tat-tjur impurtat minn pajjiżi terzi biex tiżgura li dawn l-importazzjonijiet jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rigward il-ħtieġa ta' indikaturi bbażati fuq it-trattament xieraq tal-annimali li jkunu armonizzati u li jistgħu jitkejlu fost l-Istati Membri;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu b'mod sħiħ il-korsijiet ta' taħriġ xierqa u suffiċjenti għal min irabbi, kif stabbilit fid-Direttiva 2007/43/KE;

11.  Ifakkar lill-Kummissjoni, kif diġà ddikjarat fir-rapport tagħha dwar l-impatt tal-attivitajiet internazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali dwar il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-bhejjem f'dinja globalizzata (COM(2018)0042), tal-fatt li trattament xieraq aħjar tal-annimali, ħafna drabi, jirriżulta f'produzzjoni ogħla u għalhekk ikollu impatti pożittivi fuq l-atturi tul il-katina tal-produzzjoni agrikola; jenfasizza, għalhekk, li titjib permezz ta' miżuri bħal dawk stipulati f'din ir-riżoluzzjoni huwa ta' importanza ekonomika, umana, tas-saħħa tal-annimali u ambjentali għolja;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skema ta' tikkettar għat-trattament xieraq tal-annimali tal-UE fuq il-prodotti agroalimentari abbażi tal-indikaturi armonizzati tal-UE għat-trattament xieraq tal-annimali sabiex tinħoloq sistema armonizzata ta' standards tat-trattament xieraq tal-annimali fl-UE, u b'hekk tittejjeb il-komunikazzjoni għall-konsumaturi dwar it-trattament xieraq tal-annimali fil-produzzjoni agrikola;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini ta' prodotti pproċessati li jkun fihom il-laħam tat-tjur fis-servizzi tal-bejgħ bl-imnut, tal-catering u tal-ikel, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

14.  Jinnota li l-laħam tat-tjur imrobbija ġewwa għandu livelli ta' emissjonijiet iktar baxxi minħabba konverżjoni aħjar tal-konsum tal-għalf fi proteini, u li bidla fil-produzzjoni tat-tjur fl-Ewropa għal "biedja estensiva" jew produzzjoni "organika" twassal għal konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali serji;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

 

(1)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 149.

(2)

ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(3)

ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(4)

ĠU L 43, 21.2.2017, p. 231.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali