Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0084/2019

Testi mressqa :

B8-0084/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2019
30.1.2019
PE631.685v01-00
 
B8-0084/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


Javier Nart, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Dita Charanzová, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Valentinas Mazuronis, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Renate Weber f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  
B8‑0084/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(1), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil(2) u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3),

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli, u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-UE, flimkien ma’ pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra, ma rrikonoxxietx l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta’ dan il-proċess illeġittimu;

B.  billi fl-10 ta’ Jannar 2019, Nicolás Maduro ħa f'idejh b’mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

C.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku Juan Guaidó ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

D.  billi kien hemm protesti u dimostrazzjonijiet f’aktar minn 60 belt madwar il-pajjiż mill-21 ta’ Jannar 2019, l-akbar waħda fosthom fit-23 ta’ Jannar f’Caracas; billi qed jiġu rrappurtati ħafna mwiet fil-kuntest ta’ dimostrazzjonijiet u inkwiet; billi għad hemm ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jirriżulta minn atti ta’ vjolenza kontra u repressjoni ta’ protesti soċjali, tfittxijiet illegali, arresti arbitrarji, u stigmatizzazzjoni u persekuzzjoni ta’ attivisti tal-oppożizzjoni;

E.  billi fil-25 ta’ Jannar 2019 il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tat miżuri protettivi ta’ prekawzjoni favur Juan Guaidó;

F.  billi l-UE ripetutament appellat biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta’ proċess politiku kredibbli;

G.  billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-QKI beda eżami preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela, abbażi ta' lmenti li rċieva mingħand NGOs u individwi;

H.  billi f’Diċembru 2017 il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-oppożizzjoni demokratika tal-Venezwela;

1.  Jirrikonoxxi u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President tal-Assemblea Nazzjonali Juan Guaidó, li fit-23 ta’ Jannar 2019 ħa r-rwol ta’ President interim tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, fid-dawl tal-illeġittimità tar-reġim ta’ Nicolás Maduro u f’konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

2.  Jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), flimkien mal-Istati Membri, biex ikollhom pożizzjoni b'saħħitha u unifikata u jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-uniku President interim leġittimu tal-pajjiż sakemm ikunu jistgħu jissejħu elezzjonijiet ġodda, mill-iktar fis possibbli; jilqa’ l-fatt li ħafna stati demokratiċi oħra diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida;

3.  Iħeġġeġ lill-UE, kif ukoll lill-Istati Membri, biex jaħdmu flimkien mal-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Grupp ta’ Lima b’mod partikolari, u ma’ dawk li rrikonoxxew il-presidenza interim ta’ Juan Guaidó fuq aġenda komuni għall-irkupru sħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u s-soluzzjoni tal-kriżi umanitarja fil-Venezwela;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp leġittimu elett demokratikament tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jerġgħu jidħlu fis-seħħ u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-miżuri protettivi ta’ prekawzjoni mogħtija mill-IACHR favur Juan Guaidó;

5.  Iħeġġeġ għalhekk lill-amministrazzjoni de facto ta’ Maduro tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-membri kollha tal-Assemblea Nazzjonali, inklużi l-President tagħha, Juan Guaidó, u l-popolazzjoni usa’ tal-pajjiż;

6.  Jikkundanna r-repressjoni ħarxa kontra l-oppożizzjoni paċifika u l-membri eletti demokratikament tal-Assemblea Nazzjonali u l-President tagħha, Juan Guaidó, speċjalment wara li ħa l-ġurament bħal President interim tal-Venezwela;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, li tirriżulta fi qtil u diżgrazzji, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rrispettati bis-sħiħ;

8.  Jappoġġa bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex issir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar id-diżgrazzji rrappurtati; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-QKI;

9.  Ikompli jappoġġa l-impożizzjoni tal-UE ta’ sanzjonijiet addizzjonali mmirati u riversibbli iżda jqis li jeħtieġ li jsir aktar; jistieden lill-Kunsill għalhekk jestendi l-lista tas-sanzjonijiet biex tinkludi rappreżentanti oħra tal-awtoritajiet Venezwelani illeġittimi u l-membri tal-familja tagħhom; jitlob li l-Kunsill jikkunsidra l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq iż-żejt Venezwelan, inklużi l-ftehimiet mal-kumpanija statali PDVSA;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Grupp ta’ Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali