Proċedura : 2018/2975(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0584/2018

Testi mressqa :

B8-0584/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 23
CRE 12/12/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 407kWORD 46k
11.12.2018
PE631.607v01-00
 
B8-0584/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))


Dennis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))  
B8‑0584/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(2),

–  wara li kkunsidra l-ilment imressaq minn Transparency International Czech Republic f'Settembru 2018 dwar ksur possibbli tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid mill-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš, li huwa akkużat li għandu kunflitt ta' interessi,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni dwar il-kunflitt ta' interessi tas-Sur Babiš fir-rigward tal-konglomerat Agrofert, li ġġib id-data tat-19 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Att Ċek Nru 159/2006 tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-kunflitti ta' interessi, li l-Artikolu 4(c) tiegħu daħal fis-seħħ f'Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Koordinaturi tal-Kumitat CONT li jqajmu l-kwistjoni tal-possibbiltà ta' kunflitt ta' interessi tas-Sur Babiš fil-qafas tal-kwittanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament Finanzjarju tal-2018 u l-Artikolu 61 ġdid tiegħu daħlu fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018;

B.  billi l-Artikolu 61 jinkludi fid-definizzjoni ta' kunflitt ta' interessi "kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor" u jkopri l-atturi finanzjarji kollha u persuni oħra, inklużi awtoritajiet nazzjonali, fi kwalunkwe livell, involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża;

C.  billi l-Kummissjoni għandha d-dmir li tissorvelja l-konformità tas-sistemi nazzjonali mar-rekwiżiti tal-UE u li tapplika miżuri adatti biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, fost l-oħrajn is-sospensjoni tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji, jekk jiġu identifikati vjolazzjonijiet tal-liġijiet applikabbli;

D.  billi l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, kif jirrikjedi l-Artikolu 36(3), għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-kunflitti ta' interessi;

E.  billi s-Sur Babiš, fl-2017, ittrasferixxa l-ishma tiegħu fil-kumpanija Agrofert u fil-grupp ta' Agrofert lil żewġ fondi fiduċjarji privati ġodda, filwaqt li jidher li huwa s-settlor uniku u l-benefiċjarju uniku taż-żewġ trusts;

F.  billi l-grupp Agrofert għandu ishma f'madwar 200 sa 300 kumpanija oħra li fl-2017 irċevew sa EUR 82 miljun f'finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE);

G.  billi hija r-responsabilità tal-awtoritajiet nazzjonali, fl-ewwel istanza, li jieħdu l-azzjoni meħtieġa, u b'hekk l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta li jieħdu miżuri adatti biex jindirizzaw is-sitwazzjoni;

H.  billi l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tikkwalifika s-sitwazzjoni tas-Sur Babiš bħala kunflitt ta' interessi, peress li l-uffiċjali pubbliċi u l-politiċi ma għandhomx jibbenefikaw mill-fondi tal-UE li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontrollawhom huma stess;

I.  billi l-opinjoni legali tiffoka fuq vjolazzjonijiet possibbli tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 b'rabta mal-Fondi SIE fl-2018; billi tħalli miftuħa l-possibbiltà li l-kunflitt ta' interessi jmur lura għall-2013 u jkopri wkoll fondi oħra tal-UE;

J.  billi l-Artikolu 4(c) tal-Att Ċek Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interessi jipprojbixxi li ssir għotja "lil kumpanija li fiha uffiċjal pubbliku jew entità taħt il-kontroll tiegħu ikun is-sid ta' tal-anqas 25 % tal-ishma";

K.  billi, skont l-Artikolu 2(1)(c) tal-att imsemmi hawn fuq, il-kunċett ta' uffiċjal pubbliku jinkludi membri tal-gvern;

1.  Jitlob li l-Gvern Ċek jikkompleta l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jivvaluta l-implimentazzjoni tal-Att Ċek Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interessi b'rabta mal-każ speċifiku tal-Prim Ministru Ċek u Agrofert;

2.  Jitlob li l-Gvern Ċek, malli jikkompleta l-investigazzjoni, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza s-sitwazzjoni;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament, bla dewmien ta' xejn, ir-risposta tagħha għall-ilment minn Transparency International(3);

4.  Jitlob, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni tippubblika l-opinjoni tas-Servizz Legali tagħha dwar dan il-każ li ġġib id-data tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (il-kunflitt ta' interessi) fuq pagamenti mill-Fondi ESI;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament l-ittra li, skont ma qal il-Kummissarju Oettinger huwa u jindirizza l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fit-3 ta' Diċembru 2018, intbagħtet lill-Gvern Ċek;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tistieden lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex jinvestiga dan il-każ u jibda l-investigazzjonijiet proprji tiegħu dwar il-kwistjoni;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament rapport dettaljat dwar il-qagħda kurrenti ta' dan il-każ qabel l-aħħar ta' Jannar 2019;

8.  Itenni d-dispjaċir tiegħu li r-rapport pajjiż b'pajjiż ma baqax isir fit-tieni rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni mill-Kummissjoni (ARES (2017)455202); jitlob mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa' tibda tirrapporta, separatament mis-Semestru Ekonomiku, dwar l-istatus tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi kontra l-korruzzjoni appoġġjati mill-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ma tevalwax l-isforzi kontra l-korruzzjoni biss f'termini ta' telf ekonomiku;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni tevalwa s-sistemi ta' kontroll implimentati fir-Repubblika Ċeka bil-għan li tivvaluta jekk jikkonformawx mal-Artikoli 36 u 63 tar-Regolament Finanzjarju;

10.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm segwitu għal din il-kwistjoni, b'mod partikolari fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika Ċeka.

 

(1)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(3)

 https://www.transparency.org/news/pressrelease/transparency_international_czech_republic_complaint_concerning_andrej_babis

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali