Proċedura : 2019/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0127/2019

Testi mressqa :

B8-0127/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0129

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 160kWORD 51k
12.2.2019
PE635.352v01-00
 
B8-0127/2019

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0014/2019

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (2019/2573(RSP))


Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Daniele Viotti f'isem il-Grupp S&D
Sophia in ’t Veld, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica f'isem il-Grupp ALDE
Malin Björk, Miguel Urbán Crespo, Merja Kyllönen, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Barbara Spinelli, Nikolaos Chountis, Martin Schirdewan, Helmut Scholz, Kostadinka Kuneva, Marisa Matias, Marina Albiol Guzmán, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
Terry Reintke, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (2019/2573(RSP))  
B8-0127/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, adottata fil-31 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar tali proposta,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2191(2017) tat-12 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Lista ta' Azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni tal-2016 u tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tal-5 ta' Ġunju 2018 (Relu Adrian Coman et vs Inspectoratul General pentru Imigrări u Ministerul Afacerilor Interne)(3) u ġurisprudenza rilevanti oħra tal-QtĠ-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Mejju 2015 intitolat "The fundamental rights situation of intersex people" (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Marzu 2017 intitolat "Current migration situation in the EU: Lesbian, gay, bisexual, transgender and intersex asylum seekers" (Is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni fl-UE: il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali li jfittxu asil),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni intersesswali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2048(2015) tat-22 ta' April 2015 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (O-000006/2019 – B8-0014/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-persuni LGBTI għadhom qed ibatu minn diskriminazzjoni u vjolenza fl-Unjoni Ewropea; billi mhux l-Istati Membri kollha tal-UE jipprovdu protezzjoni legali għall-persuni LGBTI kontra d-diskriminazzjoni;

B.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, stieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI;

C.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016, stieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fir-rigward tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;

D.  billi l-Kummissjoni adottat oqfsa strateġiċi komprensivi dwar temi oħra relatati mad-drittijiet fundamentali, bħalma huma d-diżabilità u l-inklużjoni tar-Rom, iżda għad trid tieħu tali azzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI;

E.  billi l-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI, ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2015, hija strateġija mhux vinkolanti u mhux komprensiva;

F.  billi r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI juru li ttieħdu passi sinifikanti, iżda għad fadal ħafna xi jsir biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha fl-UE, inklużi ċ-ċittadini LGBTI;

G.  billi, għalkemm il-linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) ilhom jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fl-azzjoni esterna tagħhom sa mill-2013, in-nuqqas ta' impenn komplementari intern min-naħa tal-UE huwa theddida għall-koeżjoni interna u esterna;

H.  billi d-direttiva kontra d-diskriminazzjoni għadha mblukkata fil-Kunsill;

1.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE;

2.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin fl-UE ġiet osservata reazzjoni negattiva kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'impatt dirett fuq il-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-impenn li tindirizza din ir-reazzjoni negattiva, tagħmel l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni qasam ta' prijorità u tiżgura li dan l-impenn ikun rifless fil-ħidma tal-Kummissjoni li jmiss, li se tieħu l-kariga aktar tard fl-2019;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet tal-persuni LGBTI jingħataw prijorità fil-programm ta' ħidma tagħha għall-perjodu 2019-2024 u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali differenti fl-oqsma fejn id-drittijiet tal-persuni LGBTI għandhom jiġu integrati, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, kif stabbilit fil-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta dokument strateġiku ieħor biex trawwem l-ugwaljanza għall-persuni LGBTI;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tinforza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-miżuri maħsuba biex jiżguraw id-drittijiet tal-persuni LGBTI fl-oqsma kollha;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq it-temi diġà inklużi fil-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI futura tagħha;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni pubblika dwar il-persuni LGBTI u l-familji tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li ssir tali azzjoni fil-livelli kollha u li l-enfasi tkun fuq il-benefiċċji tad-diversità għas-soċjetà aktar milli fuq is-sempliċi normalizzazzjoni tal-persuni LGBTI;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-libertà ta' moviment għall-familji kollha, inklużi l-familji LGBTI, f'konformità mal-kawża reċenti Coman tal-QtĠ-UE;

10.  Jinnota li, għall-aċċess għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru, 8 Stati Membri jesiġu l-isterilizzazzjoni filwaqt li 18-il Stat Membru jesiġu dijanjożi tas-saħħa mentali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk tali esiġenzi humiex konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora perspettiva intersezzjonali fil-ħidma futura tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, tieħu inkonsiderazzjoni l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni trasversali li jiltaqgħu magħhom il-persuni LGBTI emarġinati u tiżviluppa miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluż billi tagħmel disponibbli finanzjament għal netwerks ta' appoġġ speċifiċi ta' gruppi LGBTI emarġinati;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri bil-għan li l-azzjonijiet futuri tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI jiġu implimentati;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' prattiki tajba dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tat-tfal LGBTI jingħataw rispett, promozzjoni u protezzjoni adegwati, inkluża protezzjoni sħiħa kontra d-diskriminazzjoni;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(3)

Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-5 ta' Ġunju 2018, ECLI:EU:C:2018:385.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali