Proċedura : 2018/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0496/2018

Testi mressqa :

B8-0496/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.19

Testi adottati :

P8_TA(2018)0435

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0493/2018
22.10.2018
PE624.191v01-00
 
B8-0496/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))


Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Zdzisław Krasnodębski, Raffaele Fitto, Karol Karski, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Jan Zahradil, Branislav Škripek, Jadwiga Wiśniewska f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))  
B8-0496/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja(1), dik tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukrajna(2), dik tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja(3), dik tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena(4), u dik tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Mejju 2018 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-ftuħ parzjali tal-Pont ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna dwar il-kooperazzjoni fl-użu tal-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch tal-2003, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 1994 u l-Pakkett ta' Miżuri għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk tat-12 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi qabel l-iskjerament ta' bastimenti militari u tal-gwardja tal-kosta tar-Russja, il-Baħar ta' Azov kien kważi demilitarizzat; billi l-azzjonijiet tar-Russja wasslu għal aktar deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed u l-Baħar ta' Azov u għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-gwerra li għaddejja fil-Lvant tal-Ukrajna;

B.  billi kemm il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu kif ukoll il-Ftehim dwar il-Baħar ta' Azov tal-2003 jipprevedu l-libertà tan-navigazzjoni; billi dan tal-aħħar jiddefinixxi l-baħar bħala parti mill-ibħra interni taż-żewġ stati u jagħti liż-żewġ partijiet is-setgħa li jispezzjonaw bastimenti lejn u mill-Baħar ta' Azov;

C.  billi l-bini tal-Pont ta' Kerch mal-Peniżola tal-Krimea annessa illegalment mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna jikkostitwixxi ksur ieħor tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa;

D.  billi l-Pont ta' Kerch jillimita d-daqs tal-vapuri li jistgħu jilħqu l-portijiet Ukreni mal-Baħar ta' Azov għal pixka tal-arja ta' inqas minn 33 metru u tul ta' inqas minn 160 metru, li għamilha impossibbli għal bastimenti tal-kategorija Panamax, li jikkostitwixxu 'l fuq minn 20 % tat-traffiku kollu tal-vapuri qabel il-bini, li jidħlu fil-Baħar ta' Azov;

E.  billi r-Russja ta' spiss twaqqaf il-vapuri sejrin lejn il-portijiet Ukreni ta' Mariupol u Berdyansk u dawk ġejjin minnhom, u twettaq spezzjonijiet twal li jistgħu jieħdu sa diversi jiem; billi vapuri taħt il-bandiera Russa m'humiex obbligati li jgħaddu minn dawn il-kontrolli;

F.  billi minn April 2018, mhux inqas minn 120 bastiment tal-Istati Membri tal-UE ġew soġġetti għal proċeduri abbużivi ta' spezzjoni tar-Russja fir-reġjun tal-Baħar ta' Azov;

G.  billi din il-prattika ġdida mir-Russja diġà kellha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u fuq l-ammont ta' xogħol tal-portijiet Ukreni mal-Baħar ta' Azov, li, wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, kienu responsabbli għall-ġestjoni ta' 80 % tal-volum tal-esportazzjonijiet marittimi tal-Ukrajna;

H.  billi dan il-ksur sistematiku tal-ibħra territorjali ta' pajjiżi terzi jew l-imblukkar tat-trasport marittimu diġà ġie eżerċitat mir-Russja fil-Baħar Baltiku, b'mod partikolari kontra l-Estonja, il-Latvja u l-Polonja (il-laguna tal-Vistula);

I.  billi f'Settembru 2018 l-Ukrajna ddeċidiet li tirrevoka t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija ffirmat fl-1997 bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa, u li toħloq bażi navali fil-Baħar ta' Azov, biex b'hekk tiżdied il-preżenza militari hemmhekk;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov, li jfixklu n-navigazzjoni, jikkawżaw dewmien, iżidu drammatikament l-ispejjeż tat-trasport u jikkostitwixxu dimensjoni oħra tal-gwerra ibrida tar-Russja u ksur tad-dritt internazzjonali u l-impenji tar-Russja stess; huwa partikolarment imħasseb dwar il-prattika tat-twaqqif ta' vapuri għall-ispezzjoni mill-gwardja tal-kosta Russa sa 12-il mil mill-kosta Ukrena;

2.  Huwa mħasseb serjament dwar il-militarizzazzjoni kontinwa tal-Baħar ta' Azov u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, partikolarment tal-Krimea okkupata illegalment, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċitajiet A2/AD mill-Federazzjoni Russa, li jinvolvu sistemi anti-inġenji tal-ajru ġodda S-400;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà volatili ħafna fil-Baħar ta' Azov, li tista' faċilment teskala għal kunflitt miftuħ;

4.  Jikkundanna l-prattika Russa ta' kontrolli eċċessivament twal fuq il-bastimenti li jidħlu fil-Baħar ta' Azov u joħorġu minnu u li huma ddestinati għall-portijiet Ukreni jew jitilqu minnhom; jissottolinja li l-vapuri Russi jew vapuri ddestinati lejn portijiet Russi jew li jitilqu minnhom mhumiex soġġetti għal dan it-trattament; jissottolinja l-impatt katastrofiku li dawn l-ispezzjonijiet qed ikollhom fuq is-settur tas-sajd Ukren;

5.  Iqis li tali prattiki jikkostitwixxu diskriminazzjoni li ssir konxjament u b'mod deliberat kontra portijiet Ukreni u abbuż mid-drittijiet ta' spezzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, jekk ma tiġix indirizzata, il-prattika ta' spezzjonijiet u imblokki żviluppati fil-baħar ta' Azov jistgħu jintużaw f'postijiet oħra, inkluż il-Baħar l-Iswed;

6.  Jiddeplora t-tentattiv tar-Russja li tintegra bil-forza l-Krimea annessa illegalment permezz tal-bini tal-Pont ta' Kerch; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi għall-entitajiet involuti fil-bini tal-Pont ta' Kerch, u jistieden lill-Kunsill iwessa' l-ambitu tal-azzjonijiet li għalihom huma imposti s-sanzjonijiet, biex jinkludi lil dawk responsabbli għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika abbużiva u diskriminatorja ta' spezzjonijiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov u dawk li jissorveljaw il-bini u l-operazzjoni tal-Pont ta' Kerch;

7.  Jistieden lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) testendi l-mandat ta' missjoni ta' monitoraġġ tagħha għall-Baħar ta' Azov jew tistabbilixxi missjoni ta' monitoraġġ internazzjonali separata għal dan il-korp tal-ilma;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ biex issegwi aktar mill-qrib is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tevolvi fil-Baħar ta' Azov, minħabba l-potenzjal tiegħu dejjem jikber għall-kunflitt fuq l-għatba tal-Ewropa, peress li jista' jkollu implikazzjonijiet ta' sigurtà usa' li jaffettwaw direttament lill-UE u lill-Istati Membri tagħha; f'dan ir-rigward, iqis li jkun utli ħafna li jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun ta' Donbass, li r-responsabbiltajiet tiegħu eventwalment ikopru wkoll il-Baħar ta' Azov;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat missjoni speċjali ta' esperti fir-reġjun biex tivvaluta l-ħsara ekonomika kkawżata permezz tal-imblokk de facto, u biex tqis il-ħolqien ta' programm ta' żvilupp ekonomiku speċjali li jista' jiġi implimentat fiż-żoni milquta, inkluża assistenza għall-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport ċivili Marilupol u għall-iżvilupp ta' pjanijiet alternattivi ta' rotot tat-trasport għall-merkanzija tal-Ukrajna;

10.  Jiddeplora l-estrazzjoni illegali tar-riżorsi taż-żejt u l-gass mill-Federazzjoni Russa fit-territorju Ukren; jenfasizza l-periklu possibbli li r-Russja taħtaf ir-riżervi Ukreni eżistenti taż-żejt u l-gass fil-Baħar ta' Azov ladarba hi tikseb l-għan tagħha li tittrasformah f'baħar intern fi ħdan il-Federazzjoni Russa;

11.  Jilqa' bil-ferħ l-appoġġ sod tan-NATO għall-Ukrajna; jitlob aktar assistenza u involviment, inkluża preżenza akbar fil-Baħar l-Iswed u l-Baħar ta' Azov, eżerċizzji u operazzjonijiet militari konġunti, u assistenza fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u navali Ukreni;

12.  Jistieden lill-VP/RGħ tassisti lin-naħa tal-Ukrajna biex tieħu vantaġġ mill-azzjonijiet diplomatiċi u l-proċeduri legali kollha previsti mid-dritt internazzjonali u l-konvenzjonijiet rilevanti, inkluż il-proċess ta' arbitraġġ li għaddej bħalissa taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu, bil-ħsieb li tiġġieled kontra l-prattiki ostili Russi fil-Baħar ta' Azov;

13.  Ittenni l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; jerġa' jikkonferma s-sovranità tal-Ukrajna fuq il-Peniżola tal-Krimea;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Istati Membri tal-UE.

(1)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 213.

(2)

ĠU C 224, 21.6.2016, p. 14.

(3)

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74.

(4)

ĠU C 346, 27.9.2018, p. 86.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2018)0259.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali