Proċedura : 2018/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0494/2018

Testi mressqa :

B8-0494/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.19

Testi adottati :

P8_TA(2018)0435

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 418kWORD 48k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0493/2018
22.10.2018
PE624.189v01-00
 
B8-0494/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))


Rebecca Harms, Heidi Hautala, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))  
B8‑0494/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja(1), dik tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(2), dik tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena(3) u dik tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov(4),

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-24 ta' Diċembru 2003 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna dwar il-kooperazzjoni fl-użu tal-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(5),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-14 ta' Novembru 2017 rigward ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni min-naħa tal-Ukrajna (SWD(2017)0376),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tas-SEAE tal-15 ta' Mejju 2018 dwar il-ftuħ parzjali tal-pont ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1085(6) tat-30 ta' Lulju 2018, li permezz tagħha żdiedu sitt entitajiet involuti fil-bini tal-pont ta' Kerch mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni fl-użu tal-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch, iffirmat mill-Ukrajna u r-Russja fl-24 ta' Diċembru 2003, jiddefinixxi dawn it-territorji bħala ibħra interni taż-żewġ Stati delimitati minn fruntiera statali u jagħtihom is-setgħa jispezzjonaw bastimenti li fl-opinjoni tagħhom joħolqu suspett;

B.  billi, fl-2008, l-Ukrajna u r-Russja ffirmaw il-protokoll dwar id-demarkazzjoni tal-Baħar ta' Azov, li permezz tiegħu l-Ukrajna ngħatat 62 % tat-territorju marittimu ta' dan il-baħar; billi, wara l-okkupazzjoni tal-Krimea fl-2014, ir-Russja ħatfet parti mill-baħar territorjali tal-Ukrajna u ddeċidiet unilateralment li tikkunsidra ż-żona ekonomika esklużiva u l-blata kontinentali tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed, fil-Baħar ta' Azov u fl-Istrett ta' Kerch bħala territorji marittimi tagħha;

C.  billi l-bini tal-pont ta' Kerch min-naħa tal-Federazzjoni Russa – mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna – kompla jikkalpesta s-sovranità u l-integrità territorjali ta' din tal-aħħar u għandu l-għan li jkompli jimponi l-integrazzjoni tal-peniżola tal-Krimea annessa illegalment mal-Federazzjoni Russa;

D.  billi, mit-tieni nofs ta' April 2018, il-gwardji tal-fruntiera Russi bdew iwaqqfu u jispezzjonaw bastimenti barranin li jkunu qed ibaħħru lejn u minn Mariupol u Berdyansk, portijiet Ukreni fil-Baħar ta' Azov; billi dawn l-ispezzjonijiet bdew mat-tlestija tal-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch, li issa jgħaqqad il-peniżola tal-Krimea annessa illegalment mar-Russja kontinentali;

E.  billi la l-bastimenti Russi u lanqas bastimenti oħra fi triqthom lejn il-portijiet Russi fil-Baħar ta' Azov mhuma soġġetti għal kontrolli simili;

F.  billi l-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch – l-uniku passaġġ bejn il-Baħar ta' Azov u l-Baħar l-Iswed – jillimita t-tranżitu ta' bastimenti tul l-Istrett ta' Kerch lejn u minn portijiet Ukreni fil-Baħar ta' Azov u ħoloq problemi serji fil-fluss liberu tal-merkanzija;

G.  billi l-pont li għadu kif inbena jillimita d-daqs tal-bastimenti li jistgħu jaslu fil-portijiet fil-Baħar ta' Azov għax huwa għoli 35 metru u, għaldaqstant, minn taħtu jistgħu jgħaddu biss bastimenti li għandhom pixka tal-arja ta' inqas minn 33 metru u tul li ma jaqbiżx il-160 metru, u dan jelimina l-bastimenti tad-daqs Panamax, jiġifieri 20 % tal-vapuri li jgħaddu minn dan il-baħar;

H.  billi l-ispezzjonijiet ferm dettaljati mwettqa mill-Federazzjoni Russa fuq il-bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch jistgħu jieħdu sa 72 siegħa, u b'hekk jikkawżaw dewmien serju, tnaqqis fil-flussi tal-merkanzija u telf finanzjarju tanġibbli għall-ekonomija lokali Ukrena u għan-negozjanti li l-bastimenti tagħhom ikunu soġġetti għal dawn il-kontrolli;

I.  billi, skont is-SEAE, madwar 220 bastiment li jtajru l-bandiera ta' xi Stat Membru tal-UE kellhom jgħaddu minn dawn l-ispezzjonijiet twal;

J.  billi, f'konformità mal-Artikolu 33 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Artikolu 279 tal-UNCLOS, l-Ukrajna stinkat biex issolvi l-kunflitt tagħha mar-Russja b'mod paċifiku; billi, fis-16 ta' Settembru 2016, l-Ukrajna bdiet proċeduri ta' arbitraġġ kontra l-Federazzjoni Russa u ppreżentat notifika u talba ġudizzjarja f'konformità mal-Parti XV u l-Anness VII tal-UNCLOS;

K.  billi wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, l-importanza tal-portijiet Ukreni ta' Mariupol u Berdyansk fil-Baħar ta' Azov żdiedet b'mod sinifikanti, peress li 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Ukrajna jgħaddu minn hawn;

L.  billi, b'risposta għall-azzjonijiet illegali tal-Federazzjoni Russa, fis-17 ta' Settembru 2018 l-Ukrajna ddeċidiet li tħassar it-"Trattat ta' Ħbiberija" ġenerali li ffirmat mar-Russja fl-1997; billi r-Russja ħabbret it-trasferiment ta' forzi addizzjonali tal-Korp tal-Morini u l-artillerija kostali fil-Baħar ta' Azov, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li toħloq bażi navali f'dawn l-ibħra sal-aħħar tas-sena;

1.  Jiddeplora l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-Baħar ta' Azov, li jikkostitwixxu ksur sfaċċat ieħor tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u jikkundanna ż-żamma u l-indħil bla bżonn fil-konfront ta' bastimenti kummerċjali Ukreni u li jtajru l-bandiera ta' stati terzi, fosthom aktar minn 220 vapur li jtajru l-bandiera ta' diversi Stati Membri tal-UE;

2.  Iqis li, b'dawn l-ispezzjonijiet bla bażi, ir-Russja trid trażżan il-libertà tat-tbaħħir, tostakola l-kummerċ u t-traffiku fir-reġjun, timponi spejjeż ta' stennija kbar fuq il-bastimenti kollha fi triqthom lejn jew minn portijiet Ukreni, u tagħmel tentattiv biex tiffinalizza l-annessjoni ta' dan il-baħar u tittrasformah f'"lag intern" Russu;

3.  Hu tal-fehma li r-Russja qed tiddiskrimina konxjament kontra l-portijiet Ukreni u qed tabbuża mid-dritt li tispezzjona l-bastimenti; jenfasizza li dan jammonta għal imblokk de facto tal-portijiet Ukreni fil-Baħar ta' Azov;

4.  Jirrimarka li l-azzjonijiet Russi fil-Baħar ta' Azov jimpedixxu t-traffiku marittimu internazzjonali, jiksru l-libertà tal-ibħra u t-tbaħħir u qed iwasslu għal aktar distabbilizzazzjoni fis-sitwazzjoni fl-Ukrajna;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li t-tensjonijiet fir-reġjun qed jiżdiedu u li l-kunflitt żdiditlu dimensjoni marittima, kif turi l-preżenza akbar tal-militar marittimu Russu bit-tisħiħ tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed u l-gwardja tal-kosta Russi fil-Baħar ta' Azov;

6.  Iħeġġeġ lill-Ukrajna biex, fil-ġlieda kontra l-azzjonijiet tar-Russja, tkompli tuża mezzi diplomatiċi u legali, fosthom il-proċess ta' arbitraġġ li għaddej fil-qafas tal-UNCLOS;

7.  Jiddispjaċih li l-Federazzjoni Russa qed timmina serjament is-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjun, u li d-dewmien u r-restrizzjonijiet fil-fluss tal-merkanzija qed jaffettwaw l-ammont ta' xogħol fil-portijiet marittimi tal-Ukrajna u qed ifixklu l-ekonomija lokali; jirrimarka li t-telf finanzjarju, li diġà jammonta għal għexieren ta' miljuni ta' euro, jolqot ukoll lil negozjanti tal-UE li joperaw bastimenti f'dawn l-ibħra;

8.  Jikkundanna l-militarizzazzjoni kostanti tal-Baħar l-Iswed – u issa tal-Baħar ta' Azov – min-naħa tar-Russja, partikolarment bit-trasferiment ta' għadd kbir ta' pattulji u bastimenti militari mill-Baħar Kaspju; jiddispjaċih li l-Baħar ta' Azov sar arena ġdida ta' azzjonijiet ostili mir-Russja fil-konfront tal-Ukrajna;

9.  Jikkundanna l-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch li jgħaqqad il-peniżola tal-Krimea annessa illegalment mar-Russja kontinentali, li sar mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna u li qed itellef it-tbaħħir fl-Istrett ta' Kerch bejn il-Baħar ta' Azov u l-Baħar l-Iswed; iqis li din l-azzjoni għandha l-għan li tkompli timponi l-integrazzjoni tal-peniżola tal-Krimea mar-Russja u żżid l-iżolament tagħha mill-Ukrajna, li l-Krimea hi parti minnha;

10.  Jistieden lill-VP/RGħ issostni, tappoġġja u tassisti lill-Ukrajna fil-proċeduri legali kollha mibdija minn dan il-pajjiż fil-qafas tal-liġi internazzjonali u l-konvenzjonijiet rilevanti, sabiex jieqfu l-ispezzjonijiet abbużivi li għaddejjin u jieħu lura d-drittijiet legali tiegħu;

11.  Hu tal-fehma li, minkejja n-natura serja tal-azzjonijiet Russi u l-pjan strateġiku wara l-operazzjoni Russa fil-Baħar ta' Azov, kif ukoll l-impatt fuq għadd dejjem akbar ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' xi pajjiż mill-Punent, il-protesti tal-Punent – fosthom tal-UE – s'issa kienu dgħajfa u ineffikaċi,

12.  Jistieden lill-VP/RGħ issegwi l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baħar ta' Azov aktar mill-qrib, minħabba l-possibbiltà dejjem akbar ta' kunflitt fuq l-għatba tal-Ewropa li jista' jkollu implikazzjonijiet usa' li jaffettwaw direttament il-politika tas-sigurtà tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jistenna li, fir-rigward ta' din il-kriżi l-ġdida, l-approċċ tal-Istati Membri fil-konfront ta' Moska jkun koerenti u uniformi;

13.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex, f'diskussjoni mal-Istati Membri fil-Kunsill, tikkunsidra t-tisħiħ tas-sanzjonijiet immirati kontra r-Russja sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-kunflitt fil-Baħar ta' Azov jeskala;

14.  Hu tal-fehma, barra minn hekk, li l-iskjerament ta' missjoni tan-NU bil-kompitu li tikkontrolla u tissorvelja l-bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch jista' jnaqqas it-tensjoni, jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u jevita li l-kriżi tkompli teskala;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tan-NATO, u lill-OSKE.

 

(1)

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74.

(2)

ĠU C 263, 25.7.2018, p. 109.

(3)

ĠU C 346, 27.9.2018, p. 86.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0259.

(5)

ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(6)

ĠU L 194, 31.7.2018, p. 147.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali