Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0105/2019

Testi mressqa :

B8-0105/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0104/2019
11.2.2019
PE635.330v01-00
 
B8-0105/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))


Sylvia-Yvonne Kaufmann, Birgit Sippel f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))  
B8-0105/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi li jaqgħu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u għandhom jiġu rispettati;

C.  billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li jopera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

D.  billi huwa essenzjali li l-UE tiddefendi l-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

E.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB u l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li jifformaw u jingħaqdu ma' trade unions għall-protezzjoni tal-interessi tagħhom;

F.  billi l-KEDB tiddikjara wkoll dwar il-libertà ta' għaqda li "Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet skont il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew tal-amministrazzjoni tal-Istat", abbażi tal-kriterji tal-proporzjonalità u tan-neċessità;

G.  billi kull meta l-użu leġittimu tal-forza jkun inevitabbli, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jeżerċitaw trażżin ta' tali użu u jaġixxu b'mod proporzjonat għall-gravità tar-reat u għall-objettiv leġittimu li jrid jintlaħaq. billi huma għandhom jevitaw il-ħsara u l-korrimenti, u jirrispettaw u jippreservaw il-ħajja umana u l-integrità fiżika;

H.  billi l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjara wkoll li l-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni;

I.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta; billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralista jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralista u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet;

J.  billi l-libertà ta' għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, kif żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, li jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri;

K.  billi l-Artikolu 52 tal-Karta jgħid li "Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet";

L.  billi l-użu ta' armi inqas letali, bħall-armi li jisparaw balal ta' difiża bħall-Flash-Ball u l-LBD 40 u l-granata GLI-F4, ikkawża għadd kbir ta' korrimenti serji waqt id-dimostrazzjonijiet riċenti fl-UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, għal-libertà ta' assoċjazzjoni u għal-libertà ta' espressjoni;

2.  Jenfasizza li d-dritt tal-individwi li jinġabru ma' persuni oħra u jsemmgħu il-vuċi kollettiva tagħhom huwa fundamentali għal demokrazija li tiffunzjona tajjeb;

3.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet ta' bosta Stati Membri waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali u effettiva meta tkun intużat forza sproporzjonata;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu lura milli jużaw forza sproporzjonata kontra dimostranti paċifiċi;

5.  Jenfasizza li l-użu ta' armi ta' kwalunkwe tip irid jibqa' limitat u li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jagħtu prijorità lit-tferrix volontarju mingħajr l-użu tal-forza;

6.  Jirrikonoxxi li l-pulizija, li fosthom ukoll kien hemm ħafna korrimenti, qegħdin joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli, b'mod partikolari minħabba l-ostilità ta' xi dimostranti, iżda wkoll minħabba ammont ta' xogħol eċċessiv; jikkundanna kull tip ta' vjolenza kontra individwi jew proprjetà minn dimostranti vjolenti u militanti, li jipparteċipaw biss għal skop vjolenti u jagħmlu ħsara lil-leġittimità tal-protesti paċifiċi;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aktar taħriġ lill-unitajiet tal-pulizija dwar it-tekniki ta' żamma tal-ordni fuq ġemgħat ta' nies u l-użu ta' ċerti armi; jistieden lill-Istati Membri jużaw prattiki alternattivi li diġà wrew li huma effettivi f'xi pajjiżi tal-UE, b'mod partikolari l-komunikazzjoni mad-dimostranti permezz ta' skrins kbar, l-evitar ta' kuntatt fiżiku mad-dimostranti kemm jista' jkun possibbli u l-ingaġġ ta' uffiċjali ta' medjazzjoni b'għarfien bażiku fil-psikoloġija u s-soċjoloġija;

8.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fit-taħriġ mogħti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) dwar "L-ordni pubbliku – is-sorveljanza ta' avvenimenti ewlenin mill-pulizija"; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

9.  Jinnota li l-projbizzjoni ta' ċerti tipi ta' armi inqas letali ntalbet min-NU;

10.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom limiti differenti għall-użu tal-forza u tal-armi; jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE huma ttrattati b'mod differenti ħafna mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom tvarja;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida addizzjonali għall-Istati Membri dwar l-użu ta' armi inqas letali u jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jissospendu jew jipprojbixxu ċerti tipi ta' armi inqas letali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-obbligi tagħhom rigward id-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, u li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi meta jkunu qed jittrattaw il-protesti u d-dimostrazzjonijiet dejjem ikun l-aħħar għażla u dejjem ikun legali, proporzjonat u neċessarju;

13.  Ifakkar li l-politiki, l-istruzzjonijiet u l-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jagħtu kunsiderazzjoni speċjali lil dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi dannużi tal-użu tal-forza b'mod ġenerali, kif ukoll l-effetti ta' armi inqas letali speċifiċi;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-armi kollha jiġu valutati u ttestjati b'mod indipendenti qabel ma jiddaħħlu fis-suq, u li tinġabar id-data kollha kurrenti dwar l-użu tal-forza, b'tali mod li tkun tista' tinġabar evidenza li jkollha x'taqsam mal-użu, l-abbuż, il-konsegwenzi mhux mistennija, il-korrimenti u l-imwiet u l-kawżi tagħhom;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali