Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0506/2018

Testi mressqa :

B8-0506/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :

P8_TA(2018)0436

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 442kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0351/2018
22.10.2018
PE624.202v01-00
 
B8-0506/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))


Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Javier Nart, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))  
B8-0506/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7) u tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, dwar il-bidu ta' eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjonijiet fil-Filippini u fil-Venezwela, u tas-27 ta' Settembru 2018 dwar ir-riferiment minn grupp ta' sitt Stati partijiet rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Quito tal-4 ta' Settembru 2018 dwar il-mobbiltà umana taċ-ċittadini Venezwelani fir-reġjun,

–  wara li kkunsidra l-ħatra, fid-19 ta' Settembru 2018, tas-Sur Eduardo Stein bħala Rappreżentant Speċjali Konġunt tal-IOM u tal-UNHCR għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, tal-14 ta' Frar 2018, tal-21 ta' Mejju 2018, tat-2 ta' Ġunju 2018 u tal-15 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-mewt tal-kunsillier muniċipali Fernando Albán fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu rigward il-mewt ta' Fernando Albán,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tiegħu dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora sew; billi l-Venezwela qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent minħabba kriżi politika, li qed tikkawża għadd kbir ħafna ta' mwiet u li wasslet għal madwar 2,3 miljun migrant u rifuġjat;

B.  billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell tal-faqar estrem huwa ta' 61,2 %; billi l-mortalità materna żdiedet b'60 % u l-mortalità tat-trabi żdiedet bi 30 %; billi 89 % tal-Venezwelani rrappurtaw li m'għandhomx il-flus biex jixtru biżżejjed ikel għall-familji tagħhom;

C.  billi ġestjoni ħażina u deċiżjonijiet ekonomiċi partiġjani erratiċi fil-Venezwela wasslu għall-ħames sena tagħha ta' reċessjoni ekonomika, u l-PDG reali tagħha mistenni jonqos bi 18 % fl-2018, wara tnaqqis ta' 14 % fl-2017; billi l-Venezwela bħalissa hija l-uniku pajjiż fid-dinja li qed jesperjenza iperinflazzjoni, b'inflazzjoni prevista ta' 1,4 miljun % għal din is-sena skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, u ta' 10 miljun % fl-2019; billi l-prezzijiet għolew b'65 000 % f'sena;

D.  billi l-Gvern Venezwelan m'għamel ebda tentattiv serju biex jindirizza l-kriżi umanitarja allarmanti u mifruxa, u għaldaqstant ittraskura r-responsabbiltà li għandu fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess li jipproteġi lin-nies tiegħu u jipprovdi għalihom; billi, minkejja li l-komunità internazzjonali lesti toffri l-għajnuna tagħha, il-Gvern Venezwelan sfortunatament għadu stinat fir-rifjut tiegħu li jirċievi b'mod miftuħ u jiffaċilita t-tqassim tal-għajnuna umanitarja internazzjonali lill-popolazzjoni tiegħu, li hija fi bżonn kbir tagħha;

E.  billi, fit-8 ta' Ottubru 2018, il-politiku tal-oppożizzjoni Venezwelana, Fernando Albán, allegatament ġie ttorturat u maqtul fil-bini tas-Servizz Bolivarjan tal-Intelligence Nazzjonali (SEBIN,) il-pulizija politika Venezwelana; billi, minkejja l-appelli tan-NU u tal-UE, l-awtoritajiet irrifjutaw li jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar il-kawżi ta' mewtu, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; billi s-Sur Albán kien miżmum taħt arrest fil-bini tas-SEBIN; billi l-awtoritajiet Venezwelani għandhom għalhekk jinżammu responsabbli għal fejn jinsab;

F.  billi fit-13 ta' Ottubru 2018, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Lorent Saleh, inħeles, ittieħed direttament l-ajruport bil-karozza u tkeċċa minnufih lejn Spanja f'att ta' eżilju furzat; billi kien ilu 4 snin il-ħabs u ġarrab tortura brutali, mingħajr proċess jew smigħ preliminari, li kellu jseħħ f'massimu ta' 45 jum wara l-preżentazzjoni tal-każ lill-qrati, iżda li ġie differit mill-inqas 53 darba; billi x-xhieda tiegħu, kif ukoll dik ta' eluf ta' vittmi oħra, inkluża x-xhieda ppreżentata f'każijiet li tressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), tikkonferma t-trattament krudili u inuman tal-priġunieri politiċi fil-Venezwela u r-repressjoni sistematika mill-awtoritajiet Venezwelani;

G.  billi bħalissa hemm aktar minn tliet mitt priġunier politiku detenut fil-Venezwela; billi l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Requesens, ġie arrestat b'mod arbitrarju u ġie ttorturat, u billi għadu incommunicado, bi ksur permanenti u illegali tal-immunità politika tiegħu;

H.  billi l-ex President tal-Assemblea Nazzjonali u rebbieħ tal-Premju Sakharov 2017, is-Sur Julio Borges, ġie akkużat bla bażi b'konġura biex jinqatel il-President tal-Venezwela, Nicolas Maduro; billi l-awtoritajiet Venezwelani ħarġu mandat ta' arrest internazzjonali għalih permezz tal-Interpol;

I.  billi hemm klima ta' vjolenza mifruxa u impunità totali fil-Venezwela, fil-biċċa l-kbira minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jżommu responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u trattament degradanti u inuman ieħor, iżda anke l-vjolenza kriminali;

J.  billi l-kundizzjonijiet prekarji tal-migranti u r-rifuġjati Venezwelani jiġġeneraw spejjeż addizzjonali għall-pajjiżi riċeventi, u dan ħoloq kriżi bla preċedent fl-Amerika Latina u fil-Karibew;

K.  billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali beda eżami preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela, abbażi ta' lmenti li rċieva mingħand NGOs u individwi; billi, fis-27 ta' Settembru 2018, grupp ta' sitt Stati partijiet għall-QKI (l-Arġentina, il-Kanada, il-Kolombja, iċ-Ċilì, il-Paragwaj u l-Perù) talab lill-Prosekutur jibda investigazzjoni dwar delitti kontra l-umanità li twettqu fit-territorju tal-Venezwela, abbażi tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u tar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; billi, aktar 'il quddiem, anke Franza u l-Costa Rica ssieħbu ma' din it-talba; billi dan ikkostitwixxa l-ewwel riferiment li qatt ġie sottomess minn grupp ta' Stati partijiet rigward sitwazzjoni fit-territorju ta' Stat parti ieħor; billi l-Parlament Ewropew għamel din l-istess talba f'żewġ okkażjonijiet, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina; billi ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni paċifika dejjiema jew rikonċiljazzjoni mingħajr ġustizzja;

L.  billi fis-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f'Settembru 2005, l-Istati Membri kollha aċċettaw uffiċjalment ir-responsabbiltà ta' kull stat li jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu minn delitti kontra l-umanità; billi l-Istati Membri qablu li meta Stat ma jwettaqx din ir-responsabbiltà, il-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tipproteġi l-popolazzjoni mhedda b'dawn id-delitti;

M.  billi, fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill iddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni ta' materjal relatat li jista' jintuża għal repressjoni interna; billi, fit-22 ta' Jannar 2018, iddeċieda b'mod unanimu li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, b'reazzjoni għan-nuqqas ta' konformità mal-prinċipji demokratiċi; billi, fil-25 ta' Ġunju 2018, is-sanzjonijiet ġew estiżi għal ħdax-il uffiċjal Venezwelan ieħor; billi, filwaqt li l-kontijiet ta' dawn l-individwi ġew iffriżati, dawk tal-konjuġi u ta' membri oħra tal-familji tagħhom għadhom aċċessibbli;

N.  billi l-UE u entitajiet demokratiċi oħra ma rrikonoxxewx l-elezzjonijiet presidenzjali u l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti, u lanqas lill-awtoritajiet maħtura skont dawn il-proċessi illeġittimi;

O.  billi l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018 inkluda referenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi kurrenti, billi tiġi studjata l-possibbiltà li jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt biex jiffaċilita proċess politiku;

P.  billi żewġ tentattivi biex jinbena djalogu nazzjonali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, bil-medjazzjoni tal-Vatikan u ta' medjaturi internazzjonali, bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, fallew minħabba n-nuqqas ta' serjetà tal-awtoritajiet Venezwelani, li m'għamlu ebda konċessjoni matul it-taħditiet kollha u ffukaw esklussivament fuq li jippruvaw jiggwadanjaw iż-żmien u r-rikonoxximent internazzjonali;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja u lill-ħbieb ta' Fernando Albán; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Venezwelani u jappella għal investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-gvern, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti;

2.  Ifakkar li ż-żewġ tentattivi preċedenti bil-għan li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Venezwela permezz ta' medjazzjoni mal-Vatikan u permezz ta' djalogu politiku nazzjonali li sar fir-Repubblika Dominicana, fallew b'mod ċar; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-medjazzjoni internazzjonali jew ta' grupp ta' kuntatt ta' faċilitazzjoni jrid ikun imparzjali u jrid jiġi aċċettat miż-żewġ naħat;

3.  Jitlob lill-UE, b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-VP/RGħ, tiżgura li kwalunkwe pass ulterjuri lejn soluzzjoni politika jinkludi r-rekwiżiti irrevokabbli li ġejjin: il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u t-tmiem tar-repressjoni, tat-tortura, tal-maltrattament u tal-fastidju tal-avversarji politiċi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti paċifiċi; Kunsill Elettorali Nazzjonali indipendenti ġdid elett mill-Assemblea Nazzjonali; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli li jirrispetta l-pluraliżmu politiku, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali demokratiċi; ir-rikonoxximent tas-setgħa tal-Assemblea Nazzjonali leġittima; u x-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-bidu ta' investigazzjoni mill-QKI dwar id-delitti estensivi li qed jiġu eżaminati b'mod preliminari mill-Qorti msemmija, imwettqa mir-reġim Venezwelan fl-ambitu tar-repressjoni sistematika mwettqa mill-istat kontra ċ-ċittadini tiegħu stess; iħeġġeġ lill-UE inġenerali, u lill-Istati Membri tagħha, jissieħbu mat-talba li saret mill-gvernijiet tal-Arġentina, tal-Kanada, taċ-Ċilì, tal-Kolombja, tal-Paragwaj, tal-Perù, ta' Franza u tal-Costa Rica biex il-Gvern Venezwela jiġi rrappurtat lill-QKI, sabiex din tinvestiga d-delitti kontra l-umanità mwettqa minn uffiċjali tar-reġim Venezwelan u tiddetermina r-responsabbiltà għal dawn id-delitti;

5.  Itenni t-talba li saret f'Ġunju 2018 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) lill-Istati Membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex iwaqqfu kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u biex iżidu l-involviment tal-QKI;

6.  Ifakkar lill-Gvern Venezwelan fir-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi lill-popolazzjoni tiegħu stess, fost affarijiet oħra, minn delitti kontra l-umanità; ifakkar ukoll lill-UE u lill-komunità internazzjonali, permezz tan-NU, fil-prinċipju tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni" tal-popolazzjoni Venezwelana minn delitti kontra l-umanità mwettqa mill-istat; ifakkar li dan huwa impenn kollettiv miftiehem mill-Istati Membri tan-NU biex tiġi evitata katastrofi umanitarja b'konsegwenzi akbar; jistieden lill-komunità internazzjonali tevalwa l-possibilitajiet diplomatiċi, umanitarji u paċifiċi kollha, b'mod koordinat u fl-ambitu tan-NU, sabiex jiġi applikat il-prinċipju tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni";

7.  Jilqa' l-impożizzjoni mill-UE ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u reversibbli, li ma jikkawżaw ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, minħabba l-elezzjonijiet li saru fl-20 ta' Mejju 2018 li kienu illeġittimi u mhux rikonoxxuti internazzjonalment; jenfasizza li l-estensjoni tal-lista ta' sanzjonijiet għal membri oħra tal-awtoritajiet Venezwelani u l-membri tal-familji tagħhom għandha tiġi studjata minnufih; jitlob li l-Kunsill jikkunsidra l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq iż-żejt Venezwelan, inklużi l-ftehimiet mal-kumpanija statali PDVSA;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma mwettqa mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS, Luis Almagro, favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, kif ukoll l-isforzi tal-Grupp ta' Lima biex tinstab soluzzjoni demokratika għall-kriżi politika u umanitarja kurrenti;

9.  Ifaħħar lill-Brażil, il-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna u s-solidarjetà tagħhom fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; ifakkar lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE fid-dmir tagħhom li jipproteġu lil dawk li ngħataw il-Premju Sakharov u jirrikonoxxu r-rwol tagħhom bħala atturi fundamentali fil-kuntest kurrenti, li huwa leġittimizzat bl-impenn demokratiku tagħhom u bil-valuri li għalihom ingħataw il-premju;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu reazzjonijiet immedjati u orjentati lejn il-protezzjoni lir-rifuġjati jew lill-migranti Venezwelani fit-territorju tagħhom, bħal viżi umanitarji, arranġamenti speċjali ta' soġġorn jew oqfsa migratorji reġjonali oħra, bis-salvagwardji ta' protezzjoni rilevanti; madankollu, jistieden darb'oħra lill-awtoritajiet Venezwelani biex jiffaċilitaw u jħaffu l-ħruġ u t-tiġdid tad-dokumenti ta' identifikazzjoni liċ-ċittadini tagħhom stess, kemm fil-Venezwela kif ukoll barra l-pajjiż;

11.  Itenni l-konstatazzjonijiet inkwetanti ħafna tal-missjoni tiegħu ta' Ġunju 2018 fil-fruntieri tal-art tal-Kolombja u l-Brażil mal-Venezwela; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Venezwelani biex, b'urġenza, jippermettu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż sabiex jiġi evitat li l-kriżijiet umanitarji u tas-saħħa pubblika jaggravaw;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra riċenti, fid-19 ta' Settembru 2018, ta' Eduardo Stein bħala Rappreżentant Speċjali tal-IOM u tal-UNHCR għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun, u jinnota li l-ħatra tirrifletti r-rikonoxximent tad-dimensjonijiet reġjonali u globali tal-kriżi migratorja; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jimmobilizzaw aktar fondi u assistenza b'koordinazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali Konġunt;

13.  Ifakkar li l-Interpol hija l-organizzazzjoni internazzjonali tal-pulizija inkarigata primarjament bil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali; jistieden lill-Interpol ma tindirizzax it-talbiet tal-Gvern Venezwelan kontra s-Sur Borges, is-Sinjura Ortega Diaz u s-Sur Mundaray Rodriguez, peress li l-akkużi huma għalkollox bla bażi u purament motivati politikament;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil, tar-Repubblika tal-Perù u tar-Repubblika tal-Ekwador, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

 

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(5)

ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali