Proċedura : 2018/2782(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0097/2019

Testi mressqa :

B8-0097/2019

Dibattiti :

PV 12/02/2019 - 22
CRE 12/02/2019 - 22

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 16.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0112

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 167kWORD 58k
6.2.2019
PE631.715v01-00
 
B8-0097/2019

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0006/2019

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-isfidi politiċi u l-istrateġiji kontra l-kanċers tan-nisa u l-komorbiditajiet relatati (2018/2782(RSP))


Daniela Aiuto f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isfidi politiċi u l-istrateġiji kontra l-kanċers tan-nisa u l-komorbiditajiet relatati (2018/2782(RSP))  
B8-0097/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 9, 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta Kontra l-Kanċer adottata fl-4 ta' Frar 2000 f'Pariġi matul l-ewwel Summit Dinji kontra l-Kanċer(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar għall-kanċer(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2009 dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea (COM(2009)0291),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha tal-24 ta' Ġunju 2009 dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea, u t-tieni rapport ta' implimentazzjoni tagħha dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer (2003/878/KE) (COM(2014)0584),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006, dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-prevenzjoni ta' mard tan-nisa marbut mal-età (7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE(9),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta għall-Kontroll tal-Kanċer CanCon tal-2017 intitolata "Gwida Ewropea dwar it-Titjib tal-Kwalità fil-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer",

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea tal-2017 bit-titolu "Rapport ta' Stħarriġ Ewropew dwar l-Implimentazzjoni tal-Unitajiet tas-Sider: informazzjoni li tappoġġja l-ECIBC għall-politiki u l-inizjattivi tal-kura tal-kanċer tas-sider",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-proteżijiet tas-sider difettużi magħmulin minn ġel tas-silikon manifatturati mill-kumpanija Franċiża PIP(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) dwar is-sikurezza tal-proteżijiet tas-sider tas-silikon ta' Poly Implant Prothèse (PIP) ippubblikata fl-1 ta' Frar 2012(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2001 dwar il-petizzjonijiet iddikjarati ammissibbli dwar il-proteżijiet tas-silikon (Petizzjonijiet 0470/1998 u 0771/1998)(12), u b'mod partikolari l-petizzjoni 0663/2018 li daħlet reċentement dwar il-proteżijiet mammarji u l-effetti fuq is-saħħa tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-isfidi tal-politika u l-istrateġiji kontra l-kanċers tan-nisa u l-komorbiditajiet relatati (O-000134/2018 – B8-0006/2019),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt li l-persuni jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li jibbenefikaw minn trattament mediku;

B.  billi wieħed minn kull tliet Ewropej jiżviluppa l-kanċer matul ħajtu u kull sena madwar 1.3 miljun ruħ imutu bil-kanċer fl-UE, li jammonta għal madwar 26 % tal-imwiet kollha(13);

C.  billi l-kanċer tal-pulmun huwa s-sors ewlieni ta' mwiet minħabba l-kanċer fl-UE, segwit mill-kanċer kolorettali u l-kanċer tas-sider;

D.  billi l-kanċer u l-komorbiditajiet oħra relatati jolqtu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, iżda bit-tipi ta' kanċer speċifiċi għal kull sess u approċċi għad-dijanjostika u l-prevenzjoni li jvarjaw għan-nisa u l-irġiel, hemm bżonn ta' politika mmirata;

E.  billi l-forom ewlenin ta' kanċer li jaffettwaw lin-nisa huma l-kanċer tas-sider, tal-utru u dak ċervikali; billi l-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer komuni li għandu konsegwenzi fatali fost il-popolazzjoni femminili, mhux biss fi ħdan l-UE (16 %), iżda wkoll globalment;

F.  billi d-data turi li sa nofs l-imwiet mill-kanċer jistgħu jiġu evitati(14) jekk il-kanċer jiġi osservat fil-ħin u jiġi ttrattat b'mod adegwat;

G.  billi r-rata ta' sopravivenza tal-pazjenti milquta mill-kanċer tas-sider tista' tilħaq it-80 % f'każijiet ta' dijanjożi bikrija u trattament f'waqtu;

H.  billi n-nisa bil-kanċer ta' spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi psikoloġiċi serji u ta' spiss sottovalutati, b'mod speċjali f'każijiet fejn titwettaq mastektomija jew isterektomija;

I.  billi l-kanċer jista' jkollu konsegwenzi fiżiċi u ta' fertilità negattivi għan-nisa, bħal uġigħ, linfedema, eċċ.;

J.  billi l-kanċer jaffettwa b'mod negattiv il-ħajja personali, soċjali u professjonali tan-nisa u hu daqqa ta' ħarta kbira għall-awtostima u l-awtoaċċettazzjoni tagħhom;

K.  billi jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u lill-irġiel bil-kanċer u l-komorbiditajiet relatati li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi speċifiċi fir-rigward tal-marda tagħhom u tar-responsabbiltajiet familjari tagħhom li jkollhom jipprovdu kura għal tifel jew tifla, persuna anzjana jew persuna b'diżabilità;

L.  billi kull mara għandu jkollha aċċess universali u ugwali għas-servizzi tas-saħħa, b'mod partikolari l-iskrinjar, it-trattament u l-appoġġ b'xejn u ta' kwalità għolja għal wara t-terapija, irrispettivament mill-post ta' residenza, l-istatus soċjali, il-professjoni, il-kultura tagħhom jew kwalunkwe fattur ieħor; billi dan mhuwiex, madankollu, ir-realtà, u aktar u aktar nisa qed jiffaċċjaw diffikultajiet, jew qed jiġu esklużi minn dawn is-servizzi tas-saħħa, minħabba l-politiki ta' awsterità u l-impatt tagħhom fuq is-settur tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri;

M.  billi l-iskoperta bikrija tal-kanċer permezz ta' visti mediċi tista' ssalva l-ħajja ta' dawk affettwati; billi huwa għalhekk tal-akbar importanza li jittejjeb l-aċċess għal miżuri ta' prevenzjoni disponibbli permezz ta' visti mediċi;

N.  billi anke llum l-UE għadha kkaratterizzata minn ħafna disparitajiet sinifikanti kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom: f'ambjenti privati u pubbliċi, f'żoni rurali u urbani, f'reġjuni u bliet, u anke fi sptarijiet fl-istess belt, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità tat-trattament ipprovdut; billi l-Istati Membri għandhom sistemi tas-saħħa ferm differenti u standards li jvarjaw; billi hemm distakk serju fl-inċidenza u l-mortalità bejn l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant u l-medja Ewropea; billi r-responsabilità għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u d-dispożizzjonijiet għad-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer hija f'idejn l-Istati Membri individwali; billi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE huma ta' valur miżjud kbir;

O.  billi kwalunkwe triq li tirnexxi fil-kura tal-kanċer u fil-komorbiditajiet relatati jenħtieġ li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta', u d-differenzi osservati bejn, in-nisa u l-irġiel f'termini ta' prevenzjoni u t-trattament ta' pazjenti bil-kanċer, kif ukoll il-komunikazzjoni inklużiva fost il-pazjenti, is-superstiti tal-kanċer, il-membri tal-familja u l-persuni li jindukraw, il-persunal mediku u x-xjenzati;

P.  billi għad hemm nuqqas ta' trattament olistiku għall-pazjenti bil-kanċer, fejn l-istruttura tat-trattament spiss tkun riġida u ma tirriflettix il-ħtiġijiet tan-nisa, speċjalment in-nisa żgħażagħ u dawk LGBTIQ+;

Q.  billi n-nisa u l-irġiel milquta jenħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża f'kull stadju tal-marda tagħhom, kif ukoll għall-prevenzjoni, l-iskrinjar ta' kwalità, id-dijanjożi, il-monitoraġġ, u t-trattament u l-appoġġ wara l-irkupru tagħhom;

R.  billi t-trattamenti għall-kanċer għandhom riperkussjonijiet kbar, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u billi huwa essenzjali li tiġi pprovduta kwalità tajba tal-ħajja għall-pazjenti u l-familji tagħhom billi jiġu offruti appoġġ xieraq u għajnuna mfassla apposta għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

S.  billi l-impatt tal-kanċer fuq il-ħajja tal-bniedem u t-tbatija umana huwa inkwetanti ħafna u jista' jsir ħafna aktar biex jiġu salvati l-ħajjiet billi jinġabru flimkien ir-riżorsi, l-għarfien u t-teknoloġiji eżistenti;

T.  billi n-nisa u l-irġiel huma affettwati mill-kanċer b'modi differenti, u s-superstiti tal-kanċer nisa jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet partikolari biex jirritornaw għax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħajja tal-familja; billi l-evidenza turi li l-interventi psikosoċjali bikrija għandhom impatt pożittiv fl-appoġġ lil superstiti tal-kanċer li għandhom kwistjonijiet relatati mal-impjiegi; billi r-riabilitazzjoni psikoloġika u vokazzjonali jenħtieġ li tiġi żviluppata permezz ta' approċċ ibbażat fuq il-persuna u sensittiv għall-ġeneru;

U.  billi kull sena, eluf ta' nisa jirċievu proteżijiet tas-sider għal raġunijiet mediċi jew estetiċi, jew xi kultant taħlita tat-tnejn, mingħajr ma tingħata l-ebda kunsiderazzjoni reali għar-riskji qabel ma dawn il-proteżijiet jiġu rrakkomandati lill-pazjenti; billi l-każ tal-PIP iffoka l-attenzjoni kollha fuq manifattur wieħed mingħajr atturi oħra li qed jiġu investigati b'mod aktar wiesa' u bir-reqqa; billi l-manifatturi tal-proteżijiet tas-sider (minbarra l-PIP) ma jipprovdu l-ebda informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-effetti negattivi maġġuri jew minuri tal-ġel tas-silikon użat mill-industrija farmaċewtika għal dawn il-finijiet; billi l-manifatturi ma jistgħux jiggarantixxu proteżi koeżiva 100 %, u l-kwistjoni tat-tnixxija tal-proteżijiet għadha ma ġietx solvuta; billi r-rata ta' qsim u r-riskji invażivi tas-silikon fil-ġisem kollu hija problema reali; billi l-kirurgi suppost joffru alternattivi għall-proteżijiet tas-sider, peress li din hija forma ta' kirurġija kważi irriversibbli li potenzjalment tirriżulta kemm f'mutilazzjoni kif ukoll fi problemi tas-saħħa serji fin-nisa, inklużi kanċers u komorbiditajiet relatati; billi diversi rapporti stabbilixxew rabta diretta bejn l-użu ta' proteżijiet tas-silikon u l-linfoma anaplastiku taċ-ċelluli l-kbar (ALCL), tip rari ta' linfoma mhux ta' Hodgkin li rriżulta f'mill-inqas 14-il mewta fost l-409 każ u fuqhom irreġistrati: billi fl-2017 l-assoċjazzjoni Netherlandiża SVS/Meldpunt irreġistrat 4 898 pazjent bi proteżijiet tas-sider;

V.  billi fatturi ambjentali għandhom effett fuq is-saħħa b'ċerti karċinoġeni magħrufa li jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju, speċjalment għan-nisa;

W.  billi ż-żieda fl-istennija tal-għomor se tippreżenta sfidi futuri xjentifiċi, demografiċi u mediċi, billi n-nisa ġeneralment jgħixu aktar mill-irġiel;

X.  billi riċerka ta' kwalità għolja dwar il-kawżi u t-trattament tal-kanċer hija kruċjali għat-titjib tal-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament b'suċċess u l-ġestjoni ta' patoloġija kontinwa;

Y.  billi l-aħjar trattament disponibbli għal xi tipi ta' kanċer jista' jirrikjedi li l-pazjenti jivvjaġġaw lil hinn mir-reġjuni jew l-Istati Membri tagħhom biex ikollhom aċċess għal proċeduri li jsalvaw il-ħajja; billi l-pazjenti li jeħtieġu trattament f'pajjiżi barra l-UE jistgħu jiffaċċjaw ostakli serji biex jaċċessaw proċeduri f'waqthom;

Z.  billi n-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol f'ċerti industriji u spiss huma f'riskju akbar li jiżviluppaw kanċer relatat max-xogħol minħabba l-esponiment għal materjal karċinoġeniku;

1.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tar-rata ta' skoperta bikrija, li saħħet ir-rati ta' sopravivenza fost il-pazjenti b'kanċer tas-sider, u jirrimarka li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jimmiraw li jtejbu t-trattamenti ta' tipi oħra ta' kanċer, bħal kanċer tal-ovarji jew dak ċervikali, u komorbiditajiet relatati;

2.  Jirrimarka li l-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer fatali komuni fost in-nisa fl-UE, segwit mill-kanċer tal-pulmun, il-kanċer kolorettali u dak pankreatiku, filwaqt li l-kanċer tal-prostata u dak tal-pulmun jibqgħu l-aktar komuni fost l-irġiel;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-kanċer fil-politika tas-saħħa billi jiżviluppaw u jistabbilixxu strateġija komprensiva tal-UE u politiki bbażati fuq l-evidenza u kosteffikaċi kontra l-kanċer u l-komorbiditajiet relatati; jenfasizza li dawn iqisu l-ħtiġijiet partikolari tan-nisa u l-irġiel billi jiġbru data preċiża u komprensiva dwar l-inċidenza/is-sopravivenza tal-kanċer diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiżguraw li azzjonijiet speċifiċi jiġu mmirati lejn pazjenti bil-kanċer, filwaqt li jwettqu riċerka, jibdew azzjoni preventiva kontra tipi partikolari ta' kanċer, u jipprovdu aċċess għal informazzjoni preċiża, skrinjar, dijanjożi, monitoraġġ, trattament u appoġġ ta' wara t-terapija sabiex tiġi ggarantita l-kura tas-saħħa medika;

4.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew flimkien mal-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġija effikaċi tal-UE kontra l-kanċer; jistieden lill-Kummissjoni tesplora x-xejriet ta' politika fil-kura tal-kanċers li b'mod predominanti jaffettwaw lin-nisa madwar pajjiżi differenti, tidentifika liema approċċi ta' politika għandhom l-aħjar rati ta' sopravivenza tal-kanċer, u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-ħolqien u l-appoġġ ta' sistemi tal-kura tal-kanċer ta' kwalità għolja bi standards għal programmi ta' skrinjar għall-kanċer fl-UE li jkunu komuni għall-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex isservi bħala pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fir-rigward ta' mudelli ta' kura tal-kanċer u standards għal programmi tal-kanċer imfassla apposta għal sitwazzjonijiet individwali u kapaċitajiet finanzjarji sabiex jinħolqu sinerġiji fl-indirizzar ta' sfidi komuni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-koordinazzjoni madwar l-UE kollha fil-qasam tar-riċerka dwar il-kanċer tan-nisa li hija frammentata u diversa ħafna madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mis-Sħubija Innovattiva għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer (iPAAC) sabiex tikseb aktar koordinazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-kanċer tal-ovarji;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar tipi ta' kanċer speċifiċi għall-ġeneru li jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat u dwar kif jiġi prevenut il-kanċer, filwaqt li jipprovdu informazzjoni dwar il-fatturi tal-istil ta' ħajja modifikabbli għall-prevenzjoni, bħal bidliet fid-dieta, il-konsum tal-alkoħol u l-eżerċizzju; jenfasizza li dawn jenħtieġ ukoll li jinkoraġġixxu lin-nisa jieħdu sehem fi programmi ta' skrinjar għall-kanċer tas-sider jew dak ċervikali;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni dwar is-saħħa u programmi u kampanji ta' litteriżmu mmirati biex isaħħu l-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet u jagħtuhom l-għodod biex jieħdu ħsieb il-kura personali fl-ispettru kollu tas-saħħa, flimkien mas-servizzi tal-kura tas-saħħa pubbliċi, komprensivi u bla ħlas;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw dwar il-prevenzjoni tal-kanċer billi jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer(15);

9.  Jenfasizza s-sitwazzjoni speċifika tal-irġiel, b'mod partikolari dawk transġeneru, affettwati mill-kanċer tas-sider jew tal-utru; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu servizzi tas-saħħa mentali mfassla apposta biex jittrattaw it-tbatija li tali persuni jistgħu jesperjenzaw; jenfasizza l-importanza li jiġi infurmat il-persunal mediku u paramediku b'dan it-tip ta' sitwazzjoni permezz ta' taħriġ xieraq;

10.  Itenni l-ħtieġa li jixxerred materjal speċifiku u preċiż, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu kampanji ta' informazzjoni mfassla għal tipi differenti ta' kanċer u gruppi differenti ta' pazjenti, kemm jekk nisa kif ukoll irġiel, filwaqt li jitqiesu l-fatturi essenzjali kollha bħall-istorja tal-familja, l-età, l-istatus soċjoekonomiku jew il-post ta' residenza;

11.  Jinnota li terz tal-popolazzjoni għadu nieqes minn reġistrazzjoni ta' kanċer ta' kwalità għolja, l-aktar f'reġjuni li għandhom l-ifqar riżorsi u stat ta' saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw ir-reġistri tal-kanċer;

12.  Itenni li l-ġbir tad-data dwar l-attivitajiet ta' skrinjar għall-kanċer jenħtieġ li jkun marbut mal-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta' Intervisti (EHIS) tal-Eurostat u l-Istħarriġ Nazzjonali dwar is-Saħħa permezz ta' Intervisti sabiex tinkiseb informazzjoni aktar preċiża dwar l-attendenza u l-intervalli f'ambjenti ta' skrinjar spontanji u organizzati;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni fl-iskejjel sekondarji dwar il-vajrus tal-papilloma uman (HPV) bl-għan li l-bniet u n-nisa żgħażagħ jiġu infurmati dwar din l-infezzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-istabbiliment ta' ċentri aġġornati li fihom qed tiġi offruta għajnuna psikoloġika speċjalizzata lil pazjenti onkoloġiċi minn tekniċi ta' kura intermedja bi kwalifiki, psikologi u persunal mediku rilevanti ieħor sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pazjenti bil-kanċer matul it-trattament tagħhom permezz tal-għoti ta' diversi forom ta' appoġġ psikoloġiku; jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi kostanti fil-qasam tal-mediċina jirriżultaw f'persunal mediku li kontinwament ikollu jikseb għarfien li huwa essenzjali għall-iskoperta bikrija u l-kwalità tat-trattament;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iżvilupp tal-kura fil-komunità sabiex tinkludi firxa aktar wiesgħa ta' servizzi meħtieġa minn superstiti tal-kanċer u persuni b'kundizzjonijiet kroniċi; jenfasizza li l-kura tal-komunità jenħtieġ li tiġi żviluppata b'mod sensittiv għall-ġeneru biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċjali tan-nisa li huma superstiti tal-kanċer meta jirritornaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjieg u l-ħajja tal-familja, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet psikosoċjali tagħhom;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità għas-Servizzi tal-Kanċer tas-Sider; isostni li din l-iskema jenħtieġ li tipprovdi gwida dwar ir-riabilitazzjoni, is-sopravivenza u l-kura palljativa, b'enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-iskrinjar f'waqtu permezz ta' finanzjament aktar effikaċi u riżorsi akbar, u biex jibdew kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jħeġġu lill-gruppi kollha li jinsabu f'riskju li jieħdu vantaġġ minn visti mediċi bikrija bla ħlas;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni Ewropej u l-istrumenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, fost l-oħrajn, sabiex joħolqu ċentri ta' kwalità assigurata, ċentri ta' prevenzjoni u trattament li huma aċċessibbli faċilment għall-pazjenti kollha;

19.  Jistieden lill-Istati Membri, b'appoġġ mill-Kummissjoni u abbażi ta' diversi possibbiltajiet ta' finanzjament tal-UE, biex jiffinanzjaw servizzi li jipprovdu appoġġ lil familji fejn wieħed mill-membri huwa pazjent tal-kanċer, inklużi gwida tal-familja u pariri dwar il-fertilità għal pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tappoġġja b'mod sħiħ l-istrateġija tad-WHO dwar l-eliminazzjoni tal-kanċer ċervikali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-qafas legali eżistenti, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sorveljanza, il-viġilanza u l-ispezzjoni rigward l-użu ta' mezzi mediċi ta' riskju għoli u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tan-nisa; jistedinhom ukoll jiżviluppaw aktar miżuri biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-proteżijiet tas-sider; iqis li hemm bżonn urġenti ta' valutazzjoni fil-fond tar-riskji assoċjati ma' dawn il-proteżijiet, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-każijiet ta' kanċer, u speċjalment ta' linfoma anaplastiku taċ-ċelluli l-kbar (ALCL), li jinsabu fin-nisa;

22.  Jitlob l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga l-impatt tal-proteżijiet tas-silikon fuq is-saħħa tan-nisa, u b'mod partikolari r-rabta possibbli ma' forom ta' kanċer u komorbiditajiet relatati;

23.  Jitlob li attenzjoni u riżorsi akbar jiġu ddedikati għal skoperta bikrija u riċerka bażika dwar il-kanċer tal-ovarji;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-azzjoni biex jingħalaq id-distakk bejn l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant u l-medja Ewropea fir-rigward tal-inċidenza u l-mortalità tal-kanċer tal-ovarji u dak ċervikali billi jitneħħew l-inugwaljanzi strutturali bejn il-pajjiżi permezz tal-organizzazzjoni ta' servizzi effikaċi u kosteffikaċi ta' skrinjar għall-kanċer;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jiffukaw ukoll fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nisa u l-irġiel li huma pazjenti bil-kanċer u pazjenti b'komorbiditajiet oħra, u li l-mard tagħhom ma jistax jiġi kkurat, pereżempju billi jiġi appoġġjat il-moviment ta' ospizji;

26.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema u l-persuni li jindukraw; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tad-drittijiet ta' individwu għal-liv u li jitlob arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jistgħu jindirizzaw l-isfidi partikolari li jiltaqgħu magħhom il-ġenituri li jaħdmu u/jew dawk li jindukraw li jieħdu ħsieb membru tal-familja li għandu l-kanċer u l-komorbiditajiet relatati;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000119111

(2)

ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.

(3)

ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 611.

(4)

ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 273.

(5)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 11.

(6)

ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 95.

(7)

ĠU C 434, 23.12.2015, p. 38.

(8)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.

(9)

ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1.

(10)

ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 89.

(11)

http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_034.pdf

(12)

ĠU C 53 E, 28.2.2002, p. 231.

(13)

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Cancer_statistics

(14)

http://cancer-code-europe.iarc.fr/index.php/en/

(15)

http://cancer-code-europe.iarc.fr/index.php/mt/

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Frar 2019Avviż legali