Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0087/2019

Testi mressqa :

B8-0087/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 48k
30.1.2019
PE631.688v01-00
 
B8-0087/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


Molly Scott Cato, Tilly Metz f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  
B8‑0087/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Jannar 2019 attribwibbli għall-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres, dwar il-mewġa ġdida ta' vjolenza fil-Venezwela(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2019 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament tal-Amerka Latina u l-Karibew tat-28 ta' Jannar 2019, iffirmata mill-President tiegħu Elías Castillo,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2018 intitolat "Human rights violations in the Bolivarian Republic of Venezuela: a downward spiral with no end in sight" (Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela: spiral 'l isfel li jidher bla tmiem),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta' Ġunju 2018(2) li żżid 11-il uffiċjal Venezwelani mal-lista ta' sanzjonijiet tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport sħiħ ta' Amnesty International dwar il-Venezwela tal-20 ta' Settembru 2018 intitolat "This is no way to live: public security and right to life in Venezuela" (Din mhix ħajja: is-sigurtà pubblika u d-dritt għall-ħajja fil-Venezwela), u dokumenti aktar riċenti dwar il-Venezwela maħruġa minn Amnesty International,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-ġimgħa li għaddiet, rajna tensjonijiet jiżdiedu u eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza bi rbit mal-protesti fil-Venezwela, hekk li tal-anqas 20 ruħ inqatlu u ħafna oħra ndarbu, u saru detenzjonijiet fuq skala kbira,

B.  billi hemm ħtieġa serja li s-sitwazzjoni kurrenti tingħeleb u li tinstab soluzzjoni negozjata biex il-pajjiż jinħareġ minn din il-qagħda: it-taqlib soċjali, it-tbatija ekonomika u l-eżodu ta' miljuni ta' Venezwelani, in-nuqqas serju ta' ikel, l-iskarsezza ta' mediċini u n-nuqqas ta' servizzi mediċi adegwati, il-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza fit-toroq, ilkoll konsegwenza tat-tmexxija politika ħażina u tal-imġiba awtokratika tal-gvern ta' Maduro,

C.  billi r-rispons tal-awtoritajiet governattivi għad-dimostrazzjonijiet leġittimi tat lok għall-agħar repressjoni s'issa kontra l-oppożizzjoni, b'użu eċċessiv tal-forza tal-pulizija li ma turi ebda rispett għall-integrità fiżika tad-dimostranti, b'detenzjonijiet arbitrarji tal-massa, b'intimidazzjoni u maltrattament, inkluża vjolenza sesswali; billi aġir li jsikket lid-dimostranti ma joffri l-ebda soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt u jmur kontra kull obbligu internazzjonali f'dak li jirrigwarda d-dritt għal protesta paċifika;

D.  billi l-kundanna ta' persuni ċivili mill-qrati militari, l-impunità, il-fastidju u l-kriminalizzazzjoni fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-gvern ta' Maduro ġew iddenunzjati u kkundannati fil-wisa' minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali;

E.  billi, fi Frar 2018, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ddeċieda li jiftaħ eżami preliminari tas-sitwazzjoni fil-Venezwela biex janalizza r-reati li allegatament twettqu fil-pajjiż minn April 2017 'il hawn, fil-kuntest ta' dimostrazzjonijiet u taqlib politiku relatat;

F.  billi d-dritt għal protesti paċifiċi huwa dritt fundamentali tal-bniedem, filwaqt li kwalunkwe sejħa għal protesti trid tkun imfassla bir-reqqa biex ma tagħtix lok għal aktar vjolenza jew provokazzjoni fid-dawl tat-tensjonijiet kurrenti;

G.  billi kwalunkwe soluzzjoni għal dan il-kunflitt, li huwa profond u għandu ħafna aspetti differenti, trid tinstab fi ħdan il-qafas tal-istat tad-dritt u tkun konformi ma' standards internazzjonali, u trid tirrispetta bis-sħiħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi r-rikonoxximent internazzjonali ta' kwalunkwe gvern ġdid imsawwar abbażi ta' awtoproklamazzjoni joħloq sogru serju li jkompli jitfa' l-ħatab fuq sitwazzjoni diġà inċendjarja, u saħansitra li tfaqqa' gwerra ċivili, u jista' jipproduċi effetti konsegwenzjali barra l-Venezwela, fid-dawl tar-riskju li jkattar l-għadd ta' migranti li jaħarbu lejn pajjiżi ġirien;

I.  billi, f'dawn l-aħħar jiem, waslu fil-Venezwela diversi proposti ta' medjazzjoni, min-naħa tal-Messiku, tal-Urugwaj, tal-Parlament tal-Amerka Latina u tal-Karibew, flimkien ma' offerta li jinħoloq Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, appoġġjat mill-UE;

J.  billi r-rwol tal-Unjoni Ewropea għandu jkun li toffri medjazzjoni bejn l-atturi kollha attivi fil-kunflitt ġewwa l-pajjiż, rwol li tista' taqdi b'mod siewi, fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn diversi Stati Membri tal-UE u l-Venezwela,

K.  billi, skont ċifri mogħtija mill-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) affiljati man-NU, l-għadd ta' rifuġjati Venezwelani, li l-parti l-kbira minnhom jinsabu fil-pajjiżi ġirien, qabeż sewwa t-3 miljun ruħ, hekk li jikkawża pressjoni mingħajr preċedent fuq ir-riżorsi umanitarji u ekonomiċi tal-pajjiżi ospitanti;

1.  Jikkundanna r-reazzjoni tal-President Maduro u tal-awtoritajiet għad-dimostrazzjonijiet fil-pajjiż; jikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza u l-każijiet kollha ta' qtil extraġudizzjarju, korrimenti u detenzjonijiet illegali; jiddeplora t-taqlib li qed jikber bħalissa u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-ħbieb u lill-familji ta' dawk li nqatlu, indarbu jew sfaw detenuti;

2.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu ta' dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u ta' dawk li seħħew qabilhom, mill-President Maduro u mill-gvern tiegħu, u jirrepeti t-talba tiegħu biex tintemm l-impunità għal reati mwettqa fl-imgħoddi kif ukoll fil-mewġa ta' protesti kurrenti; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, indipendenti u imparzjali dwar dawn ir-reati u vjolazzjonijiet, u li min wettaq dawn il-każijiet kollha jitressaq quddiem il-ġustizzja;

3.  Iwissi kontra kwalunkwe ripetizzjoni tal-vjolenza li ġiet irrapportata fl-2017; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal assemblea paċifika; itenni t-tħassib tiegħu dwar kif il-gvern ta' Maduro mmina l-mandat demokratiku tal-assemblea eletta, li s-setgħat u l-prerogattivi tagħha għandhom jiġu rikonoxxuti u rispettati; jistieden lill-atturi kollha biex jirrinunzjaw għall-użu ta' forza eċċessiva, sproporzjonata u indiskriminata, li hija pprojbita b'mod ċar u inekwivokabbli skont id-dritt internazzjonali;

4.  Itenni l-preokkupazzjonijiet profondi tiegħu dwar in-nuqqas ta' leġittimità tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mejju 2018, li la kienu ħielsa, la ġusti, u lanqas kredibbli; jisħaq fuq l-importanza tal-awtodeterminazzjoni tal-poplu Venezwelan u l-importanza ta' espressjoni ġenwina tar-rieda demokratika tagħhom; jitlob, għaldaqstant, li elezzjonijiet ħielsa u ġusti jiġu organizzati mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-mexxejja politiċi biex joqogħdu lura milli jirrikonoxxu president ġdid li ma għandu ebda mandat elettorali, peress li tali rikonoxximent jista' jkompli jkebbes aktar taqlib u instabbiltà politika; jinnota li tali rikonoxximent jikser il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni u jimmina n-normi demokratiċi;

5.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex minnufih jidħlu fi Djalogu Nazzjonali inklużiv u kredibbli intiż biex isib soluzzjoni fit-tul u dejjiema għall-kriżi Venezwelana; jirrakkomanda li tali djalogu jista' jiġi appoġġjat minn medjazzjoni internazzjonali, kif offrew il-Messiku u l-Urugwaj; jistieden lill-atturi tal-Unjoni Ewropea biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fl-isforzi ta' medjazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti li n-Nazzjonijiet Uniti u l-qafas internazzjonali jeħtieġ li jkollhom f'dan il-kuntest;

6.  Japprova s-suġġeriment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jinħoloq Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali mal-pajjiżi tar-reġjun u ma' kwalunkwe attur ewlieni ieħor, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018, bil-għan li jiffaċilita Djalogu Nazzjonali bejn in-naħat kollha, inklużi l-Assemblea Nazzjonali u l-Gvern tal-Venezwela; jinsisti fuq il-ħtieġa li elezzjonijiet ġodda jsiru kemm mill-aktar fis possibbli u f'konformità mal-istandards internazzjonali, bħala parti minn proċess ta' stabilizzazzjoni u tranżizzjoni;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li azzjonijiet riċenti minn atturi Venezwelani u barranin se jinkoraġġixxu aktar polarizzazzjoni, inkluż fil-livell internazzjonali, bis-sogru li l-kunflitt fil-Venezwela jibdluh f'kamp tal-battalja bi prokura kkontestat minn setgħat internazzjonali, bħall-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Russja u ċ-Ċina, li jridu jasserixxu l-kontroll fuq ir-riżervi taż-żejt tal-Venezwela; isemma' l-allarm dwar ir-riskju potenzjali li l-vjolenza u t-taqlib fil-Venezwela jinxterdu fil-pajjiżi ġirien, u r-riskju li fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għall-gwerra fir-reġjun;

8.  Jinsisti li standards doppji fir-rigward ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu evitati, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu konsistenti fil-pożizzjonijiet tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi; ifakkar fl-importanza ta' rispons magħqud tal-UE bħala l-bażi għal pożizzjoni tal-UE b'saħħitha u aktar kredibbli;

9.  Jistieden lill-forzi militari u tas-sigurtà biex iżommu strettament mal-mandat tagħhom, hekk li l-militar ikun jista' jaqdi rwol kostruttiv f'konformità mad-dmir kostituzzjonali tiegħu; jikkundanna l-ħolqien u l-azzjonijiet tal-forzi paramilitari, ikun min ikun fil-kmand tagħhom, u jitlob li jiġu xolti minnufih, li d-delitti kollha tagħhom jiġu investigati bil-ħeffa, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja skont l-istandards internazzjonali;

10.  Ifakkar li s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Venezwelani tirrikjedi soluzzjonijiet fit-tul; jagħraf il-bosta sforzi mill-pajjiżi ġirien biex jipprovdu mhux biss ikel u akkomodazzjoni, iżda wkoll dokumentazzjoni legali regolari, edukazzjoni u appoġġ mediku, u jistieden lill-atturi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu l-istess fir-rigward tar-rifuġjati kollha;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

(1)

https://www.un.org/sg/en/content/sg/statement/2019-01-24/statement-attributable-the-spokesperson-for-the-secretary-general-venezuela-scroll-down-for-spanish

(2)

ĠU L 160 I, 25.6.2018, p. 12.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali