Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0086/2019

Testi mressqa :

B8-0086/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 154kWORD 47k
30.1.2019
PE631.687v01-00
 
B8-0086/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


João Pimenta Lopes, João Ferreira, Miguel Viegas, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Nikolaos Chountis, Eleonora Forenza, Maria Lidia Senra Rodríguez, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  
B8‑0086/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, Artikolu 1(2), tal-Karta tan-NU tal-1945, u l-għan iddikjarat tiegħu ta' "l-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta' relazzjonijiet ta' ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom, u jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw b'mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu b'mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",

–  wara li kkunsidra l-prinċipju ta' nonintervent stabbilit fil-Karta tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-UE tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2015, li fiha l-firmatarji tennew mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex titħares l-ugwaljanza sovrana tal-Istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament tal-Amerika Latina, b'mod partikolari, iċ-ċaħda tiegħu ta' kwalunkwe tentattiv ta' intervent barrani, dirett jew indirett, fl-affarijiet interni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u tat-talbiet tiegħu favur djalogu kostruttiv,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-20 ta' Mejju 2018, fil-Venezwela saru l-elezzjonijiet kostituzzjonali, ħielsa u demokratiċi, għall-presidenza u għall-kunsill leġiżlattiv reġjonali; billi fl-elezzjonijiet ħadu sehem 16-il partit u erba' kandidati kkontestaw il-kariga ta' President; billi kienu biss tliet partiti tal-oppożizzjoni li ddeċidew li jibbojkottjaw dawn l-elezzjonijiet;

B.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tressqu 'l quddiem fuq talba tal-oppożizzjoni; billi kien biss fl-aħħar minuta li l-oppożizzjoni ffirmat il-ftehim politiku u elettorali li tfassal fir-Repubblika Dominicana bil-moderazzjoni tal-ex Prim Ministru Spanjol José Luis Rodriguez Zapatero;

C.  billi l-elezzjonijiet seħħew taħt kundizzjonijiet ugwali, ġusti u trasparenti, taħt is-superviżjoni ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali bbilanċjat, u ngħataw biżżejjed garanziji lill-parteċipanti kollha;

D.  billi 200 osservatur internazzjonali indipendenti, bħall-ex President ta' Spanja, José Luis Rodriguez Zapatero, l-ex Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Ċipru, Marcos Cipriani, u l-ex President tas-Senat Franċiż, Jean-Pierre Bel, attendew għall-elezzjonijiet Venezwelani fuq stedina tal-awtoritajiet Venezwelani rilevanti;

E.  billi fl-20 ta' Mejju 2018, Nicolás Maduro rebaħ l-elezzjonijiet b'68 % tal-voti;

F.  billi l-elezzjonijiet tal-gvernaturi saru f'Ottubru 2018 u l-elezzjonijiet muniċipali saru f'Diċembru 2018 bil-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni; billi l-oppożizzjoni qed tikkontesta biss l-elezzjonijiet presidenzjali, li saru taħt l-istess kundizzjonijiet bħat-tliet elezzjonijiet l-oħra;

G.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-Venezwela ffaċċjat attentat ta' kolp ta' stat, bi Juan Guaidó jiddikjara lilu nnifsu bħala l-President interim tal-pajjiż; billi dan l-att m'għandu l-ebda bażi kostituzzjonali jew ġuridika peress li l-artikoli kostituzzjonali invokati ma ġewx issodisfati;

H.  billi l-Istati Uniti u l-hekk imsejjaħ Grupp ta' Lima vvalidaw it-tentattiv ta' kolp ta' stat u rrikonoxxew lil Juan Guaidó bħala l-President interim tal-pajjiż, waqt li fl-istess ħin pajjiżi oħrajn irrikonoxxew lil Nicolás Maduro bħala l-President leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;

I.  billi fl-24 ta' Jannar 2019, id-dikjarazzjoni taħt il-patroċinju tal-Istati Uniti li tħeġġeġ lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) biex tirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-President interim ġiet miċħuda minn 18-il membru tagħha;

J.  billi proposta tal-Istati Uniti ta'appoġġ għall-kolp ta' stat ta' Juan Guaidó ġiet miċħuda fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-Kunsill tas-Sigurtà minflok appella għal djalogu miftuħ u inklużiv fil-pajjiż biex jitnaqqsu t-tensjonijiet;

K.  billi aktar minn 20 pajjiż, li jinkludu l-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Istati Membri tal-CARICOM, u bosta stati oħrajn, appellaw għal djalogu miftuħ u inklużiv fil-pajjiż bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-problemi kurrenti tiegħu;

L.  billi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Venezwela f'dawn l-aħħar snin iggravat b'konsegwenza tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji dejjem akbar mill-Istati Uniti u mill-UE, liema sanzjonijiet wasslu għal iperinflazzjoni, tnaqqis fil-provvista, faqar dejjem akbar u għall-iskarsezza ta' mediċini u ta' tagħmir mediku;

M.  billi hemm ħtieġa urġenti li s-sitwazzjoni kurrenti tingħeleb u li tinstab soluzzjoni negozjata fil-Venezwela;

O.  billi din il-ġimgħa, bosta pajjiżi fir-reġjun, bħall-Messiku u l-Urugwaj, esprimew ir-rieda tagħhom li jaġixxu bħala medjaturi jew faċilitaturi bil-għan li tinstab soluzzjoni permezz ta' djalogu nazzjonali inklużiv;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' kolp ta' stat fil-Venezwela, l-awtoproklamazzjoni ta' Juan Guaidó bħala l-President interim tal-pajjiż lil hinn mill-qafas kostituzzjonali, u l-istrateġija favur il-leġittimizzazzjoni tal-intervent barrani fil-Venezwela bl-appoġġ tal-Istati Uniti u tal-hekk imsejjaħ Grupp ta' Lima;

2.  Huwa mħasseb li s-sitwazzjoni kurrenti tista' twassal għal eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Venezwela; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li soluzzjoni paċifika u politika għall-problemi eżistenti għandha tiġi negozjata mill-Venezwelani bi qbil mal-Kostituzzjoni Venezwelana u mingħajr indħil barrani;

3.  Jappella lill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż jerġgħu lura lejn it-triq ta' djalogu u negozjati; ifakkar li d-djalogu li twaqqaf mill-oppożizzjoni sena ilu irriżulta fit-test tal-Ftehim dwar il-Koeżistenza Demokratika għall-Venezwela u jenfasizza li dan il-ftehim jista' jkun il-punt tat-tluq għal djalogu nazzjonali mġedded;

4.  Jilqa' r-rieda murija minn bosta pajjiżi fir-reġjun, bħall-Messiku u l-Urugwaj, li jaġixxu bħala medjaturi jew faċilitaturi bil-għan li tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu;

5.  Jissottolinja li r-rikonixximent internazzjonali ta' kwalunkwe gvern ġdid abbażi ta' awtoproklamazzjoni jipperikola b'mod serja l-iggravar tas-sitwazzjoni politika u jipproduċi effetti konsekwenzjali li jmorru lil hinn mill-Venezwela, fuq ir-reġjun kollu;

6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, jikkundannaw b'mod qawwi l-attentat ta' kolp ta' stat, u r-rispett tad-dritt internazzjonali - b'mod partikolari tal-prinċipji tal-Karta tan-NU bħall-prinċipju ta' nonintervenzjoni;

7.  Jikkundanna ż-żieda fl-eskalazzjoni tal-indħil politiku, l-imblokk ekonomiku u finanzjarju, id-destabbilizzazzjoni diplomatika u t-theddid kontinwu promoss mill-Istati Uniti, mill-awtoproklamat Grupp ta' Lima u mill-UE kontra l-Venezwela;

8.  Jappella għat-tneħħja tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra l-Venezwela, li kkontribwew bil-qawwa għat-taħsir tal-ekonomija tal-pajjiż kif indikat fir-rapport tal-espert indipendenti tan-NU, Alfred de Zayas;

9.  Jistieden lill-Istati Membri ma jsegwux l-istrateġija irresponsabbli adottata mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u minn xi pajjiżi tal-hekk imsejjaħ Grupp ta' Lima, liema strateġija għandha l-għan li tilleġittima l-intervent barrani fil-Venezwela aktar milli tappoġġja u tippromwovi soluzzjonijiet paċifiċi għas-sitwazzjoni permezz tad-djalogu;

10.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ċaħad il-proposta tal-Istati Uniti ta' appoġġ għall-attentat ta' kolp ta' stat fil-Venezwela;

11.  Iqis inaċċettabbli d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn xi Stati Membri kontra pajjiż sovran u indipendenti, li jikkontribwixxu biss għall-eskalazzjoni tal-kunflitt;

12.  Ifakkar li l-President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, Nicolás Maduro, kien elett permezz ta' votazzjoni tal-poplu fl-20 ta Mejju 2018;

13.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Venezwelan; Ifakkar li "l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw b'mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu b'mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom"(1); jiċhad l-attakki kollha fuq id-demokrazija u s-sovranità tal-Venezwela;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament tal-Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, kif ukoll lill-korpi reġjonali Latino-Amerikani, inklużi l-Unasur, l-ALBA u s-CELAC.

 

(1)

Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Għoti ta' Indipendenza lill-Pajjiżi u lill-Popli Kolonjali.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali