Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0130/2019

Testi mressqa :

B8-0130/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 150kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0128/2019
12.2.2019
PE635.355v01-00
 
B8-0130/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))


Michael Gahler, Cristian Dan Preda, Sandra Kalniete, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Tunne Kelam, Eduard Kukan f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))  
B8-0130/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (Trattat INF), iffirmat f'Washington fit-8 ta' Diċembru 1987 mill-President tal-Istati Uniti ta' dak iż-żmien, Ronald Reagan, u l-President tal-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika) ta' dak iż-żmien, Mikhail Gorbachev,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2018 dwar iż-Żamma u l-Konformità mal-Ftehimiet u mal-Impenji dwar il-Kontroll tal-Armi, in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm, imħejji mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2018 mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jhedded l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2019 tal-President Trump li jikkonferma l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2019 mill-President Russu Vladimir Putin li kkonferma li l-gvern tiegħu ssospenda l-parteċipazzjoni tar-Russja fit-trattat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Trattat INF maħruġa mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO fi Brussell, fl-4 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva tal-10 ta' Diċembru 2003 u r-rapport ta' progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (2017) tat-18 ta' Mejju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-kummenti ta' Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fis-seba' Konferenza tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm li saret fi Brussell fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell fl-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu tat-8 ta' Frar 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF, iffirmat fl-1987 mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Sovjetika, kien ftehim uniku fl-era tal-gwerra l-bierda, peress li obbliga liż-żewġ partijiet jeqirdu - u mhux jillimitaw - il-ħażniet tagħhom ta' missili terrestri ballistiċi u ta' kruċiera b'armi nukleari u konvenzjonali b'medda ta' bejn 500km u 5 500km, u pprojbixxa lill-partijiet milli jippossjedu, jipproduċu u jittestjaw it-titjir ta' dawn il-missili;

B.  billi t-Trattat INF ikkontribwixxa għat-trażżin tal-kompetizzjoni strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika, filwaqt li għen il-bini u t-tisħiħ tal-istabbiltà fl-era tal-gwerra l-bierda; billi t-Trattat qed ikompli jservi ta' pilastru tal-paċi u l-istabilità internazzjonali, b'mod partikolari fl-istruttura tas-sigurtà Ewropea, u għandu importanza kritika għas-sigurtà tal-Istati Uniti u l-alleati Ewropej tagħhom;

C.  billi, fl-2014, l-amministrazzjoni tal-President Obama stqarret li r-Russja kienet qed tikser l-obbligi tagħha taħt it-Trattat INF li ma tippossjedix, ma tipproduċix u ma tittestjax fit-titjir missila ta' kruċiera terrestri (GLCM) li kapaċi twassal bejn 500 km u 5 500 km, u li tipposjedix u ma tipproduċix apparat li jispara tali missili; billi rapporti sussegwenti, ippubblikati mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, tennew l-akkużi tal-Istati Uniti li r-Russja kienet baqgħet tikser it-Trattat;

D.  billi, f'Diċembru 2017, fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tat-Trattat, l-amministrazzjoni tal-President Trump ħabbret "strateġija integrata" ta' miżuri diplomatiċi, militari u ekonomiċi, maħsuba biex treġġa' lir-Russja fil-konformità mat-Trattat; billi dawn il-miżuri kienu jinkludu sforzi diplomatiċi permezz tal-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika, il-varar ta' programm ta' riċerka u żvilupp militari, u miżuri ekonomiċi kontra entitajiet Russi involuti fl-iżvilupp u fil-produzzjoni tal-missila mhux konformi;

E.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2018, il-President Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienu se jirtiraw mit-Trattat bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni taċ-Ċina; billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Mike Pompeo ħabbar li l-Istati Uniti kienu kkonstataw li r-Russja kienet fi ksur materjali tat-trattat u li kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom bħala rimedju effettiv fi żmien 60 jum, dment li r-Russja ma terġax lura għal konformità sħiħa u verifikabbli;

F.  billi f'Diċembru 2018 in-NATO rrilaxxat dikjarazzjoni b'appoġġ għas-sejbiet tal-Istati Uniti li r-Russja kienet fi ksur materjali tal-obbligi tagħha skont it-Trattat, u appellat lir-Russja terġa' lura b'mod urġenti għal konformità sħiħa u verifikabbli mat-Trattat;

G.  billi fl-1 ta' Frar 2019, l-Istati Uniti ħabbru li kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF u bdew il-proċess ta' rtirar minnu, sakemm il-Federazzjoni Russa ma terġax lura għall-konformità mat-termini tiegħu fi żmien 180 jum; billi fit-2 ta' Frar 2019, il-Federazzjoni Russa ħadet deċiżjoni simili li tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat;

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effettivi għall-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni bħala ġebla tax-xewka tas-sigurtà Ewro-Atlantika u dinjija;

2.  Jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu tal-Federazzjoni Russa talli qed tkompli tikser it-termini tat-Trattat INF u talli mhux qed turi l-ebda rieda li terġa’ lura għall-konformità mat-termini tiegħu;

3.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa turi konformità sħiħa u verifikabbli sabiex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Istati Uniti u min-NATO u tippermetti l-kontinwazzjoni tat-Trattat INF;

4.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' trasparenza sħiħa u djalogu fl-interess tal-bini tal-fiduċja u l-kunfidenza fl-implimentazzjoni tat-Trattat INF u ta' kwalunkwe ftehim ieħor li jappoġġa l-istabbiltà u s-sigurtà strateġiċi; iħeġġeġ, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, it-tiġdid ta' djalogu kostruttiv bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, u jappella li jsiru negozjati in bona fede dwar miżuri effettivi relatati mal-arsenali nukleari tagħhom;

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sospensjoni tat-Trattat INF, fl-agħar xenarju possibbli jaf twassal għat-tmiem tal-bilanċ strateġiku attwali fl-Ewropa, u potenzjalment tirriżulta f'tiġrija għall-armi u eskalazzjoni tat-tensjonijiet li taf tkun ta' detriment għas-sigurtà Ewropea u l-istabilità strateġika fil-kontinent;

6.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tiżviluppa valutazzjoni tat-theddid komuni li tanalizza l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tal-UE u l-kontinwazzjoni possibbli tal-bilanċ strateġiku jekk it-Trattat INF ma jibqax validu, li hu l-aktar żvilupp probabbli, u biex tirrapporta lura lill-Parlament b’mod f’waqtu skont l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni;

7.  Jistieden lill-VP/RGħ tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw pożizzjoni komuni li tiggarantixxi kemm deterrenza kif ukoll détente, fid-dawl tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja; jistieden lill-Istati Membri, fil-każ li negozjati futuri bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa ma jipproduċux riżultati tanġibbli, biex jikkunsidraw l-għażliet biex joħolqu mill-ġdid huma stess il-bilanċ nukleari strateġiku fil-kontinent Ewropew;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħti bidu u tissorvelja l-użu tal-fondi u l-mezzi tal-UE biex ittejjeb il-bażi tal-għarfien tal-Unjoni fir-rigward tal-kapaċità umana għall-analiżi tat-theddidiet li jirriżultaw mill-armi nukleari; jistieden lill-VP/RGħ tippreżenta pjanijiet prudenti għall-prevenzjoni tal-użu aċċidentali jew mhux intenzjonat tal-armi nukleari;

9.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tiddjaloga maż-żewġ stati firmatarji, filwaqt li tgħaddilhom il-kompetenza esperta u l-esperjenza tal-UE fil-medjazzjoni, bil-ħsieb li jiġi negozjat ftehim ġdid dwar l-armi bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, li jista' jinkludi livelli massimi jew limitazzjonijiet ġeografiċi għall-użu tal-armi nukleari;

10.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex iġeddu l-Ftehim START il-ġdid tal-2010, li għandu jiskadi fl-2021, li jillimita l-għadd ta' testati strateġiċi skjerati fuq kwalunkwe naħa għal 1550;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti, lill-President tal-Federazzjoni Russa, u lill-Membri tad-Duma u tal-Kunsill Federali tar-Russja.

(1)

ĠU C 172, 18.5.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali