Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0085/2019

Testi mressqa :

B8-0085/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 45k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2019
30.1.2019
PE631.686v01-00
 
B8-0085/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


Ramón Jáuregui Atondo, Francisco Assis, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  
B8‑0085/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati attwalment fis-seħħ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-10 ta' Jannar 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-mandat il-ġdid tal-President Maduro,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014(2) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(3), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(7), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(8), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(9) u tal-25 ta' Ottubru dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(10),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-popolazzjoni Venezwelana qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni ekonomika u soċjali terribbli li fiha, skont in-NU, aktar minn 3 miljun Venezwelan diġà immigraw lejn pajjiżi ġirien, ir-rata ta' inflazzjoni tas-sena l-oħra sparat 'il fuq għal aktar minn 1 650 000 %, u skont il-Federazzjoni tal-Farmaċewtika tal-Venezwela (Ferfarven), il-pajjiż ma għandux 85 % tal-mediċini li jinbiegħu regolarment;

B.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018 jinkludu referenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi ta' bħalissa, soluzzjoni li għandha tinkiseb billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt li l-objettiv tiegħu jkun dak li jippromwovi inizjattiva mmexxija b'mod konġunt mis-sħab reġjonali u internazzjonali prinċipali, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jwasslu għal proċess politiku;

C.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli, u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-UE, flimkien ma' pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra, la rrikonoxxiet l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

D.  billi, minkejja n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018, Nicolás Maduro ħa l-ġurament fl-10 ta' Jannar 2019 quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja għall-perjodu 2019-2025;

E.  billi matul dawn l-aħħar jiem, kien hemm dimostrazzjonijiet pubbliċi fil-Venezwela; billi matul dan il-perjodu, inqatlu 26 persuna, minħabba vjolenza indiskriminata min-naħa tal-awtoritajiet;

F.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

G.  billi l-UE tibqa' konvinta li soluzzjoni paċifika, politika demokratika hija l-unika mod sostenibbli biex tissolva l-kriżi tal-Venezwela u qiegħda tiddjaloga ma' sħab internazzjonali u reġjonali dwar kif l-UE tista' tgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal proċess politiku kredibbli fost l-atturi rilevanti tal-Venezwela; billi l-UE tenniet ir-rieda tagħha li żżomm il-mezzi tal-komunikazzjoni miftuħa;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela, jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, li kkawżat qtil u diżgrazzji, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rrispettati bis-sħiħ;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lejn l-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratikament leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jerġgħu jidħlu fis-seħħ u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha;

3.  Jafferma l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif jintemm l-impass politiku attwali u l-kriżi soċjali serja li dan ipprovoka; jikkundanna u jirrifjuta, għalhekk, kwalunkwe proposta jew tentattiv biex tiġi solvuta l-kriżi li tista' timplika l-użu ta' armi jew vjolenza;

4.  Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali b'mod urġenti, ħielsa, trasparenti u kredibbli skont standards demokratiċi rikonoxxuti f'livell internazzjonali u l-ordni kostituzzjonali tal-Venezwela;

5.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiddjaloga mal-pajjiżi tar-reġjun u ma' atturi ewlenin oħra bil-għan li jinħoloq Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018; jenfasizza li dan il-grupp għandu jippromwovi fehim komuni u approċċ miftiehem fost l-atturi internazzjonali ewlenin dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, bil-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi attwali, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe medjazzjoni diretta bejn il-partijiet Venezwelani, iżda minflok jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinħoloq proċess kredibbli, li jippermetti lill-Venezwelani li jiddeterminaw il-futur tagħhom stess permezz ta' elezzjonijiet ġodda bil-garanziji kollha, inkluż kalendarju maqbul, kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha, trasparenza u osservazzjoni internazzjonali; itenni li se jkun possibbli biss li tintemm il-kriżi istituzzjonali li qed ibati l-pajjiż jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha;

6.  Ifakkar fit-talba li ressqet l-UE biex issir sejħa urġenti għal elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u kredibbli, u jiddikjara li, fin-nuqqas ta' tali tħabbir, se ssir talba lill-VP/RGħ, lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni magħquda b'saħħitha u jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala President interim tal-pajjiż sakemm jissejħu elezzjonijiet ġodda;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10.

(2)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(3)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(4)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(5)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(6)

ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

(7)

ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali