Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0129/2019

Testi mressqa :

B8-0129/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0128/2019
12.2.2019
PE635.354v01-00
 
B8-0129/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea  (2019/2574(RSP))


Clare Moody, Knut Fleckenstein, Elena Valenciano, Victor Boştinaru f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea  (2019/2574(RSP))  
B8‑0129/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 21 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea – Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU għad-Diżarm(2),

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 tan-NU, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli(3),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Intermedja (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat INF") tat-8 ta' Diċembru 1987 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (USSR)(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2019 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar l-intenzjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw mit-Trattat INF(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Trattat INF maħruġa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO fl-4 ta' Diċembru 2018(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' konformità mat-Trattat INF min-naħa tar-Russja maħruġa mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fl-1 ta' Frar 2019(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet relatati ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dik tal-1 ta' Frar 2019 mill-Kampanja Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Armi Nukleari (ICAN) li rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi 2017, intitolata "L-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF jqiegħed l-Ewropa (u d-dinja) f'riskju"(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF obbliga liż-żewġ partijiet jeqirdu l-ħażniet tagħhom ta' missili nukleari terrestri u ta' missili ballistiċi u ta' kruċiera b'armi konvenzjonali li jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, filwaqt li pprojbixxa li l-partijiet jippossjedu u jipproduċu dawn il-missili u jittestjawhom fit-titjir,

B.  billi t-Trattat INF ikkontribwixxa għall-bini u t-tisħiħ tal-istabbiltà fl-era tal-Gwerra l-Bierda billi naqqas bil-kbir l-għadd ta' missili fl-Ewropa, hekk li l-Ewropa kienet il-benefiċjarja prinċipali tas-suċċess tat-Trattat INF; billi t-Trattat INF għadu pilastru tal-paċi u tal-istabbiltà internazzjonali llum, u huwa ta' importanza kritika għas-sigurtà kollettiva fl-Ewropa u fid-dinja kollha;

C.  billi l-isforzi konġunti tar-Russja u tal-Istati Uniti biex jikkonvertu t-Trattat INF fi trattat multilaterali fl-2007, billi ressqu proposta lin-NU, ma rnexxilhomx jiksbu appoġġ ulterjuri minn stati nukleari oħra;

D.  billi, fl-2 014, l-amministrazzjoni ta' Obama stqarret li r-Russja kienet "fi ksur tal-obbligi tagħha taħt it-Trattat INF li ma tippossjedix, ma tipproduċix u ma tittestjax fit-titjir missila ta' kruċiera terrestri (GLCM) li kapaċi twassal bejn 500 km u 5 500 km, jew li tipposjedi jew tipproduċi apparat li jispara tali missili"; billi rapporti sussegwenti, ippubblikati mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, tennew l-akkużi tal-Istati Uniti li r-Russja kienet baqgħet tikser it-Trattat;

E.  billi, fl-2017, fl-okkażjoni tal-30 anniversarju tat-Trattat INF, l-Istati Uniti ħabbru li, b'reazzjoni għan-nuqqas ta' konformità mat-trattat min-naħa tar-Russja, kienu se jfittxu rimedji diplomatiċi, militari u ekonomiċi permezz tal-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika tat-Trattat INF (SVC), jiżviluppaw teknoloġija tal-missili konformi mal-INF li tista' tikber fl-iskala u jissanzjonaw entitajiet Russi involuti fl-iżvilupp ta' sistemi ta' missili ta' kruċiera pprojbiti;

F.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2018, il-President Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienu se jirtiraw mit-Trattat bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni taċ-Ċina; billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Mike Pompeo ħabbar li l-Istati Uniti kienu kkonstataw li r-Russja kienet fi ksur materjali tat-trattat u li kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom bħala rimedju effettiv fi żmien 60 jum, dment li r-Russja ma terġax lura għal konformità sħiħa u verifikabbli;

G.  billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO rrikonoxxew il-vjolazzjonijiet tat-Trattat INF min-naħa tar-Russja u talbu lir-Russja biex b'urġenza terġa' lura għal konformità sħiħa u verifikabbli mat-Trattat;

H.  billi t-tmiem potenzjali tat-Trattat jista' jwassal għal eskalazzjoni tat-tensjonijiet fost l-istati nukleari, għal malintiżi u għal tellieqa tal-armi ġdida;

I.  billi n-nuqqas ta' estensjoni ta' trattati ewlenin oħra dwar il-kontroll tal-armi, bħat-Trattat bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Federazzjoni Russa dwar Miżuri għal Aktar Tnaqqis u Limitazzjoni ta' Armi Offensivi Strateġiċi ("START Ġdid"), jagħmel ħsara serja lir-reġim internazzjonali għall-kontroll tal-armi li pprovda għaxriet ta' snin ta' stabbiltà rigward l-armi nukleari, hekk li jħalli lid-dinja mingħajr ebda limitu vinkolanti bil-liġi u verifikabbli dwar l-arsenali nukleari;

J.  billi l-proliferazzjoni nukleari tkattar ir-riskji għas-sigurtà; billi l-proliferazzjoni nukleari żżid ukoll ir-riskju li l-armi nukleari jiġu f'idejn atturi mhux statali, bħal networks u organizzazzjonijiet terroristiċi;

K.  billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi ICAN talbet li l-istati kollha jirratifikaw it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari;

1.  Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u jitlob li twessa' r-rwol tagħha fl-isforzi favur id-diżarm u n-nonproliferazzjoni globali, u li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu favur iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jirfdu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar it-tħabbira mill-Istati Uniti rigward is-sospensjoni tal-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF u l-irtirar tagħhom minnu fi żmien perjodu ta' sitt xhur; jinsab allarmat dwar ir-riskju li dan joħloq għall-ambjent tas-sigurtà globali u għal dak tal-UE, u jibża' li se jwassal għal deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-istati li għandhom armi nukleari;

3.  Jitlob lir-Russja turi konformità sħiħa u verifikabbli sabiex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Istati Uniti u min-NATO u tippermetti l-kontinwazzjoni tat-Trattat INF;

4.  Jitlob li l-Istati Uniti u r-Russja jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom biex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv li jqis l-interessi u l-preokkupazzjonijiet taż-żewġ partijiet, u jagħmlu negozjati b'bona fede sabiex jissalvagwardjaw it-Trattat INF qabel l-irtirar effettiv tal-Istati Uniti f'Awwissu 2019;

5.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, biex tidħol fi djalogu mal-Istati Partijiet fit-Trattat INF sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja transfruntiera; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex ivaraw inizjattiva mmexxija mill-UE bil-għan li jimbuttaw għall-konverżjoni tat-Trattat INF fi trattat multilaterali li jkun jinvolvi l-istati nukleari kollha, inkluża, bħala minimu, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

6.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw il-valutazzjoni tal-impatt konġunt tagħhom dwar is-sigurtà Ewropea lill-Parlament jekk jagħti l-każ li l-protezzjoni li t-Trattat INF jipprovdi lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha ma tibqax tapplika; jissottolinja li jopponi bil-qawwa tellieqa tal-armi ġdida u l-militarizzazzjoni mill-ġdid fit-territorju Ewropew;

7.  Jitlob li l-VP/RGħ tressaq proposti biex issaħħaħ l-għarfien disponibbli fl-UE dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, u tiżgura li l-UE tieħu rwol qawwi u kostruttiv fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isforzi globali ta' nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi u l-arkitettura ta' diżarm ibbażati fuq ir-regoli;

8.  Jenfasizza li l-futur inċert tat-Trattat INF ma għandux jipperikola ftehimiet oħra dwar il-kontroll tal-armi; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti u lir-Russja biex iġeddu l-ftehim START il-Ġdid qabel ma jiskadi fl-2021;

9.  Huwa tal-fehma li dinja mingħajr armi ta' qerda massiva tkun waħda aktar sikura għal kulħadd; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effikaċi għall-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni bħala pedament ta' sigurtà globali u Ewropea; jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċessi tan-NU, għall-ħidma tal-UNODA u għall-Aġenda għad-Diżarm varata mis-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex jimxi 'l quddiem fit-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-arsenali nukleari kollha u biex tinkiseb dinja mingħajr armi nukleari;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lin-NATO u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

(2)

https://front.un-arm.org/documents/SG+disarmament+agenda_1.pdf

(3)

https://sustainabledevelopment.un.org/sdg16

(4)

https://treaties.un.org/doc/Publication/UNTS/Volume%201657/v1657.pdf

(5)

https://www.state.gov/secretary/remarks/2019/02/288722.htm

(6)

https://www.nato.int/cps/en/natohq/official_texts_161122.htm

(7)

https://www.nato.int/cps/en/natohq/news_162996.htm

(8)

http://www.icanw.org/campaign-news/us-withdrawal-inf-treaty-threatens-europe/

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali