Proċedura : 2018/2975(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0582/2018

Testi mressqa :

B8-0582/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 23
CRE 12/12/2018 - 23

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0530

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 450kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0582/2018
11.12.2018
PE631.605v01-00
 
B8-0582/2018

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))


Ingeborg Gräßle, Petri Sarvamaa f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))  
B8-0582/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(1) (ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid), b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu dwar il-kunflitti ta' interessi,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni mibgħuta mill-Partit Pirata Ċek fit-2 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-ilment uffiċjali mressaq quddiem il-Kummissjoni minn Transparency International tar-Repubblika Ċeka fid-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018, bit-titolu "L-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitt ta' interessi) fuq pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi ESI)",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill adotta r-Regolament Finanzjarju fit-18 ta' Lulju 2018; billi l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li jipprojbixxi l-kunflitti ta' interessi, daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018;

B.  billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

(i)  obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interessi fir-rigward tal-baġit tal-UE;

(ii)  obbligu pożittiv fuq atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta' interessi li jirriżultaw mill-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti b'mod oġġettiv bħala kunflitt ta' interessi;

C.  billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(2) "kunflitt ta' interessi jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide"; billi l-Kummissjoni hija obbligata li tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet fejn ikun jeżisti nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u fejn jinkixfu irregolaritajiet serji mhux skoperti, mhux rappurtati u mhux ikkoreġuti, relatati ma' kunflitt ta' interessi;

D.  billi fid-19 ta' Settembru 2018, Transparency International tar-Repubblika Ċeka ressqet ilment formali mal-Kummissjoni li fih sostniet li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babiš, kiser b'mod persistenti l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik Ċeka dwar il-kunflitti ta' interessi;

E.  billi ġie żvelat ukoll li s-Sur Babiš hu s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-Grupp Agrofert, permezz ta' fondi fiduċjarji li tagħhom hu l-fundatur u, fl-istess ħin, il-benefiċjarju;

F.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert jieħdu sehem fi proġetti sussidjati mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka, li min-naħa tagħhom huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

G.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert irċevew somom sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej matul il-perjodu 2014-2020, li jvarjaw minn EUR 42 miljun fl-2013 għal EUR 82 miljun fl-2017;

H.  billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul tal-uffiċjali pubbliċi Ċeki, is-Sur Babiš irċieva dħul ta' EUR 3.5 miljun matul l-ewwel sitt xhur tal-2018 mill-Grupp Agrofert permezz tal-fondi fiduċjarji tiegħu;

I.  billi f'Settembru 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament iddeċieda li jindirizza din il-kwistjoni fil-qafas tal-proċedura annwali ta' kwittanza, b'mod partikolari fis-seduti ta' smigħ mal-Kummissarji l-aktar ikkonċernati;

J.  billi dawn is-seduti ta' smigħ ma pprovdewx lill-Membri tal-PE bi tweġibiet ċari u suffiċjenti dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kunflitt ta' interessi tal-Prim Ministru Ċek;

K.  billi fl-1 ta' Diċembru 2018, il-midja Ewropea bħal The Guardian, Le Monde u s-Süddeutsche Zeitung ippubblikaw informazzjoni dwar l-opinjoni legali maħruġa mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni li tikkonferma l-kunflitt ta' interessi tas-Sur Babiš;

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar in-nuqqas ta' konformità tar-Repubblika Ċeka mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1046 dwar il-kunflitt ta' interessi tal-Prim Ministru Ċek u r-rabtiet tiegħu mal-Grupp Agrofert;

2.  Jiddeplora kwalunkwe tip ta' kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero u li ma jkun hemm l-ebda standard doppju fir-rigward ta' kunflitti ta' interessi ta' kwalunkwe politiku tal-UE, u li ma ssib l-ebda skuża għal dewmien fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

3.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2015(3), li fiha jinnota li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) nieda investigazzjonijiet amministrattivi [...] fir-Repubblika Ċeka fir-rigward tal-proġett magħruf bħala "Stork Nest" abbażi ta' allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet u jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament malli titlesta l-investigazzjoni; ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016(4), li fiha "jilqa' l-fatt li l-OLAF lesta l-investigazzjoni amministrattiva tiegħu dwar il-Proġett Ċek "Stork Nest", "jinnota li l-fajl miftuħ mill-OLAF dwar il-każ ġie ppubbliċizzat mill-mezzi tax-xandir Ċeki" u "jiddispjaċih li l-OLAF sab irregolaritajiet serji";

4.  Jistieden lill-Kummissjoni terfa' r-responsabbiltà u ssolvi dan il-kunflitt ta' interessi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi prevenzjoni attiva tal-kunflitti ta' interessi bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha billi tmexxi bl-eżempju u tieħu passi deċiżivi jekk tħabbat wiċċha ma' tali każ fi ħdanha stess jew fil-kapaċità tagħha bħala Gwardjan tat-Trattati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni uffiċjali dwar l-ilment imressaq minn Transparency International tar-Repubblika Ċeka abbażi tal-parir legali tas-servizz legali tagħha stess mingħajr aktar dewmien u, fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni, biex timplimenta l-miżuri korrettivi u l-proċeduri meħtieġa biex tirrettifika kwalunkwe sitwazzjoni illegali;

7.  Jistieden lill-kapijiet kollha tal-gvern u lill-uffiċjali tal-gvern biex jagħmlu użu proattiv mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, b'mod partikolari l-Artikolu 61 dwar il-kunflitti ta' interessi, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-UE, dik tal-Istati Membri tagħha, lid-demokrazija u l-interessi finanzjarji tal-UE, u biex jagħtu eżempju b'ħidma għal ġid pubbliku aktar milli għal qligħ personali;

8.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi ma tmur kontra l-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni tinvestiga b'mod sħiħ il-legalità tas-sussidji kollha tal-UE mħallsa lill-Grupp Agrofert minn mindu Babiš issieħeb mal-Gvern Ċek, minħabba li l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tindika wkoll il-possibbiltà ta' kunflitt ta' interessi fir-rwol preċedenti tal-Prim Ministru Ċek bħala Ministru tal-Finanzi fl-2014;

10.  jitlob li l-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti kollha relatati mal-possibilità ta' kunflitt ta' interessi tal-Prim Ministru Ċek u l-Ministru tal-Agrikoltura, u tispjega x'passi biħsiebha tieħu biex tirrimedja s-sitwazzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-finanzjament kollu tal-UE lil Agrofert sakemm jiġi investigat u solvut b'mod sħiħ il-kunflitt ta' interessi;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirkupra l-fondi kollha li tħallsu illegalment jew b'mod irregolari;

13.  Jinsisti fuq trasparenza sħiħa dwar kwalunkwe konnessjoni li s-Sur Babiš jista' jkollu mal-Grupp Agrofert, u li dawn il-konnessjonijiet ma jridux jinterferixxu mar-rwol tiegħu bħala Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka;

14.  Jistieden lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jipprevjeni l-kunflitti ta' interessi fil-kuntest tan-negozjati tal-baġit futur tal-UE u tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

 

 

(1)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)

Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0143.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0121.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali