Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0103/2019

Testi mressqa :

B8-0103/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0127

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 144kWORD 51k
11.2.2019
PE635.328v01-00
 
B8-0103/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza  (2019/2569(RSP))


Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Innocenzo Leontini f'isem il-Grupp ECR
Gérard Deprez f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza  (2019/2569(RSP))  
B8‑0103/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

 B.   billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li jopera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jirrispettaw d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

C.  billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

D.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB u l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li jifformaw u jingħaqdu ma' trade unions għall-protezzjoni tal-interessi tagħhom;

E.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB jiddikjara li "Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor";

F.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB jiddikjara wkoll dwar il-libertà ta' għaqda li "Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet skont il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew tal-amministrazzjoni tal-Istat";

G.  billi l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjara wkoll li "l-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni";

H.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta; billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralista jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralista u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet;

I.  billi l-libertà ta' għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, kif żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, li jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri;

J.  billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

K.  billi l-Artikolu 52 tal-Karta jgħid li "Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet";

L.  billi, skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-UE "għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom [tal-Istati Membri], inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali". billi "b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru";

1.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-libertà ta' espressjoni;

2.  Jenfasizza li d-dibattitu pubbliku huwa vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi;

3.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-istat waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta tkun intużat forza sproporzjonata;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu lura milli jużaw forza sproporzjonata kontra dimostranti paċifiċi;

5.  Jemmen li l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi qatt ma tista' tkun soluzzjoni f'dibattitu jew fil-politika;

6.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fit-taħriġ mogħti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) dwar "L-ordni pubbliku – is-sorveljanza ta' avvenimenti kbar mill-pulizija"; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu ma' xulxin l-aqwa prattiki f'dan ir-rigward;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali