Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0106/2019

Testi mressqa :

B8-0106/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 158kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0104/2019
11.2.2019
PE635.331v01-00
 
B8-0106/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))


Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Malin Björk, Marina Albiol Guzmán, Stefan Eck, Marie-Pierre Vieu, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Marisa Matias, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))  
B8-0106/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lill-minoranzi;

B.  billi l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi li jaqgħu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u għandhom jiġu rispettati;

C.  billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

D.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB u l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li jifforma u jingħaqad ma' trade unions għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu;

E.  billi l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB jiddikjaraw li ħadd ma għandu jkun soġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti u l-Artikolu 3 tal-Karta jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għar-rispett għall-integrità fiżika u mentali tiegħu jew tagħha;

F.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB jiddikjara wkoll dwar il-libertà ta' għaqda li "Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet skont il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew tal-amministrazzjoni tal-Istat"; billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, kull restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili trid tirrispetta l-prinċipji tal-legalità, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

G.  billi d-dritt għal protesta huwa dritt fundamentali li ma jistax jiġi soġġett għal projbizzjoni jew miżuri ta' kontroll b'mod ġenerali u assolut u jista' jiġi ristrett biss permezz ta' miżuri tal-pulizija leġittimi, proporzjonati u meħtieġa u f'ċirkostanzi eċċezzjonali; billi l-ebda dimostrazzjoni m'għandha titqies mhix protetta b'dan id-dritt; billi għandha tingħata prijorità mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lit-tferrix volontarju mingħajr l-użu tal-forza;

H.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni trid tkun protetta; billi s-soċjetà ċivili u l-midja pluralista u indipendenti jaqdu rwol vitali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza u tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku;

I.  billi l-libertà ta' għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, kif żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-KEDB, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, li tinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet u l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri;

J.  billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, peress li jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sikurezza pubblika, biex jiġu prevenuti d-diżordni jew it-twettiq ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi prevenut il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

K.  billi l-Artikolu 52 tal-Karta jgħid li "Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet"; billi l-Artikolu 18 tal-KEDB jiddikjara li "Ir-restrizzjonijiet permessi skont [din] il-Konvenzjoni għall-imsemmija drittijiet u libertajiet ma għandhomx jiġu applikati għal xi skop ieħor ħlief dawk li għalihom huma jkunu ġew preskritti.";

L.  billi l-UE introduċiet mekkaniżmi reġjonali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 u regolamenti sussegwenti li jipprojbixxu l-kummerċ fi prodotti li m'għandhom l-ebda użu prattiku għajr għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor, u li jikkontrollaw l-esportazzjoni ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura u għal trattament ħażin ieħor, li jinkludu ċerti armi li huma inqas letali u li jintużaw fiż-żamma tal-ordni mill-pulizija fuq ġemgħat ta' nies;

M.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'għadd ta' Stati Membri ġew ikkritikati talli mminaw id-dritt għal protesta u talli użaw forza eċċessiva;

N.  billi l-użu ta' armi inqas letali, inklużi l-armi li jisparaw balal ta' difiża, bħall-Flash-Ball u l-LBD 40, u l-granata GLI-F4, ikkawża għadd kbir ta' korrimenti serji u tal-inqas każ wieħed ta' mewt waqt id-dimostrazzjonijiet li saru dan l-aħħar;

O.  billi l-użu ta' projettili li jagħtu xokkijiet elettriċi ġie permess f'xi Stati Membri, minkejja li huma meqjusa bħala għodda ta' tortura mill-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura;

P.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa esprima diversi tħassib dwar id-dritt għal protesta paċifika mill-bidu tal-protesti tal-ġkieket sofor ("gilets jaunes") fi Franza; billi mill-inqas 3 200 ruħ indarbu f'dawn il-protesti, inklużi 46 tifel u tifla u 44 ġurnalist, li fosthom 188 sofrew ġrieħi f'rashom, 20 indarbu jew ġew mogħmija f'għajn waħda u ħamsa kellhom idhom trawmatikament amputata;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-dritt għal protesta, dak tal-libertà ta' assoċjazzjoni u dak tal-libertà ta' espressjoni;

2.  Jenfasizza li d-dibattitu pubbliku u d-dritt għal protesta huma vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi;

3.  Jistieden lill-Istati Membri ma jadottawx liġijiet jew prattiki li jirrestrinġu b'mod preventiv id-dritt għal protesta jew li, minn qabel mingħajr sorveljanza ġudizzjarja, jikkriminalizzaw lid-dimostranti; jenfasizza li l-arresti diskrezzjonali tal-massa tad-dimostranti potenzjali għandhom jiġu evitati;

4.  Jikkundanna l-interventi vjolenti u sproporzjonati li saru mill-awtoritajiet waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi f'għadd ta' Stati Membri; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta jkun suspettat jew allegat li tkun intużat forza eċċessiva; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali; jenfasizza li mhux biss l-uffiċjali individwali tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll is-superjuri tagħhom, inklużi dawk fil-livell politiku, kif ukoll l-aġenzija kollha kemm hi, għandhom jinżammu responsabbli;

5.  Jikkundanna lil dawk l-Istati Membri li jużaw forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw prattiki alternattivi għaż-żamma tal-ordni pubbliku li diġà ħarġu effettivi f'xi Stati Membri, speċjalment il-komunikazzjoni diretta mad-dimostranti, inkluż permezz ta' skrins kbar, l-evitar kemm jista' jkun possibbli tal-kuntatt fiżiku mad-dimostranti u d-dipendenza minn uffiċjali ta' medjazzjoni bi sfond ta' taħriġ fil-psikoloġija u s-soċjoloġija;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ regolari fl-użu tal-forza u ta' armi inqas letali mill-uffiċjali kollha tal-infurzar tal-liġi fil-qafas taż-żamma tal-ordni pubbliku, abbażi tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jinnota li l-projbizzjoni ta' ċerti tipi ta' armi inqas letali ntalbet minn ħafna organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, inklużi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u d-Difensur tad-Drittijiet ta' Franza;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom livelli limitu differenti għall-użu tal-forza u tal-armi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għaż-żamma tal-ordni pubbliku; jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE jiġu ttrattati b'mod differenti ħafna mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom tvarja;

10.  Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu jkun l-aktar diliġenti mal-petizzjonijiet relatati mal-użu eċċessiv tal-forza u jeżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet li jiddikjaraw inammissibbli petizzjonijiet dwar din il-kwistjoni;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni li ħadu xi Stati Membri li jissospendu jew jipprojbixxu ċerti tipi ta' armi anqas letali; iħeġġeġ il-projbizzjoni tal-manifattura, il-kummerċ u l-użu ta' ċerti tipi ta' armi u tagħmir anqas letali għaż-żamma l-ordni pubbliku, bħalma huma l-Flash Balls LBD 40, il-granati GLI-F4 u l-granati tal-balal tal-lastku, li l-użu tagħhom jista' jikkawża korrimenti serji jew il-mewt, u jista' jammonta għal tortura;

12.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jippermettu l-użu ta' projettili li jagħtu xokkijiet elettriċi, meqjusa bħala għodda ta' tortura mill-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura, għaż-żamma tal-ordni pubbliku;

13.  Jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu jikkummissjona seduti ta' smigħ dwar l-użu tal-forza u ta' armi anqas letali kontra ġemgħat ta' nies, u jħejji rapport dwar dan is-suġġett b'kollaborazzjoni mal-panel STOA bil-ħsieb li jiġu żviluppati linji gwida dwar l-użu tal-forza u ta' armi anqas letali għall-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jikkollaboraw f'dawn il-proċessi kollha;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-obbligi tagħhom rigward id-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, u li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem l-aħħar għażla u dejjem ikun legali, proporzjonat u neċessarju, meta jkunu qed jimmaniġġjaw il-protesti u d-dimostrazzjonijiet;

15.  Ifakkar li l-politiki, l-istruzzjonijiet u l-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi jridu jikkunsidraw b'mod speċjali lill-persuni li huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi dannużi tal-użu tal-forza b'mod ġenerali kif ukoll għall-effetti ta' armi anqas letali speċifiċi, bħalma huma t-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jbatu minn mard mentali jew dawk li jkunu taħt l-influwenza tad-drogi jew tal-alkoħol;

16.  jitlob li l-Istati Membri jinkoraġġixxu t-taħriġ kontinwu tal-persunal tal-infurzar tal-liġi fil-forzi tal-pulizija kollha fid-dritt nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu linji gwida għall-UE kollha għal proċess ta' għażla, ittestjar u prova trasparenti, indipendenti u konsistenti għall-armi użati mill-persunal tal-infurzar tal-liġi, abbażi tal-istandards, ir-rakkomandazzjonijiet u l-prinċipji gwida tan-NU; jinnota li din il-valutazzjoni għandha tiddetermina l-konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem qabel is-selezzjoni u l-użu; jistieden lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-użijiet kollha tal-forza biex jippermettu l-ġbir ta' provi dwar l-użu, l-użu ħażin, il-konsegwenzi mhux mistennija, il-korrimenti u l-imwiet u l-kawżi tagħhom;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali