Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0128/2019

Testi mressqa :

B8-0128/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0128/2019
12.2.2019
PE635.353v01-00
 
B8-0128/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))


Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ruža Tomašić, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))  
B8-0128/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (Trattat INF), iffirmat f'Washington fit-8 ta' Diċembru 1987 mill-President tal-Istati Uniti ta' dak iż-żmien, Ronald Reagan, u l-President tal-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika), Mikhail Gorbachev,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2018 mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jhedded l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2019 mill-President Trump li jikkonferma l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2019 mill-President Russu Vladimir Putin li kkonferma li l-gvern tiegħu ssospenda l-parteċipazzjoni tar-Russja fit-trattat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Trattat INF maħruġa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO fi Brussell fl-4 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, fis-seba' Konferenza tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm li saret fi Brussell fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell fl-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF ġie ffirmat bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika fl-1987 bħala ftehim dwar il-kontroll tal-armi li jelimina l-missili ballistiċi u ta' kruċiera kollha bbażati fuq l-art li jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, kif ukoll il-lanċjaturi tagħhom;

B.  billi sa Mejju 1991 madwar 2 692 missila kienu ġew eliminati skont it-termini tat-trattat; billi fl-għaxar snin ta' wara saru spezzjonijiet fuq il-post; billi fl-aħħar mill-aħħar, minħabba t-Trattat INF, tneħħew aktar minn 3 000 missila li kellhom testati nukleari;

C.  billi t-Trattat INF kien ċentrali għad-difiża tas-sigurtà tal-Ewropa u tas-sħab tagħha fin-NATO għal aktar minn 30 sena;

D.  billi n-NATO u l-Istati Uniti ripetutament qajmu t-tħassib tagħhom mar-Russja dwar l-attivitajiet tagħha ta' żvilupp tal-missili, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema tal-missili 9M729, li huma jqisu li tikser it-Trattat INF;

E.  billi fil-21 ta' Ottubru 2018 il-President tal-Istati Uniti Donald Trump iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jirtira lill-Istati Uniti mit-Trattat, filwaqt li kkwota n-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja;

F.  billi l-Istati Uniti, fl-1 ta' Frar 2019, formalment issospendiet it-Trattat wara li għaddiet l-iskadenza ta' 60 jum biex ir-Russja terġa' lura għal konformità sħiħa; billi fit-2 ta' Frar 2019 ir-Russja ssospendiet it-Trattat;

G.  billi, minn mindu rtirat mit-Trattat, ir-Russja bdiet taħdem fuq sistemi ġodda ta' missili ballistiċi u ipersoniċi ta' medda medja; billi l-Istati Uniti ħabbret ukoll pjanijiet li twettaq attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li jinvolvu armi pprojbiti fl-ambitu tat-Trattat INF;

H.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg appella lir-Russja biex tieħu vantaġġ mill-perjodu ta' sitt xhur offrut mill-Istati Uniti sabiex terġa' lura għal konformità sħiħa;

I.   billi r-Russja ripetutament ċaħdet li kienet kisret it-Trattat matul il-perjodu 2014-2017, fatt li kompla jfixkel il-fiduċja fit-Trattat jew fl-infurzar tiegħu;

J.  billi qabel l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat, ir-Russja kkonfermat li, fil-bidu tal-2019, kienet se tħaddem missili ballistiċi RS-26 interkontinentali 1 200 km fil-Lvant ta' Moska;

K.  billi ċ-Ċina, li mhijiex firmatarja tat-Trattat INF, wettqet proliferazzjoni mifruxa tal-ħażna tal-missili tagħha, inklużi aġenti ta' kunsinna bħal vetturi b'testati multipli gwidati indipendentement (MIRV) u sottomarini tal-missili ballistiċi tal-klassi Jin, filwaqt li espandiet b'mod esponenzjali l-medda tagħha u l-ħażna tal-missili ballistiċi li bħalissa huma maħsuba li jinkludu 1 200 missila ballistika ta' medda qasira, bejn 200 u 300 missila ballistika ta' medda medja u bejn 75 u 100 missila ballistika interkontinentali, u qajmet dubju dwar jekk huwiex meħtieġ trattat ġdid li jorbot lill-Istati Uniti, lir-Russja u liċ-Ċina;

1.  Jappoġġja l-kontinwazzjoni tat-Trattat INF bħala pedament tan-nonproliferazzjoni globali u jemmen li t-trattat kien ċentrali għall-paċi u s-sigurtà Ewropej għal aktar minn 30 sena;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni tal-Ministri Barranin tan-NATO li r-Russja żviluppat sistemi ta' missili li jiksru t-Trattat INF u li huma ta' theddida għas-sigurtà Ewro-Atlantika; jaqbel, barra minn hekk, mal-valutazzjoni tan-NATO li l-Istati Uniti baqgħu f'konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF;

3.  Jistieden lir-Russja terġa' lura għal konformità sħiħa u verifikabbli mat-Trattat tal-INF malajr kemm jista' jkun u jħeġġiġha timpenja ruħha biex tirrispetta l-ftehim fit-tul fil-ġejjieni;

4.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' trasparenza sħiħa u djalogu fl-interess tal-bini tal-fiduċja u l-kunfidenza fl-implimentazzjoni tat-Trattat INF u kwalunkwe ftehim ieħor li jappoġġja l-istabbiltà u s-sigurtà strateġiċi;

5.  Jappoġġja bil-qawwa l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, u jħeġġeġ tiġdid ta' djalogu kostruttiv bejn l-Istati Uniti u r-Russja sabiex ikunu jistgħu jinkisbu regoli u garanziji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-missili u nukleari rispettivi tagħhom;

6.  Jibqa' impenjat bis-sħiħ favur il-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni effettivi fuq livell internazzjonali;

7.  Jissottolinja l-importanza ta' unità bejn l-Istati Uniti u s-sħab tagħha tan-NATO biex iżommu s-sigurtà u d-deterrenza Ewro-Atlantika u l-pożizzjoni difensiva tan-NATO;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti, lill-President tal-Federazzjoni Russa u lill-Membri tad-Duma tal-Istat Russu u lill-Kunsill Federali.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali