Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0507/2018

Testi mressqa :

B8-0507/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 407kWORD 45k
22.10.2018
PE623.203v01-00
 
B8-0507/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))


Molly Scott Cato, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))  
B8-0507/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2018 intitolat "Human rights violations in the Bolivarian Republic of Venezuela: a downward spiral with no end in sight" (Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela: it-triq għan-niżla u ma jidher li hemm ebda soluzzjoni),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta' Ġunju 2018(1) biex iżżid 11-il uffiċjal Venezwelani mal-lista ta' sanzjonijiet tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tal-20 ta' Settembru 2018 intitolat "This is no way to live: public security and right to life in Venezuela" (Dan mhux mod kif wieħed jgħix: is-sigurtà pubblika u d-dritt għal ħajja fil-Venezwela),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Ombudsman ta' Curaçao ta' Ġunju 2018 dwar il-politika dwar ir-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi ekonomika u umanitarja profonda attwali fil-Venezwela, bi skarsezzi gravi ta' ikel u mediċina, wasslet biex għadd bla preċedent ta' nies jemigraw, filwaqt li wasslet għal delokalizzazzjoni tal-kapital;

B.  billi l-assorbiment tal-migranti Venezwelani jikkostitwixxi sfidi f'dak li jikkonċerna l-akkoljenza, l-aċċess għal permessi ta' residenza u għas-suq tax-xogħol għall-pajjiżi ġirien, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, bħall-gżejjer Netherlandiżi ta' Aruba, Bonaire u Curaçao, kif ukoll possibbilment ir-reġjuni Franċiżi extra-Ewropej ta' Guadeloupe u Martinique u d-dipartiment extra-Ewropew tagħha tal-Guyane;

C.  billi l-Ombudsman ta' Curaçao, fir-rapport tiegħu ta' Ġunju 2018, iddikjara li l-politika attwali ta' deportazzjoni għal Venezwelani li jaslu fil-kosti jew fl-ajruporti ta' Curaçao qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

D.  billi d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra uffiċjali Venezwelani għar-rwol tagħhom fid-deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż u fid-diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem li kienu ssorveljaw, għandhom ikunu kkomplementati minn proċeduri ta' viża u asil rapidi u mhux ikkumplikati għal dawk il-persuni li jkunu se jitilqu mill-pajjiż bil-għan li jilħqu post sikur fit-territorji Ewropej;

E.  billi l-komunità internazzjonali għandha sens ta' urġenza biex tipprova tappoġġja l-ftuħ mill-ġdid ta' perspettiva demokratika u paċifika għall-pajjiż;

F.  billi hemm biża' mifruxa li kwalunkwe approċċ ta' konfrontazzjoni għall-kriżi jista' jimpedixxi l-adozzjoni ta' soluzzjoni li tistabbilizza li hija demokratikament leġittimizzata mill-pajjiż;

G.  billi l-Kunsill Affarijiet Ġenerali, fis-seduta tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2018, iddiskuta modi biex terġa' tinfetaħ it-triq tad-djalogu politiku fil-Venezwela;

H.  billi l-komunità internazzjonali kienet maħsuda bil-waqgħa fatali ta' Fernando Alban, fit-8 ta' Ottubru 2018, minn tieqa tal-kwartieri ġenerali tal-aġenzija tal-intelligence tal-Istat (SEBIN) - Alban kien attivist tal-oppożizzjoni li kien qed jiġi miżmum taħt arrest għal allegata parteċipazzjoni f'attakk bid-drone li falla fuq il-President Nicolás Maduro fit-2 ta' Awwissu 2018;

1.  Jesprimi l-kundanna tiegħu, b'referenza għar-riżoluzzjonijiet numerużi tiegħu dwar il-Venezwela fil-leġiżlatura attwali, li l-futur ta' dan il-pajjiż huwa f'idejn il-poplu tal-Venezwela, u li tista' biss tinstab soluzzjoni għall-kriżijiet attwali multipli, u li l-istabbiltà politika tista' tinkiseb biss, permezz ta' negozjati paċifiċi; jissuġġerixxi li missjoni esterna ta' monitoraġġ, pereżempju mmexxija min-NU, tista' tkun ta' valur kbir;

2.  Jissottolinja li filwaqt li s-sigurtà hija sfida enormi fil-Venezwela, il-ġlieda kontra atti u gruppi kriminali ma tista' bl-ebda mod tiġġustifika l-impunità għall-omiċidji, it-trażżin jew kwalunkwe azzjoni sproporzjonata oħra mill-militar jew mill-pulizija; huwa tal-fehma li l-ksur fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem kollu jrid jiġi investigat bis-sħiħ u l-awturi materjali u intellettwali tiegħu jeħtiġilhom jiġu kkastigati;

3.  Jinsab imwaħħax bil-fatt li Lorent Saleh, wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Sakharov fl-2017, li ġie lliberat dan l-aħħar, wera rabtiet maċ-ċrieki identitarji, tal-lemin estrem u paramilitari fil-Kolombja, minn fejn ġie mkeċċi u mgħoddi lill-awtoritajiet Venezwelani għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali tal-Kolombja fl-ambitu tal-Artikolu 105 tad-Digriet Kolombjan Nru 4 000 tal-2004, wara li ħa sehem f'azzjonijiet bl-użu ta' uniformijiet militari u armi;

4.  Jinsisti fuq il-fatt li s-sistema ġudizzjarja tal-Venezwela jeħtiġilha tinvestiga bis-sħiħ u tiċċara l-waqgħa fatali tal-membru tal-oppożizzjoni Fernando Alban minn tieqa tal-kwartieri ġenerali ta' SEBIN u jirrakkomanda li ssir investigazzjoni indipendenti internazzjonali li tiddetermina l-fatturi kollha li jwasslu għall-mewt tiegħu;

5.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja bil-qawwa lill-pajjiżi ġirien tal-Venezwela fl-isforzi tagħhom biex joffru akkoljenza adegwata lill-migranti u r-rifuġjati mill-Venezwela, li tonora b'mod xieraq kwalunkwe talba għal assistenza min-naħa tagħhom u, fl-istess ħin, li tistabbilixxi mezzi ta' aċċess sikur u legali għall-UE għal dawk li qed ifittxu protezzjoni; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Unjoni Ewropea biex tfittex modi u mezzi għall-awtoritajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri li jinsabu qrib il-Venezwela biex jilqgħu b'mod dinjituż lill-Venezwelani kollha li jemigraw fit-territorji tagħhom;

6.  Jappoġġja ferm lill-isforzi tal-VP/RGħ Federica Mogherini, kif espressi fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali reċenti, biex tiffaċilita proċess politiku fil-Venezwela lejn soluzzjoni paċifika għall-kriżi;

7.  Iħeġġeġ lill-Viċi President/RGħ u lill-Kunsill jesploraw il-possibbiltajiet biex jistabbilixxu grupp ta' kuntatt dwar il-Venezwela;

8.  Itenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni u l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali tassew dejjiemi bil-mezzi paċifiċi kollha, inkluż bl-involviment tal-forzi kollha rilevanti, bil-għan li tinstab soluzzjoni kunsenswali għall-interessi konfliġġenti fil-Venezwela u jissolva kwalunkwe tilwim bejn id-diversi fergħat tas-setgħa pubblika fi spirtu ta' fiduċja;

9.  Jirrakkomanda, bħala kwistjoni urġenti, li f'dan id-djalogu politiku jiġi inkluż ftehim nazzjonali dwar il-politika ekonomika biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni;

10.  Jistieden lill-atturi politiċi barra l-Venezwela biex jevitaw li jużaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż għal skopijiet politiċi nazzjonali;

11.  Jinsab konvint li l-istabbiltà politika u soċjali tal-Venezwela hija fattur deċiżiv fis-salvagwardja tal-paċi fir-reġjun kollu;

12.  Jiċħad bil-qawwa kwalunkwe spekulazzjoni jew suġġeriment ta' intervent militari fil-Venezwela, li malajr jeskala fi vjolenza fil-Venezwela u jkollu effett diżastruż fuq ir-reġjun kollu; ifakkar li kull inċitament ta' vjolenza, jew il-vjolenza nnifisha, jistgħu jikkontribwixxu biss għal aktar destabbilizzazzjoni u jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jikkompromettu lill-pajjiż u r-reġjun;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

(1)

ĠU L 160 I, 25.6.2018, p. 12.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali