Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0500/2018

Testi mressqa :

B8-0500/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 432kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0498/2018
22.10.2018
PE624.195v◄►
 
B8-0500/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))


Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Ana Miranda, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero, Jordi Solé, Klaus Buchner, Rebecca Harms, Florent Marcellesi, Margrete Auken, Yannick Jadot

f'isem il-Grupp Verts/ALE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))  
B8-0500/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(1), tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(2), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, l-Arabja Sawdija(3) u tas-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohmmed al-Nimr(4),

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-VP / RGħ Federica Mogherini fit-9 u l-15 ta' Ottubru 2018, u d-dikjarazzjoni tagħha tal-20 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-Kelliemi għas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet li fiha l-Arabja Sawdija hi mħeġġa tiżvela kull ma taf dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-President tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, Dante Pesce,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 mill-esperti tan-NU li fiha ntalbet investigazzjoni dwar l-għajbien tal-ġurnalista tal-Arabja Sawdija Jamal Khashoggi f'Istanbul,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2018 mill-esperti tan-NU li fiha esprimew tħassib serju dwar il-"prattika ġdida" ta' ħtif sponsorizzat mill-Istat,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-2 ta' Ottubru 2018, Jamal Khashoggi daħal fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul, iżda m'hemm l-ebda reġistrazzjoni li turi li ħareġ mill-bini;

B.  billi 15-il uffiċjal Sawdi taru minn Riyadh lejn Istanbul fis-2 ta' Ottubru u telqu lura f'dik l-istess lejla; billi ħafna minnhom kienu identifikati li għandhom rabtiet mill-qrib mal-Prinċep Eredi Sawdi Mohammad Bin Salman Al Saud, inklużi membri tas-sigurtà tiegħu u tabib forensiku li għandu pożizzjoni għolja fil-ministeru tal-intern Sawdi; billi l-persunal Tork li jaħdem fil-konsolat Sawdi kien mitlub jieħu l-liv fil-jum li fih għeb is-Sur Khashoggi;

C.  billi kien ġimagħtejn wara li s-Sur Khashoggi sparixxa, li tim forensiku Tork ingħata permess biex jagħmel ispezzjoni fil-konsolat Sawdi u fir-residenza tal-Konslu Ġenerali Mohammed al-Otaibi; billi ekwipaġġ tat-tindif kien fotografat jidħol fil-konsolat "iġorr bramel, moppijiet u dak li fil-filmat dehru li kienu fliexken b'likwidu tat-tindif" sigħat qabel it-tim forensiku Tork daħal fil-konsulat Sawdi;

D.  billi l-awtoritajiet Sawdin kkonfermaw il-qtil ta' Jamal Khashoggi ġewwa l-konsulat Sawdi, wara li għal ġimgħatejn kienu insistew li kien telaq mill-konsulat liberament wara żjara qasira; billi l-informazzjoni li saret pubblika sa issa tindika b'mod dirett omiċidju sponsorizzat mill-Istat; billi l-kontroll sħiħ li Mohammad Bin Salman Al Saud għandu fuq is-servizzi tas-sigurtà jagħmilha improbabbli ħafna li sseħħ operazzjoni mingħajr l-għarfien tiegħu;

E.  billi dawn l-allegazzjonijiet serji kkawżaw protesti internazzjonali; billi diversi organizzazzjonijiet tal-midja bi profil għoli, inklużi CNN , il-Financial Times u The New York Times, u mistiedna internazzjonali ta' livell għoli ħassru l-parteċipazzjoni tagħhom fl-Inizjattiva ta' Investiment Futura, magħrufa wkoll bħala "Davos fid-Desert", li għandha ssir f'Riyadh bejn it-23 u l-25 ta' Ottubru;

F.  billi r-reġim Sawdi nieda kampanja internazzjonali wiesgħa ta' relazzjonijiet pubbliċi biex jagħti jippreżenta l-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman bħala forza ewlenija għall-modernizzazzjoni fil-pajjiż; billi diversi ditti tal-lobbying waqqgħu ir-rappreżentazzjoni tagħhom tal-Arabja Sawdija wara l-għajbien u l-allegat qtil statali tas-Sur Khashoggi;

G.  billi l-omiċidju tas-Sur Khashoggi jista' jiġi marbut mal-kritika tiegħu għall-politiki tal-Arabja Sawdija ta' dawn l-aħħar snin; billi t-tħabbir dwar riformi soċjali, immexxija mill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman bħala parti mill-Viżjoni 2030 tant ingħatat prominenza, paradossalment akkumpanjata minn ripressjoni dejjem akbar fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-avukati, li qed ikunu soġġetti għall-arrest, theddid ta' prosekuzzjoni u forom oħra ta' intimidazzjoni; billi diversi difensuri tad-drittijiet tan-nisa magħrufa għall-kampanja tagħhom kontra l-projbizzjoni fuq is-sewqan min-nisa u l-promozzjoni tat-tneħħija tas-sistema ta' kustodja maskili ilhom arrestati minn Mejju 2018;

H.  billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar Għajbien Furzat jew Involontarju esprima l-għadab tiegħu fir-rigward tal-prattika ġdida u inkwetanti ta' ħtif ekstraterritorjali ta' individwi f'pajjiżi barranin permezz ta' operazzjonijiet sigrieti;

I.  billi l-immirar tas-Sur Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul hija ksur flagranti tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta' April 1963; billi l-Artikolu 41 tal-istess konvenzjoni jiddikjara illi l-immunità diplomatika tista' tiġi annullata f'każijiet ta' "reat gravi";

J.  billi l-Arabja Sawdija tikklassifika fil-169 mill-180 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ppubblikati minn Reporters Mingħajr Fruntieri tal-2018, u hija inkluża fil-lista "Għedewwa tal-Internet" tal-NGOs; billi, għalkemm l-internet qed jintuża b'mod mifrux fl-Arabja Sawdija u l-pajjiż għandu l-ogħla numru ta' utenti attivi Twitter fir-reġjun, l-internet qed jiġi ċċensurat sew b'eluf ta' siti web imblukkati, u blogs u siti web ġodda li jeħtieġu liċenzja mill-Ministeru tal-Informazzjoni; billi r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov, Raif Badawi, għadu l-ħabs sempliċement għaliex esprima l-fehmiet tiegħu b'mod paċifiku;

K.  billi l-brutalità tal-Koalizzjoni taħ tmexxija Sawdija fil-Jemen ikkawżat il-parti l-kbira mis-16 706 vittma ċivili; billi l-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali Indipendenti tan-NU f'Awwissu 2018 ikkonkludew li l-Arabja Sawdija wettqet atti li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra, inkluż trattament krudili u tortura, u l-użu ta' bombi, rokits u munizzjon dispersiv biex jilħqu miri ċivili, inklużi tiġijiet, xarabanks tal-iskola, faċilitajiet mediċi u żoni residenzjali;

L.  billi l-Arabja Sawdija hija waħda mill-ħames pajjiżi fid-dinja li qed iwettqu l-ogħla numru ta' eżekuzzjonijiet;

1.  Jikkundanna fl-aktar termini qawwija l-għajbien furzat u l-qtil ta' Jamal Khashoggi fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul fis-2 ta' Ottubru 2018; ifakkar lill-awtoritajiet Sawdin li l-prattika sistematika ta' għajbien furzat ta' persuni tikkostitwixxi reat kontra l-umanità;

2.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u imparzjali fl-għajbien u fil-qtil extraġudizzjarju ta' Jamal Khashoggi; jistieden, f'dan il-kuntest, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Guterres biex jistabbilixxi tim apposta b'esperjenza estensiva ta' investigazzjonijiet internazzjonali sabiex jiżgura li jkun hemm ċarezza sħiħa dwar l-avvenimenti li jirrigwardaw l-għajbien tas-Sur Khashoggi, u biex jipproduċi rapport pubbliku bis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jiżgura li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappella lill-Arabja Sawdija u lit-Turkija biex jikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni, filwaqt li jgħaddu l-evidenza kollha li jista' jkollhom sabiex jippermettu investigazzjoni trasparenti, rapida u effettiva;

3.  Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija biex minnufih twarrab il-protezzjoni diplomatika mogħtija mill-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, inkluża l-invjolabilità jew l-immunità, tal-binjiet u tal-uffiċjali rilevanti kollha sabiex ikun hemm investigazzjoni trasparenti dwar il-qtil tas-Sur Khashoggi; jistieden lill-VP / RGħ twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-użu ħażin tal-immunità diplomatika mill-awtoritajiet Sawdin biex jimmiraw l-ilħna Sawdin ta' dissidenza bbażati fl-UE, u biex tgħaddi rapport lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha;

4.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jibda jfassal "lista Khashoggi" bil-għan li jippermetti l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati, inkluża projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi, kontra individwi responsabbli direttament jew indirettament għall-għajbien furzat u l-qtil ta' Jamal Kashoggi; jistieden lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu pożizzjoni pubblika soda fir-rigward tal-omiċidju ta' Jamal Kashoggi;

5.  Jiddenunzja l-involviment ta' kumpaniji ta' relazzjonijiet pubbliċi barranin li jirrapreżentaw lill-Arabja Sawdija u jiġġestixxu l-immaġni pubblika tagħha; jesprimi s-sorpriża tiegħu għall-fatt li l-Arabja Sawdija mhijiex elenkata fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex janalizzaw din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-impriżi tal-lobbying li għadhom ma għamlux hekk sabiex ma jibqgħux jirrappreżentaw lill-Arabja Sawdija; jitlob lid-diversi ditti ta' lobbying tal-UE jimpenjaw ruħhom biex jirrifjutaw li jirrappreżentaw kwalunkwe reġim responsabbli għal ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem jew għall-persekuzzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jilqa' d-deċiżjoni minn għadd ta' uffiċjali tal-gvern Ewropej u diriġenti tan-negozju biex jikkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-konferenza dwar l-Inizjattiva ta' Investiment Futur ta' Riyadh bħala reazzjoni għall-għajbien tas-Sur Khashoggi; jappella għal bojkott sħiħ tal-avveniment, inkluż mill-Kap Eżekuttiv ta' Siemens;

7.  Ifakkar lir-reġim Sawdi li, bħala parti għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, l-Arabja Sawdija hija obbligata li tieħu l-miżuri kollha biex tipprevjeni t-tortura, l-għajbien furzat u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk suspettati li wettqu reati;

8.  Jiddeplora l-ftehimiet sinifikanti ta' armi mill-Istati Membri tal-UE, fost oħrajn Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju u r-Renju Unit, mal-Arabja Sawdija, li mhumiex konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE legalment vinkolanti dwar l-Esportazzjoni tal-Armi(5), b'mod partikolari l-Kriterju Tnejn dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali kif ukoll ir-rispett minn dak il-pajjiż tal-liġi umanitarja internazzjonali, li hija mxekkla b'mod ċar bil-gwerra li għandha kontra l-Jemen; jappella, għal darb' oħra, għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull forma ta' tagħmir ta' sigurtà lejn l-Arabja Sawdija, li jista' jintuża jew qed jintuża għal repressjoni; jenfasizza li din il-projbizzjoni għandha tinkludi teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika, kif stabbilita mill-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija, l-assistenza teknika u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju(6); jappella lill-VP/RGħ biex tirrapporta dwar il-qagħda attwali tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mal-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija;

9.  Jitlob lill-UE tippreżenta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija waqt is-sessjoni li jmiss tal-Kunsill Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC), li, inter alia, għandha ssejjaħ biex jiġi stabbilit Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Arabja Sawdija, f'konformità mal-Proċeduri Speċjali tal-HRC l-oħrajn maħluqa għall-aktar sitwazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jitlob li l-UE tieħu l-inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Drittijiet tal-Bniedem biex tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija minn stati li għandhom storja dubjuża ħafna rigward id-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-vot ta' diversi Stati Membri tal-UE bħala appoġġ għas-sħubija tal-Arabja Sawdija fl-HRC tan-NU;

10.  Jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva biex jinħoloq reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE kontra minn jabbuża mid-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li jinvolvi li jiġu mmirati individwi permezz, fost affarijiet oħra, ta' projbizzjonijiet ta' viża u ffriżar tal-assi; jistenna riżultati konkreti mill-konferenza organizzata mill-awtoritajiet Netherlandiżi biex iniedu l-inizjattiva, skedata li sseħħ fl-Aja f'Novembru, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE biex jappoġġaw bis-sħiħ din il-proposta;

11.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija ambizzjuża u mfassla apposta biex jiġu appoġġati s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob li l-Unjoni Ewropea tinkludi diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala punt permanenti fl-aġenda tas-summit annwali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jtemmu flaġellazzjonijiet ulterjuri fil-konfront ta' Raif Badawi, u jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier minħabba t-twemmin tiegħu u li ġie arrestat u kkundannat sempliċement għaliex eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; jistieden lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri biex iqajmu din il-kwistjoni fil-kuntatti kollha li għandhom mal-awtoritajiet Sawdin; jirrakkomanda, fid-dawl tan-nuqqas komplet ta' progress dwar ir-rilaxx ta' Raif Badawi minn meta ngħata l-Premju Sakharov, li tintbagħat missjoni ad hoc f'Riyadh biex tiddiskuti direttament mal-Awtoritajiet Sawdin fuq dan il-każ;

13.  Jikkundanna l-fastidju tal-awtoritajiet Sawdin fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, kittieba u bloggers kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż, u jinsisti li l-awtoritajiet Sawdi jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu lil kulħadd jeżerċita d-drittijiet tiegħu liberament mingħajr l-ebda fastidju ġudizzjarju jew ritaljazzjoni oħra;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li rrakkomandaw it-tneħħija tal-projbizzjoni fuq is-sewqan tan-nisa u l-abolizzjoni tas-sistema ta' kustodja maskili, u priġunieri ta' kuxjenza miżmuma u kkundannati sempliċement għaliex esprimew id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Majestà Tiegħu ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija u lill-Gvern tal-Istati Uniti.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0232.

(2)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.

(3)

ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.

(4)

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.

(5)

Il-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0006.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali