Proċedura : 2018/2975(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0585/2018

Testi mressqa :

B8-0585/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 23
CRE 12/12/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 410kWORD 50k
11.12.2018
PE631.608v◄►
 
B8-0585/2018

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))


Nedzhmi Ali, Morten Løkkegaard

f'isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))  
B8-0585/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-distribuzzjoni tal-kompetenzi fil-ġestjoni kondiviża kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid,

–  wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid fit-2 ta' Awwissu 2018, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD dwar id-distinzjoni bejn kunflitt ta' interessi reali, apparenti u potenzjali,

–  wara li kkunsidra l-ilment uffiċjali ppreżentat minn Transparency International mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kunflitt ta' interessi potenzjali fir-Repubblika Ċeka,

–  wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ organizzati mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) mal-Kummissarju Hogan fil-25 ta' Ottubru 2018, mal-Kummissarju Creţu fid-19 ta' Novembru 2018, mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fl-20 ta' Novembru 2018 u mal-Kummissarju Oettinger fit-3 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mad-DĠ BUDG tal-Kummissjoni waqt il-laqgħa tal-Kumitat CONT fl-20 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid dwar il-kunflitti ta' interessi fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra t-tweġibiet bil-miktub mogħtija mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza 2017, speċjalment għall-mistoqsijiet Nru 50 u 51 indirizzati lill-Kummissarju Oettinger, il-mistoqsija Nru 35 indirizzata lill-Kummissarju Creţu u l-mistoqsija Nru 66 indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba mibgħuta mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Andrej Babiš, lill-Kummissarju Oettinger, fl-10 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Repubblika Ċeka tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), u integrat u użat b'mod effettiv, fis-sistema ta' ġestjoni u ta' tagħha stess, l-għodda tal-IT Arachne żviluppata mill-Kummissjoni, li hija għodda utli għat-twettiq ta' analiżi tar-riskji u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kunflitti ta' interessi u l-irregolaritajiet;

B.  billi l-Kummissjoni naqset milli tinforma lill-Parlament dwar l-eżitu tal-proċedura ta' lment mibdija abbażi ta' lment ippreżentat minn Transparency International;

C.  billi f'waħda mit-tweġibiet bil-miktub tagħha mibgħuta lill-Kumitat CONT, il-Kummissarju Creţu enfasizzat il-fatt li l-awditi kollha tal-Kummissjoni magħmula s'issa fir-Repubblika Ċeka "inkludew, bħala parti mill-kwestjonarju normali tal-awditu li jintuża, il-verifika tal-assenza ta' kunflitt ta' interessi, b'mod partikolari fl-istadju tal-għażla tal-operazzjonijiet. Il-konklużjonijiet minn dawn l-awditi dak iż-żmien kienu li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li ġew awditjati kienu jaħdmu, għad li kien meħtieġ xi titjib (valutazzjoni tal-kategorija 2). Il-Kummissjoni kisbet ukoll evidenza waqt it-twettiq mill-ġdid tax-xogħol tal-awtorità tal-awditjar li awditi regolari Ċeki jkopru b'mod xieraq il-kwistjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interessi";

D.  billi fit-tweġiba tagħha għall-proċedura ta' kwittanza 2017, il-Kummissarju Creţu qalet li "L-awtoritajiet Ċeki qegħdin jikkooperaw b'mod leali fir-rigward ta' din it-talba, u pprovdew l-informazzjoni mitluba fil-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiġu kkoordinati l-programmi kollha kkonċernati";

E.  billi fil-Kumitat CONT, il-Kummissarju Oettinger stqarr li l-Kummissjoni kienet qed tistenna tweġiba mingħand l-awtoritajiet Ċeki għal ittra tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-kunflitt ta' interessi, u li l-Kummissjoni kienet se tasal għall-konklużjoni ladarba tkun inġabret u ġiet analizzata l-evidenza kollha;

F.  billi l-Kummissarju Oettinger wieġeb li "Wara d-dispożizzjonijiet modifikati tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju 1046/2018 fis-seħħ għal ġestjoni kondiviża minn Awwissu ta' din is-sena, il-Kummissjoni qed tivvaluta jekk għandhomx jiġu mitluba mingħand l-Istati Membri rekwiżiti ulterjuri u aġġustamenti għal miżuri diġà fis-seħħ. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tiġbor informazzjoni mingħand l-Istati Membri sabiex tivvaluta l-adegwatezza tas-sistemi ta' kontroll intern fis-seħħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiskambja l-fehmiet mal-awtoritajiet tal-programm u tipprovdi gwida qabel tmiem is-sena";

G.  billi bejn l-10 u t-12 ta' Diċembru 2018, id-DĠ BUDG ipprovda taħriġ lill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid;

H.  billi l-Prim Ministru Ċek wieġeb l-ittra tal-Kummissjoni u assigura li "r-Repubblika Ċeka se tirrispetta l-obbligi tagħha derivati mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea u li jiena personalment se nwettaq il-miżuri kollha meħtieġa biex niżgura l-konformità sħiħa tal-attivitajiet tiegħi mal-leġiżlazzjoni tal-UE".

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċeki jiżguraw konformità sħiħa mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu oġġettivament jiġu perċepiti bħala kunflitt ta' interessi;

2.  Jistieden lill-Gvern Ċek iwettaq b'ħeffa l-impenji meħuda fl-ittra ta' tweġiba tiegħu lill-Kummissjoni u jiggarantixxi li l-attivitajiet kollha appoġġati mill-assistenza tal-UE jikkonformaw għalkollox mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u li jitneħħa kwalunkwe tħassib dwar kunflitt ta' interessi potenzjali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tinnotifika lill-Parlament dwar l-eżitu tal-proċedura ta' lment malajr kemm jista' jkun;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja l-konformità tas-sistemi nazzjonali mar-rekwiżiti tal-UE u tagħmel awditu tas-sistemi ta' kontroll intern tal-Istati Membri skont ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali