Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0083/2019

Testi mressqa :

B8-0083/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 44k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2019
30.1.2019
PE631.684v01-00
 
B8-0083/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


Charles Tannock, Jan Zahradil, Pirkko Ruohonen‑Lerner, Monica Macovei, Hans‑Olaf Henkel, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  
B8‑0083/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(1), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil(2) u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3),

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' April 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-20 ta' Mejju 2018 fil-Venezwela saru b'mod li ma kienx konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-Unjoni Ewropea u pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra ma rrikonoxxewx l-elezzjoni u l-eżitu tagħha, u lanqas ma rrikonoxxew l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

B.  billi b'riżultat ta' kriżi politika, il-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent;

C.  billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolas Maduro, b'mod illeġittimu u kontra l-ordni kostituzzjonali, ħa f'idejh is-setgħa presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;

D.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-president leġittimu u elett demokratikament tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

E.  billi l-UE ripetutament appellat biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela;

2.  Jirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex ikollhom pożizzjoni soda u unifikata u wkoll biex jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-uniku president leġittimu interim tal-pajjiż sakemm jitħabbru elezzjonijiet ġodda; jilqa' l-fatt li diversi stati demokratiċi diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, qtil u ferimenti li seħħew reċentement, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-qraba tal-vittmi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali kollha u d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati għalkollox;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali