Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0082/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0082/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

30.1.2019 - (2019/2543(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manfred Weber, Esteban González Pons, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, David McAllister, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Paulo Rangel, Nuno Melo, Gabriel Mato, José Inácio Faria, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Fernando Ruas, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Tunne Kelam f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2019

Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0082/2019
Testi mressqa :
B8-0082/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0082/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[1], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil[2] u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],

  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli, u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-UE, flimkien ma' pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra, la rrikonoxxiet l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

B.  billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro ħa f'idejh il-poter presidenzjali b'mod illeġittimu quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

C.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku Juan Guaidó ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

D.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutament appellat biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli;

E.  billi fl-2017, l-oppożizzjoni demokratika u l-priġunieri politiċi fil-Venezwela ngħataw il-Premju Sakharov tal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew;

1.  Jirrikonoxxi lis-Sur Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, kif iddikjarat fl-Artikolu 233 tagħha;

2.  Jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), flimkien mal-Istati Membri, biex jadottaw pożizzjoni soda u unifikata, u biex jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-uniku president interim leġittimu tal-pajjiż sakemm ikunu jistgħu jissejħu elezzjonijiet ġodda; jilqa' l-fatt li ħafna stati demokratiċi oħra diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, li rriżultat f'każijiet ta' qtil u ferimenti, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rispettati għalkollox;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza