Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0104/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0104/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza

11.2.2019 - (2019/2569(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Eva Joly, Ernest Urtasun, Margrete Auken, Josep-Maria Terricabras, Jordi Solé, Yannick Jadot, Pascal Durand f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0104/2019

Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0104/2019
Testi mressqa :
B8-0104/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0104/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza

(2019/2569(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-istudju komparattiv rigward il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-libertà ta' għaqda paċifika approvat mill-Kummissjoni ta' Venezja fid-99 sessjoni plenarja tagħha (Venezja, it-13 u l-14 ta' Ġunju 2014),

–  wara li kkunsidra l-manwal tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE dwar iż-żamma tal-ordni mill-pulizija fuq ġemgħat ta' nies,

–  wara li kkunsidra l-Kummissjoni ta' Venezja u l-Linji Gwida tal-ODIHR tal-OSKE dwar il-Libertà ta' Għaqda Paċifika,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar minn Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-ġestjoni tajba tal-ġemgħat tan-nies tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u tar-Rapporteur Speċjali dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi d-drittijiet fundamentali, peress li joriġinaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iridu jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u billi l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati;

C.  billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li jopera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

D.  billi l-Artikolu 12 tal-Karta u l-Artikolu 11 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikolu 21 tal-ICCPR, jiddikjaraw li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika;

E.  billi l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikolu 7 tal-ICCPR, jiddikjaraw li ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti;

F.  billi l-libertà ta' għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, kif iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikolu 19 tal-ICCPR li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, li jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri;

G.  billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralista jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralista u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet;

H.  billi l-Artikolu 52 tal-Karta jgħid li "Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet"; billi, bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss meta dawn ikunu meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn;

I.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri ġew ikkritikati talli mminaw id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u talli użaw forza eċċessiva;

J.  billi fis-6 ta' Frar 2019, diversi esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU ħeġġew lir-Renju Unit biex ma jinvokax il-leġiżlazzjoni relatata mas-sigurtà u mat-terroriżmu biex iħarrek lil dimostranti paċifiċi, insegwitu tal-kundanna tal-hekk imsejħa Stansted 15, li intervjenu fl-ajruport fix-Xlokk tal-Ingilterra biex jimpedixxu deportazzjoni permezz ta' ajruplan;

K.  billi fid-29 ta' Jannar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa esprima tħassib dwar l-għadd kbir ta' persuni feruti fil-protesti fi Franza, jew qrib tagħhom, inkluż permezz ta' projettili mill-hekk imsejħa armi ta' difiża intermedjarji bħall-lanċatur ta' balel ta' difiża, kif ukoll tħassib dwar l-abbozz ta' dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-parteċipazzjoni f'dimostrazzjoni bħala miżura preventiva, abbażi ta' deċiżjoni amministrattiva u mingħajr ebda skrutinju minn qabel minn qorti, u l-abbozz ta' dispożizzjoni li tagħmel reat kriminali li wieħed jaħbi parti minn wiċċu jew il-wiċċ kollu f'dimostrazzjoni jew qrib tagħha;

L.  billi fit-13 ta' Diċembru 2018, diversi esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew tħassib dwar rapporti li diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu ġew iffastidjati, arbitrarjament detenuti u interrogati għal diversi sigħat mill-awtoritajiet Pollakki waqt il-laqgħa tal-COP24 tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Katowice; billi fil-5 ta' Diċembru 2016, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u d-Direttur tal-ODIHR tal-OSKE esprimew tħassib serju dwar emendi legali li jdgħajfu d-dritt għal-libertà ta' għaqda fil-Polonja;

M.  billi fl-20 ta' Novembru 2018, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ssottolinja li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar is-Sikurezza taċ-Ċittadini fi Spanja rriżultat f'sanzjonijiet imposti abbażi ta' motivi mhux ċari fuq ġurnalisti li ffilmjaw il-forzi tal-infurzar tal-liġi, u fuq persuni li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi u laqgħat pubbliċi oħra, u esprima tħassib dwar il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fuq persuni li jikkonvokaw dimostrazzjonijiet mhux notifikati; billi fl-4 ta' Ottubru 2017, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u diversi esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew tħassib dwar allegazzjonijiet ta' użu sproporzjonat ta' forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-Katalonja fl-1 ta' Ottubru 2017, u talbu li ssir investigazzjoni;

N.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija[2], il-Parlament Ewropew ikkundanna l-intervent vjolenti u sproporzjonat mill-pulizija matul il-protesti f'Bukarest f'Awwissu 2018, u talab lill-awtoritajiet Rumeni jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali u effikaċi dwar l-azzjonijiet tal-pulizija ta' kontra l-irvelli;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni;

2.  Jenfasizza li d-dibattitu pubbliku miftuħ huwa vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi; jemmen li l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi qatt ma tista' tkun soluzzjoni;

3.  Jikkundanna l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi rigward il-libertà ta' għaqda f'diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar snin;

4.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-istat waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali u effikaċi meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom dejjem jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali rilevanti;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jużaw forza eċċessiva u detenzjoni arbitrarja kontra dimostranti paċifiċi; jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u l-aħħar għażla, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu indiskriminat tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità; jieħu nota tar-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-fotoġurnalisti fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet li fihom ġew attakkati b'mod deliberat;

6.  Jitlob li l-Istati Membri jużaw prattiki alternattivi, li diġà taw prova li huma effikaċi, b'mod partikolari dawk li jevitaw il-kuntatt fiżiku mad-dimostranti u jserrħu fuq uffiċjali tal-medjazzjoni;

7.  Ifakkar li l-politiki dwar l-infurzar tal-liġi jridu jagħtu kunsiderazzjoni speċjali lill-persuni li huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi dannużi tal-użu tal-forza b'mod ġenerali, kif ukoll għall-effetti ta’ armi speċifiċi inqas letali, bħat-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jbatu mill-mard mentali jew dawk li jkunu taħt l-influwenza tad-drogi jew tal-alkoħol;

8.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fit-taħriġ offrut mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) dwar "L-ordni pubbliku – is-sorveljanza ta' avvenimenti kbar mill-pulizija"; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu ma' xulxin l-aqwa prattiki f'dan ir-rigward; jitlob li l-Istati Membri jrawmu t-taħriġ kontinwu tal-awtoritajiet tal-pulizija fid-dritt nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jagħtu prijorità lit-tferrix volontarju tan-nies mingħajr l-użu tal-forza; jinsisti li l-armi tan-nar ma għandhom qatt jintużaw legalment biex iferrxu ġemgħat ta' nies, iżda jistgħu jintużaw biss fejn ikunu strettament meħtieġa biex jikkonfrontaw theddida imminenti għall-ħajja jew ta' korriment serju;

10.  Jikkundanna l-użu ta' ċerti tipi ta' armi anqas letali, bħall-projettili ta' impatt kinetiku, granati tal-gass tad-dmugħ ta' emissjoni istantanja, mill-forzi tal-pulizija kontra dimostranti paċifiċi, armi li saħansitra ntużaw f'reġjuni fejn dawn ġew ipprojbiti; jikkundanna wkoll l-użu tal-gass tad-dmugħ, kanuni tal-ilma u mezzi oħra għat-tferrix ta' dimostranti, li jistgħu jikkawżaw korrimenti gravi li jħallu konsegwenzi tul il-ħajja; jieħu nota li bosta organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali talbu li ċerti tipi ta' armi anqas letali jiġu pprojbiti;

11.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom limiti differenti għall-użu tal-forza u tal-armi; jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE huma ttrattati b'modi differenti ħafna mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u li d-drittijiet fundamentali tagħhom mhumiex imħarsa ndaqs kullimkien;

12.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri u tar-reġjuni tagħhom li jissospendu jew jipprojbixxu ċerti tipi ta' armi anqas letali; iħeġġeġ il-projbizzjoni tal-użu ta' ċerti tipi ta' armi u tagħmir anqas letali, inklużi, pereżempju, armi li jisparaw projettili ta' impatt kinetiku, bħall-Flash-ball jew l-LBD 40, granati "sting-ball", u granati tal-gass tad-dmugħ ta' emissjoni istantanja, bħall-GLI F4;

13.  Jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-armi kollha jiġu evalwati u ttestjati b'mod indipendenti qabel ma jiddaħħlu fis-suq, u li tinġabar id-data kollha kurrenti dwar l-użu tal-forza, b'tali mod li tkun tista' tinġabar evidenza li jkollha x'taqsam mal-użu, l-abbuż, il-konsegwenzi mhux mistennija, il-korrimenti u l-imwiet u l-kawżi tagħhom;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jorganizza smigħ dwar l-użu tal-forza u armi anqas letali kontra l-ġemgħat tan-nies, u biex iħejji rapport dwar dan is-suġġett b'kollaborazzjoni mal-panel STOA bil-ħsieb li jiġu żviluppati linji gwida għall-Istati Membri dwar l-użu tal-forza u ta' armi anqas letali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex jieħdu sehem f'dan il-proċess;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu biex jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-petizzjonijiet li jikkonċernaw il-ksur tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u l-użu eċċessiv tal-forza f'dan il-kuntest;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

  

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Frar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza