Proċedura : 2018/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0547/2018

Testi mressqa :

B8-0547/2018

Dibattiti :

PV 29/11/2018 - 5
CRE 29/11/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.19
CRE 29/11/2018 - 8.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0484

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 536kWORD 51k
20.11.2018
PE631.534v01-00
 
B8-0547/2018

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0418/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (2018/2685(RSP))


Rosa Estaràs Ferragut f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (2018/2685(RSP))  
B8-0547/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), u d-dħul fis-seħħ tagħha fil-21 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(CRPD)(1), u b'mod speċjali, l-Artikolu 6, dwar in-nisa u l-bniet b'diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW, 1979) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha (1999),

–  wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 19 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-2 ta' April 2009(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability" (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tal-Ġeneru u d-Diżabilità),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) intitolat "Poverty, gender and intersecting inequalities in the EU" (Il-faqar, l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u intersezzjonali fl-UE) b'attenzjoni speċjali għall-Kapitolu 8 tiegħu dwar "Gender and disability" (Il-ġeneru u d-diżabilità),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE 2017,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (O-000117/2018 – B8-0418/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-UE jgħixu aktar minn 80 miljun persuna b'diżabilità; billi wieħed minn kull erba' Ewropej għandu qarib b'diżabilità; billi madwar 46 miljun mara u tifla fl-UE għandhom diżabilità, ċifra li tinkludi madwar 16 % tal-popolazzjoni femminili totali u li tirrappreżenta 60 % tal-popolazzjoni globali tal-persuni b'diżabilità;

B.  billi l-kelma "diżabilità" tinkludi varjetà kbira ta' sitwazzjonijiet personali temporanji, fuq perjodu ta' żmien qasir jew fit-tul, li jeħtieġu risponsi ta' politika mfassla apposta u jinkludu kwistjonijiet ta' saħħa mentali;

C.  billi t-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni jfissru li aktar persuni qed isiru diżabbli aktar tard f'ħajjithom;

D.  billi 18.8 % biss tan-nisa b'diżabilità fl-UE għandhom impjieg; billi 45 % tan-nisa fl-età tax-xogħol (jiġifieri bejn l-20 u l-64 sena) li għandhom diżabilità huma inattivi, filwaqt li ċ-ċifra ekwivalenti għall-irġiel hija 35 %.

E.  billi 75 % tal-persuni b'diżabilità severa ma għandhomx l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol Ewropew, u n-nisa b'diżabilità huma minn darbtejn sa ħames darbiet aktar possibbli li jkunu vittmi tal-vjolenza minn nisa mingħajr diżabilità;

F.  billi 34 % tan-nisa li għandhom problema tas-saħħa jew diżabilità esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali minn sieħeb f'ħajjithom;

G.  billi l-isterilizzazzjoni tan-nisa b'diżabilità mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tagħhom hija forma mifruxa ta' vjolenza, b'mod partikolari fir-rigward ta' membri ta' minoranzi etniċi bħan-nisa Rom;

H.  billi l-miżuri ta' awsterità jaffettwaw b'mod negattiv lin-nisa u l-persuni b'diżabilità b'mod ġenerali, u jwasslu għal diskriminazzjoni multipla;

I.  billi hemm nuqqas ta' viżibilità tal-persuni b'diżabilità fil-ħajja pubblika u l-midja;

J.  billi bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-persuni li jindukraw fl-Ewropa huma nisa; billi 80 % tal-kura provduta fl-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali u mingħajr ħlas, u li 75 % minnhom huma nisa; billi l-valur ekonomiku tal-kura informali mingħajr ħlas fl-Unjoni, bħala perċentwal tal-ispiża ġenerali tal-forniment tal-kura formali fit-tul, huwa stmat li jvarja minn 50 sa 90 %;

K.  billi l-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa b'diżabilità hija essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija ekonomika u soċjali ġenerali tal-Ewropa;

L.  billi n-nisa b'diżabilità ta' spiss jiffaċċjaw forom multipli ta' diskriminazzjoni minħabba raġunijiet, fost fatturi oħra, tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom, fatturi li jikkontribwixxu għall-feminizzazzjoni tal-faqar;

M.  billi l-persuni b'diżabilità u b'mod partikolari n-nisa b'diżabilità għandhom dħul inqas, u jinsabu f'riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi s-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità li jaħdmu marret għall-agħar matul iż-żmien meta mqabbla ma' dik tal-irġiel (iċ-ċifra għan-nisa li jħabbtu wiċċhom mal-faqar fost dawk li jaħdmu kienet 10 % fl-2007 u 12 % fl-2014);

N.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi huma mimlija kemm b'opportunitajiet kif ukoll bi sfidi, speċjalment għan-nisa b'diżabilità, peress li l-forza tax-xogħol globali qed tuża dejjem aktar għodod diġitali;

O.  billi l-appoġġ, il-protezzjoni, il-komunikazzjoni, kif ukoll is-servizzi tal-kura u tas-saħħa, bħal dawk relatati mal-kura primarja tas-saħħa, il-vjolenza kontra n-nisa, il-kura tat-tfal u l-maternità għandhom ikunu kompletament aċċessibbli fil-lingwi, il-forom u l-formati kollha għan-nisa kollha, u speċjalment għan-nisa u l-bniet b'diżabilità;

P.  billi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità, kif imsemmi fl-Artikolu 29 tas-CRPD, fil-ħajja politika u pubblika, fejn ta' spiss mhumiex rappreżentati biżżejjed, se tibqa' illużjoni, u partikolarment għan-nisa, jekk il-kwistjoni ma tiġix indirizzata kif xieraq;

Q.  billi, minkejja d-diversi konvenzjonijiet internazzjonali u dispożizzjonijiet tal-liġi Ewropea, kif ukoll l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità attwali, il-persuni b'diżabilità għadhom mhux qed igawdu bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini u dawk soċjali; billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità għadhom mhux qed jiġu involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fil-progress b'rabta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

R.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma kinitx orizzontalment integrata fl-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020;

S.  billi l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità, u jitolbu l-parteċipazzjoni ugwali tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà; billi t-trattament ugwali jista' jiġi żgurat billi jiġu infurzati miżuri u politiki pożittivi għan-nisa b'diżabilità u l-ommijiet ta' tfal b'diżabilità;

T.  billi l-inklużjoni ta' dimensjoni dwar il-ġeneri fl-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 se tikkontribwixxi għal approċċ integrat biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet b'diżabilità;

U.  billi l-paga ta' kull xahar tal-irġiel b'diżabilità hija ogħla minn dik tan-nisa b'diżabilità, filwaqt li ż-żewġ pagi huma ġeneralment aktar baxxi minn dawk ta' ħaddiema oħra, f'realtà diskriminatorja li għadha tippersisti;

V.  billi s-suq tax-xogħol attwali huwa instabbli u prekarju, u ż-żieda fil-qgħad tfisser tnaqqis fl-opportunitajiet ta' aċċess għall-impjieg għal persuni b'diżabilità;

W.  billi l-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà tinkiseb prinċipalment permezz ta' impjiegi ta' kwalità u edukazzjoni aċċessibbli u inklużiva, u l-impjiegi huma għalhekk meqjusa mhux biss bħala sors ta' dħul iżda saru wkoll mekkaniżmu ta' integrazzjoni soċjali peress li joħolqu rabta mas-soċjetà, relazzjonijiet interpersonali u sens ta' parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika;

X.  billi n-nisa b'diżabilità jistgħu jesperjenzaw forom uniċi ta' abbuż li huma diffiċli li jiġu rikonoxxuti, bħal pereżempju t-tneħħija jew il-qerda tal-apparati ta' mobilità ta' persuna jew iċ-ċaħda tal-aċċess għal riżorsi relatati mad-diżabilità fil-komunità u/jew għal appuntamenti tal-kura tas-saħħa;

Y.  billi r-rati tal-kanċer tas-sider għal nisa b'diżabilità huma ħafna ogħla minn dawk tal-popolazzjoni ġenerali femminili, minħabba nuqqas ta' tagħmir adattat ta' skrinjar u dijanjożi;

Z.  billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017 tal-EIGE juri li bħala medja, 13 % tan-nisa b'diżabilità jesperjenzaw ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati u 12 % ħtiġijiet dentali mhux issodisfati, filwaqt li fil-każ tan-nisa mingħajr diżabilità 5 % jesperjenzaw ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Itenni li l-persuni kollha b'diżabilità għandhom ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom fuq bażi ta' inklużjoni u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà; jenfasizza li dan huwa possibbli biss permezz tal-infurzar tal-politiki attivi u pubbliċi u t-tneħħija tal-ostakli kollha għall-parteċipazzjoni;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni fir-rigward ta' persuni b'diżabilità u appoġġ għall-familji tagħhom, u jġorru r-responsabbiltà għat-twettiq effettiv tad-drittijiet tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri jew it-tuturi; jitlob ukoll għall-iżvilupp ta' pedagoġija li tissensitizza s-soċjetà għad-dmirijiet tar-rispett u s-solidarjetà ma' persuni b'diżabilità, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni soċjali li huma suġġetti għaliha;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom rigward ir-ratifika tas-CRPD, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet kif ukoll ir-responsabbiltajiet stabbiliti fiha, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-akkomodazzjoni, il-mobilità, l-aċċess għall-ġustizzja, il-kultura, l-isport, ir-rikreazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u politika, kif ukoll ir-responsabbiltajiet speċifiċi definiti fis-CRPD għad-drittijiet tan-nisa u t-tfal b'diżabilità;

4.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jbatu minn diskriminazzjoni doppja minħabba l-intersezzjoni tal-ġeneru u d-diżabilità, u ħafna drabi saħansitra jistgħu jiġu esposti għal diskriminazzjoni multipla li tirriżulta mill-intersezzjoni tal-ġeneru u d-diżabilità mal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess, il-pajjiż ta' oriġini, il-klassi, l-istatus ta' migrazzjoni, l-età, ir-reliġjon jew l-etniċità;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintegraw lin-nisa u l-bniet b'perspettiva ta' diżabilità fl-istrateġija, il-politiki u l-programmi tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji tagħhom dwar id-diżabilità u perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-diżabilità fil-politiki l-oħra kollha;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' prodotti u servizzi li jappoġġaw lill-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum;

7.  Jenfasizza li l-għadd ta' anzjani qiegħed jikber u li, skont id-WHO, il-prevalenza tad-diżabilità hija ogħla fost in-nisa, li huma milquta b'mod partikolari minn dan il-fenomenu minħabba li l-istennija tal-għomor tagħhom hija itwal; jenfasizza li, għalhekk, se jkun hemm żieda proporzjonali fin-numru ta' nisa b'diżabilità;

8.  Jinsisti li għandha tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġu identifikati l-forom ta' diskriminazzjoni multipla intersezzjonali li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet b'diżabilità, fl-oqsma kollha koperti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u fejn rilevanti;

9.  Jistieden lill-EIGE jkompli jipprovdi analiżi u kontributi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tan-nisa u l-bniet b'diżabilità, b'enfasi speċjali fuq id-diskriminazzjoni intersezzjonali;

10.  Itenni li n-nisa b'diżabilità ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' sfidi u perikli saħansitra ikbar f'pajjiżi involuti f'kunflitt u f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li n-nisa b'diżabilità jkunu protetti fil-politiki esterni tal-UE;

Id-drittijiet tan-nisa b'diżabilità

11.  Jenfasizza li n-nisa b'diżabilità jeħtieġ li jiġu żgurati t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq, il-kura tas-saħħa, inkluża l-kura tas-saħħa trans-speċifika kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, l-impjiegi, il-mobilità, il-ħajja tal-familja, l-awtonomija fiżika, is-sesswalità u ż-żwieġ, kif ukoll is-salvagwardji li jiggarantixxu dawn id-drittijiet;

12.  Ifakkar li l-awtoritajiet fil-livelli kollha u l-partijiet interessati rilevanti jeħtieġ li jirrispettaw u jżommu d-dritt għal għajxien indipendenti u, għalhekk, jipprovdu l-istrumenti u l-appoġġ meħtieġa biex jippermettu lill-persuni b'diżabilità, speċjalment in-nisa, li jgawdu l-libertà tal-għażla u l-kontroll fuq ħajjithom u fuq l-istil ta' ħajja tagħhom;

13.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jeħtieġ li jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom u bis-servizzi taċ-ċittadini disponibbli għalihom; jenfasizza li din l-informazzjoni jeħtieġ li tkun ipprovduta b'mod sempliċi u sikur, filwaqt li jitqiesu l-metodi ta' komunikazzjoni, il-mezzi ta' xandir u l-formati differenti magħżula minnhom u adattati għalihom; jenfasizza li jeħtieġ li ma jkunx hemm konfużjoni bejn id-dritt għall-informazzjoni u l-kunċettwalizzazzjoni tal-ħtieġa li b'mod attiv jiġi mfittex l-aċċess għad-drittijiet (it-trasferiment tar-responsabilità għat-twettiq tad-dritt għal fuq dawk li jinsabu fil-bżonn), peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jġorru r-responsabilità li jilħqu lil kull persuna b'diżabilità u jiżgurawlhom u jiggarantulhom id-drittijiet stabbiliti bil-liġi jew b'konvenzjoni internazzjonali;

14.  Jitlob l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-istrutturi regolari tas-soċjetà fil-livelli kollha, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi, filwaqt li jitqies li l-użu persistenti u ġeneralizzat ta' strutturi jew servizzi speċjali jwassal għal segregazzjoni u jnaqqas l-opportunitajiet indaqs;

15.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għal spazji sikuri, pereżempju fil-forma ta' klabbs u assoċjazzjonijiet;

16.  Jitlob lill-UE tneħħi l-ostakoli għad-dritt tal-vot għall-persuni b'diżabilità, b'mod speċjali għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019;

L-aċċessibilità

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinfurzaw politiki li jippromwovu l-aċċessibilità bħala pass essenzjali lejn l-inklużjoni u kundizzjoni indispensabbli għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità; jenfasizza wkoll l-importanza tar-rispett tal-prinċipji ta' trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċessibilità u l-mobilità;

18.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu miżuri, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ippjanar urban u d-djar;

19.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li n-nisa u l-bniet b'diżabilità sikwit wisq jiġu mċaħħda mill-aċċess għal faċilitajiet fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; iqis li huwa inkwetanti li l-bniet u n-nisa b'diżabilità jiġu mċaħħda minn kunsens infurmat rigward l-użu ta' kontraċettivi u li anke jiffaċċjaw ir-riskju ta' sterilizzazzjoni mġiegħla; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri leġiżlattivi li jissalvagwardjaw l-integrità fiżika, il-libertà ta' għażla u l-awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-ħajja sesswali u riproduttiva tal-bniet u n-nisa b'diżabilità;

20.  Jinsab imħasseb li huwa żgħir l-għadd ta' pajjiżi li għandhom dispożizzjonijiet li jiżguraw id-dritt ta' persuni b'diżabilità li jkollhom aċċess għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru; jinnota li r-rikonoxximent legali tal-ġeneru, anke fejn ikun permess, jaf ikun inaċċessibbli għan-nisa u l-bniet taħt kustodja legali; jinnota li l-valutazzjoni psikjatrika obbligatorja sabiex jiġi aċċessat ir-rikonoxximent tal-ġeneru legali xxekkel l-aċċess għan-nisa u l-bniet bi problemi ta' saħħa mentali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru li tkun ibbażata fuq l-awtodeterminazzjoni u tqis il-ħtiġijiet ta' aċċessibilità għal persuni b'diżabilità;

21.  Jidentifika l-ħtieġa, fir-rigward tat-trasport, li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki tat-trasport pubbliku li jiffaċilitaw il-mobilità għall-persuni b'diżabilità, flimkien mat-tneħħija tal-ostakli arkitettoniċi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jallokaw il-fondi tal-UE meħtieġa biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' politiki bħal dawn;

Il-ħaddiema u r-relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol bl-għan ta' impjiegi ta' kwalità u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

22.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jippromwovu l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol; iqis li tali politiki għandhom jinkoraġġixxu l-aċċess għall-impjiegi bħala kundizzjoni għall-inklużjoni soċjali u jippromwovu l-opportunitajiet indaqs;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu forom speċifiċi ta' regolamentazzjoni tax-xogħol li jindirizzaw u jintegraw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, speċjalment fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-sigħat tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi definita leġiżlazzjoni tax-xogħol speċifika li tqis il-ħtiġijiet tan-nisa b'diżabilità fir-rigward tat-tqala u l-maternità, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-preżenza tagħhom fis-suq tax-xogħol u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiem;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-ħtieġa għal arranġamenti biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri u tal-ħinijiet tax-xogħol flessibbli tkun adatta għall-ħtiġijiet diversi relatati ma' twelid multiplu, twelid prematur, ġenituri adottivi, koġenituri, ġenituri b'diżabilità, ġenituri bi problemi ta' saħħa mentali, u ġenituri ta' tfal b'diżabilità, mard kroniku jew problemi ta' saħħa mentali;

25.  Jappella għall-promozzjoni tad-dritt għas-saħħa u għar-riabilitazzjoni u għal politiki li jfittxu li jipprevjenu u jirrimedjaw l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali għall-persuni b'diżabilità;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu "care credits" (krediti tal-indukrar) permezz ta' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali għall-ġeneri kollha bħala perjodi ekwivalenti għall-akkumulazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni sabiex jiġu protetti dawk li jieqfu għal ftit mill-impjieg biex jipprovdu ndukrar informali u mhux imħallas lil persuna dipendenti jew membru tal-familja, u biex jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol ta' dawn l-indukraturi għas-soċjetà kollha kemm hi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'għarfien espert dwar it-triq 'il quddiem biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni intersezzjonali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-Istati Membri fl-indirizzar tad-diskriminazzjoni ġġenerata mill-intersezzjoni tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-karatteristiċi tas-sess u d-diżabilità, permezz ta' taħriġ dwar id-diversità u ħidma ma' min iħaddem dwar miżuri fuq il-post tax-xogħol, eż. il-promozzjoni ta' proċeduri ta' reklutaġġ anonimi;

L-edukazzjoni

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex fl-għoti ta' servizzi ta' indukrar għal tfal ta' qabel l-età tal-iskola jagħmlu enfasi mhux biss fuq l-aċċessibilità, iżda wkoll fuq il-kwalità tal-indukrar u fuq li l-prezz tiegħu ikun jintlaħaq, b'mod partikolari għal tfal b'diżabilità filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' ġenituri b'diżabilità; jistieden ukoll lill-Istati Membri jtejbu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) għal dawk il-gruppi ta' persuni;

30.  Jenfasizza l-importanza li n-nisa b'diżabilità jiġu integrati fis-sistemi edukattivi u professjonali ġenerali;

31.  Jenfasizza li standard u kwalità ogħla tal-edukazzjoni u t-taħriġ se jwasslu għall-emanċipazzjoni akbar tan-nisa b'diżabilità, peress li l-edukazzjoni hija waħda mill-għodod li jinfluwenzaw l-aktar il-progress tas-soċjetà, filwaqt li jipprovdu l-għarfien u l-valuri meħtieġa biex jinkisbu livelli ogħla ta' benessri u tkabbir ekonomiku u personali; jenfasizza l-importanza speċjali ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għall-persuni b'diżabilità;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet indaqs effettivi fl-aċċess għall-edukazzjoni billi jiggarantixxu l-integrazzjoni effettiva tat-tfal u ż-żgħażagħ b'diżabilità fis-sistemi edukattivi tagħhom fil-livelli kollha; jitlob appoġġ għall-ħtiġijiet edukattivi u materjal edukattiv speċjali, appoġġjat minn skejjel inklużivi sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali, iżda wkoll suċċess, fis-sistema edukattiva;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni b'livell għoli ta' kwalità għat-tfal u l-adulti b'diżabilità bħala parti mill-edukazzjoni ġenerali, u b'hekk jiffaċilitaw l-aċċess, speċjalment fost l-aktar taqsimiet żvantaġġati tal-popolazzjoni;

34.  Jitlob politiki tal-edukazzjoni li jaħdmu biex jitneħħew il-ħafna ostakli li jippersistu għall-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiksbu, fl-istabbilimenti edukattivi prinċipali tagħhom, il-kundizzjonijiet fiżiċi u/jew pedagoġiċi li jippermettu lill-persuni b'diżabilità biex jattenduhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' għalliema li jakkumpanjaw lit-tfal b'diżabilità;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji biex jiġu miġġielda l-bullying u l-fastidju, fosthom f'kuntesti edukattivi u online, kontra t-tfal u ż-żgħażagħ għal raġunijiet ta' diżabilità, identità jew l-espressjoni tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, status ta' migrazzjoni, klassi, età, reliġjon jew etniċità;

36.  Ifakkar fl-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi u l-inizjattivi tal-UE, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, il-mobilità u l-azzjonijiet għaż-żgħażagħ, kif ukoll li jittieħdu l-azzjonijiet rilevanti kollha biex tiġi żgurata aktar il-parteċipazzjoni tagħhom f'opportunitajiet bħal dawn;

Saħħa

37.  Iqis li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jeħtieġ li jkollhom aċċess sħiħ għall-kura medika u dentali li tissodisfa l-ħtiġijiet partikolari tagħhom, f'oqsma bħall-konsultazzjoni ginekoloġika, eżamijiet mediċi, is-saħħa sesswali u riproduttiva, ippjanar tal-familja u appoġġ adatt matul it-tqala, u kura tas-saħħa trans-speċifika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw investiment pubbliku f'dan il-qasam u li l-kura tas-saħħa pubblika nazzjonali tagħhom tkun tinkludi aċċess xieraq għal dawn is-servizzi;

38.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet b'diżabilità għandhom jirċievu l-informazzjoni kollha xierqa biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet b'mod liberu rigward saħħithom; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi miġġielda l-isterilizzazzjoni mġiegħla;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri għas-servizzi ta' kura għall-persuni b'diżabilità, fuq linji simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod tal-monitoraġġ biex jitkejlu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-affordabilità ta' dawn is-servizzi;

40.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jkollhom aċċess indaqs kemm għall-kura tas-saħħa speċifika għad-diżabilità kif ukoll għas-servizzi ġenerali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'għarfien espert dwar it-triq 'il quddiem biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni intersezzjonali;

Il-vjolenza sessista

42.  jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li l-UE ssir parti kontraenti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) bħala pass importanti fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet b'diżabilità; jistieden lill-UE biex tirratifika malajr il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawhiex biex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi għall-konklużjoni tal-adeżjoni tal-UE mill-aktar fis possibbli;

43.  Jenfasizza bi tħassib li n-nisa u l-bniet b'diżabilità huwa aktar probabbli li jsiru vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod speċjali l-vjolenza domestika u l-isfruttament sesswali; jirrimarka li dan jirrigwarda wkoll l-isterilizzazzjoni u l-abort imġiegħla; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa u jipprovdu servizzi b'livell għoli ta' kwalità, aċċessibbli u mfassla apposta sabiex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u jiġu appoġġjati l-vittmi tal-vjolenza, filwaqt li jipprovdu persunal imħarreġ biex jagħti pariri speċjalizzati kif ukoll protezzjoni legali xierqa u appoġġ;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lill-professjonisti tas-saħħa u tal-edukazzjoni kollha taħriġ xieraq għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet b'diżabilità;

45.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija Ewropea komprensiva biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, bi proposta għal att leġiżlattiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, b'attenzjoni partikolari fuq in-nisa u l-bniet b'diżabilità; jitlob ukoll li jiġi stabbilit osservatorju tal-UE dwar il-vjolenza sessista;

46.  Jitlob miżuri speċifiċi ta' politika biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-abbuż li jolqtu lil persuni b'diżabilità u b'diffikultajiet fit-tagħlim, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, inklużi intimidazzjoni, bullying u fastidju online, kif ukoll il-vjolenza f'sitwazzjonijiet ta' kura formali u informali;

L-inklużjoni diġitali u tal-mezzi tax-xandir

47.  Jenfasizza li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jingħelbu l-isterjotipi u l-preġudizzji dwar id-diżabilità, u li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jeħtieġ li jkollhom iktar viżibilità fil-mezzi tax-xandir sabiex jinbidlu n-normi soċjali ta' esklużjoni prevalenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir, il-korpi rappreżentattivi u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, speċjalment fil-bordijiet tagħhom, u jinvestu f'inizjattivi ta' qawmien tal-kuxjenza pubblika, kif ukoll biex jimmonitorjaw mill-qrib u jsegwu l-progress li jkun sar;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi u servizzi għan-nisa b'diżabilità, b'enfasi fuq l-inklużjoni diġitali tagħhom u l-potenzjal enormi tad-diġitalizzazzjoni għan-nisa b'diżabilità;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-aċċessibilità għas-servizzi tal-mezzi tax-xandir, b'servizzi tal-internet kompletament aċċessibbli li jilħqu l-ogħla standards ta' eċċellenza adattati għall-persuni b'diżabilità;

50.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lix-xandara jinvolvu għalkollox lin-nisa b'diżabilità bħala parteċipanti u preżentaturi f'mezzi tax-xandir ta' kull xorta;

Il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni

51.  Jiddispjaċih li l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 attwalment fis-seħħ ma rnexxilhiex tagħti spinta lill-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi, miżuri u politiki effettivi biex jindirizzaw is-segregazzjoni u r-rifjut tan-nisa b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, il-ħajja politika, u l-iskejjel u l-ambjenti tat-tagħlim;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu politiki biex jippermettu u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet b'diżabilità fil-ħajja pubblika, soċjali, kulturali, ekonomika u politika, b'mod partikolari billi jnaqqsu l-ostakli għall-mobilità u jħeġġu lin-nisa b'diżabilità jiffurmaw organizzazzjonijiet u netwerks u jingħaqdu magħhom, kif ukoll permezz ta' programmi ta' taħriġ u ta' mentorship;

53.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw azzjonijiet pożittivi mmirati lejn in-nisa b'diżabilità sabiex jippromwovu t-taħriġ, kollokamenti f'impjiegi, l-aċċess għall-impjiegi, żamma tal-impjiegi, mogħdijiet tal-karriera ugwali, adattament fil-post tax-xogħol u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet pożittivi biex tavvanza d-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità, tistabbilixxi mekkaniżmu biex timmonitorja l-progress, u tiffinanzja l-ġbir ta' data u riċerka dwar in-nisa u l-bniet b'diżabilità, f'konformità mal-prinċipji tas-CRPD;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030 li tintegra bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tas-CRPD fil-leġiżlazzjoni, politiki u programmi futuri tal-UE u hija konsistenti mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019, sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom bħal kwalunkwe persuna oħra;

56.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu l-istandards tas-CRPD fl-oqfsa legali u ta' politika tagħhom sabiex jiżguraw li l-approċċ lejn id-diżabilità bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem ikun rifless għalkollox fil-leġiżlazzjoni u fit-tfassil tal-politiki;

57.  Jissottolinja li n-nisa u l-bniet b'diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati mill-qrib dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki, u jiġu involuti b'mod attiv fihom biex jiġu żgurati n-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll il-monitoraġġ tal-effikaċja tagħhom; jitlob li jkun hemm djalogu strutturat ġenwin bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità għat-tfassil tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030;

58.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità jridu jkunu involuti fit-tħejjija, l-eżekuzzjoni u fl-evalwazzjoni ex-post tal-proġetti mwettqa fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE;

Il-finanzjament

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jottimizzaw il-Fondi Strutturali tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jippromwovu l-aċċessibilità u n-nondiskriminazzjoni għan-nisa b'diżabilità, u jżidu l-viżibilità tal-opportunitajiet ta' finanzjament, pereżempju għal negozji ġodda u l-appoġġ tal-intraprenditorija b'mod ġenerali;

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

 

 

 

 

(1)

ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(2)

ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(3)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(4)

ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2018Avviż legali