Proċedura : 2018/2900(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0551/2018

Testi mressqa :

B8-0551/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0475

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 403kWORD 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0551/2018
27.11.2018
PE631.544v01-00
 
B8-0551/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Iskandlu Cum Ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali attwali (2018/2900(RSP))


Markus Ferber, Dariusz Rosati f'isem il-Grupp PPE
Nils Torvalds f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iskandlu Cum Ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali attwali (2018/2900(RSP))  
B8‑0551/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni(1) (DAC2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli(2) (DAC6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-terminu "cum ex" jirreferi għall-prattika tan-negozjar ta' ishma b'tali mod li tinħeba l-identità tas-sid reali u li ż-żewġ partijiet involuti jkunu jistgħu jitolbu ribassi fit-taxxa fuq il-gwadanji kapitali li tkun tħallset darba biss;

B.  billi l-Iskandlu tal-Cum Ex kien żvelat lill-pubbliku permezz ta' investigazzjoni kollaborattiva bejn għadd ta' kumpaniji tal-midja tal-aħbarijiet Ewropej li kienu jinvolvu 12-il pajjiż u 38 korrispondent;

C.  billi huwa rrappurtat li 11-il Stat Membru tilfu sa EUR 55,2 biljun fi dħul mit-taxxa bħala riżultat tal-iskema;

D.  billi l-iskemi cum ex għandhom uħud mill-karatteristiċi tal-frodi tat-taxxa, iżda ma jippreżentaw l-ebda evidenza ċara ta' ksur la tal-liġi nazzjonali u lanqas tal-liġi tal-UE;

E.  billi minn Settembru 2017, it-tieni Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC2) tirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jiksbu informazzjoni mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u jiskambjawha mal-Istat Membru ta' residenza tal-kontribwenti fuq bażi annwali;

F.  billi s-sitt Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC6) tirrikjedi li kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza, tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew timmaniġġja l-implimentazzjoni ta' arranġament transfruntier rapportabbli, li jissodisfa karatteristiċi definiti minn qabel, tirrapporta dawk l-arranġamenti lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

G.  billi l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) espliċitament ikopri kwalunkwe żvilupp rilevanti fi ħdan il-kompiti tal-Kumitat li jitfaċċa matul il-mandat tiegħu;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar it-telf irrappurtat pubblikament mid-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, li jammonta għal EUR 55,2 biljun skont stimi tal-midja , li huma daqqa ta' ħarta kbira għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew;

2.  Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-UE biex jinvestigaw jekk jistax jiġi stabbilit ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-UE;

3.  Jissottolinja l-fatt li dawn ir-rivelazzjonijiet ma jaffettwawx l-istabilità tas-sistema finanzjarja tal-UE;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-DAC6 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni b'relazzjoni ma' arranġamenti transfruntiera rapportabbli

6.  Jistieden lill-Kumitat Speċjali TAX3 iwettaq il-valutazzjoni tiegħu stess dwar ir-rivelazzjonijiet Cum Ex u jinkludi r-riżultati u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti fir-rapport finali tiegħu;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1.

(2)

ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2018Avviż legali