Proċedura : 2018/2903(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0560/2018

Testi mressqa :

B8-0560/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.13
CRE 12/12/2018 - 12.13

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 51k
5.12.2018
PE631.571v01-00
 
B8-0560/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-pakkett dwar is-suq uniku (2018/2903(RSP))


Anneleen Van Bossuyt, Daniel Dalton f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pakkett dwar is-suq uniku (2018/2903(RSP))  
B8-0560/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Is-Suq Uniku f'dinja li qiegħda tinbidel – Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded" (COM(2018)0772),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Report on Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titlu "L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – 'Flimkien għal tkabbir ġdid'" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Settembru 2014, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titlu "The cost of non-Europe in the single market" (Il-kost ta' non-Ewropa fis-suq uniku),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Jannar 2016, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "A strategy for completing the single market: the trillion euro bonus", (Strateġija għall-ikkompletar tas-suq uniku: il-bonus ta' triljun euro),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar "Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar ostakli nontariffarji fis-suq uniku(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-suq uniku ta kontribut sinifikanti pożittiv lill-ekonomiji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxi bħala mutur għat-tkabbir u l-impjiegi u jappoġġa l-investiment fl-ekonomiji domestiċi;

B.  billi s-suq uniku mhux qed jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu, peress li għad baqa' ostakli għall-investiment u l-kummerċ transfruntier; billi dawn l-ostakli mhux tariffarji ħafna drabi huma mmotivati mill-protezzjoniżmu u jistgħu jkunu sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-għan iddikjarat tagħhom;

C.  billi, skont ir-riċerka tal-Parlament, il-kisbiet ekonomiċi antiċipati għall-ikkompletar tas-suq uniku jistgħu jaqbżu l-EUR 1 triljun f'żieda fil-PDG b'mod kollettiv madwar l-Unjoni, inkluż kisbiet sinifikanti fis-settur tas-servizzi;

D.  billi hemm bżonn ta' approċċ strateġiku, u billi r-reazzjoni għall-isfidi ffaċċjati għandha tkun politika daqs kemm tista' tkun teknika fin-natura tagħha;

E.  billi madwar l-UE, huma biss 18 % tan-negozji Ewropej li joffru oġġetti u servizzi online u 33 % biss tal-konsumaturi li jixtru online;

1.  Jilqa' l-messaġġ politiku b'saħħtu u l-objettivi ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku f'dinja li qiegħda tinbidel;

2.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, għal ħafna, l-"ikkompletar tas-suq uniku" hija sempliċement slogan u mhux prijorità politika serja;

3.  Jissottolinja l-impenn tal-Grupp ECR għall-proġett tas-suq uniku, u jappoġġa t-tentattiv sinċier tal-Kummissjoni li tmexxi 'il quddiem id-dibattitu f'dan il-qasam; jilmenta dwar l-approċċi protezzjonisti li qegħdin jiġu segwiti f'istituzzjonijiet oħra Ewropej, li huma ta' detriment għall-kostitwenti tagħhom;

4.  Jemmen b'mod partikolari li n-nuqqas ta' promulgazzjoni ta' riforma sinifikanti għall-ikkompletar tas-suq uniku fis-servizzi jirrifletti n-nuqqas ta' rieda ta' xi membri parlamentari u Stati Membri li jikkooperaw b'mod sinċier sabiex titwettaq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu eliminati l-ostakli li fadal fis-suq uniku sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi, għażla għall-konsumatur u mudelli kummerċjali ġodda;

6.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni eżistenti u ġdida trid tkun adatta għall-iskop tagħha, proporzjonata u tkun qafas adattabbli u flessibbli, sabiex tilqa' għall-isfidi ta' ekonomija globali u dinamika li tkun tista' tappoġġa t-tkabbir u l-innovazzjoni tan-negozju, tgħin biex jitjiebu l-kompetittività u l-produttività u tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-prattika ta' xi Stati Membri li jfittxu li "jesportaw" ir-regolamentazzjoni domestika tagħhom u jimponuha fuq Stati Membri oħra permezz tad-dritt tal-UE; iqis li din il-prattika mhijiex "pro-Ewropea" iżda hija protezzjoniżmu b'isem ieħor, u jqis li hija ma tissodisfax il-ħtieġa ta' qafas adattabbli u flessibbli xieraq għas-suq uniku Ewropew;

8.  Iqis li l-istrateġija tas-suq uniku diġitali għadha ma wasslitx għall-bidla radikali meħtieġa biex ir-regolamentazzjoni Ewropea tkun imfassla apposta għall-opportunitajiet li approċċ favur l-innovazzjoni u l-intraprenditorija jista' joffri lill-ekonomija diġitali;

9.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' tmexxija politika fir-rigward tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali u n-nuqqas ta' koerenza ġenerali fid-diversi inizjattivi tal-istrateġija; jiddispjaċih ukoll li l-koleġiżlaturi ħafna drabi ħadmu f'"kompartimenti" u adottaw leġiżlazzjoni li toħloq kunflitti jew trikkib ma' leġiżlazzjoni oħra; jiddubita kemm il-leġiżlazzjoni adottata se tagħmel is-suq uniku adattat għall-era diġitali, u jiddispjaċih dwar il-fatt li qegħdin jintilfu opportunitajiet biex jiġi modernizzat id-dritt tal-Unjoni, bħall-introduzzjoni tat-tikkettar elettroniku;

10.  Jemmen li l-Kummissjoni li jmiss għandha tirrieżamina l-eżiti tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali u tirrevedi s-separazzjoni skaduta tas-suq uniku "diġitali" mis-suq uniku "offline", peress li s-soluzzjonijiet diġitali huma parti indispensabbli tal-ekonomija moderna;

11.  Jirrimarka li s-suq uniku qiegħed jiġi dejjem aktar taħt pressjoni minn regoli nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-UE u l-objettivi tas-suq uniku, speċjalment regoli fil-livell nazzjonali li jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi (pereżempju permezz ta' regolamentazzjoni żejda);

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar tal-istrumenti eżistenti biex tieħu azzjoni kontra regoli nazzjonali li jippreġudikaw is-suq uniku; jemmen f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tippreżenta reġim komprensiv ta' proċedimenti ta' ksur fi żmien l-ewwel sentejn tal-mandat tal-Kummissjoni li jmiss, li jibni fuq l-informazzjoni li waslet mill-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità u analiżi oħra li hija wettqet;

13.  Iqis li l-konklużjoni tal-ħidma leġiżlattiva fuq il-proposta dwar in-notifiki mill-Pakkett tas-Servizzi 2017 għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-infurzar;

14.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tissodisfa l-għanijiet tagħha: iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jgawdu mill-ħafna benefiċċji tas-suq uniku biss jekk ir-regoli, li jintlaħaq qbil dwarhom b'mod konġunt, ikunu prattiċi u infurzabbli;

15.  Jappoġġa bil-qawwa l-istedina tal-Kummissjoni biex il-Kunsill jiddedika diskussjoni fil-fond fil-livell tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern biex jiġu identifikati l-prijoritajiet komuni u l-azzjonijiet speċifiċi; iqis li l-involviment tal-Istati Membri mill-bidu nett huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat appoġġ popolari għall-politiki proposti tal-Unjoni;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li jmiss tippjana b'mod ambizzjuż azzjonijiet tas-suq uniku u tippreżenta proposti leġiżlattivi f'waqthom sabiex tagħti biżżejjed żmien lill-koleġiżlaturi u lill-parlamenti nazzjonali għall-iskrutinju, ir-reviżjoni u l-adozzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 98.

(2)

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 48.

(3)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.

(4)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 105.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2018Avviż legali