Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0131/2019

Testi mressqa :

B8-0131/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 154kWORD 47k
12.2.2019
PE635.356v01-00
 
B8-0131/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))


Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Takis Hadjigeorgiou, Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Marisa Matias, Kateřina Konečná, Paloma López Bermejo, Eleonora Forenza, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Sabine Lösing, Luke Ming Flanagan f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))  
B8‑0131/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu VI tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), li jobbliga lill-istati li għandhom armi nukleari biex ifittxu negozjati dwar id-diżarm nukleari b'rieda tajba,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU għad-Diżarm,

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 tan-NU, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat INF") tat-8 ta' Diċembru 1987 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (USSR),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2019 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar l-intenzjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw mit-Trattat INF(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet relatati ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dik tal-1 ta' Frar 2019 mill-Kampanja Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Armi Nukleari (ICAN) li rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi 2017, intitolata "L-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF iqiegħed l-Ewropa (u d-dinja) f'riskju"(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF huwa fundamentali għas-sigurtà Ewropea; billi huwa obbliga liż-żewġ partijiet jeqirdu l-ħażniet tagħhom ta' missili nukleari terrestri u ta' missili ballistiċi u ta' kruċiera b'armi konvenzjonali li jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, filwaqt li pprojbixxa li l-partijiet jippossjedu u jipproduċu dawn il-missili u jittestjawhom fit-titjir; billi huwa żgura l-qerda ta' kważi 2 700 missila ta' medda qasira u medja;

B.  billi t-Trattat INF ikkontribwixxa għall-bini u t-tisħiħ tal-istabbiltà fl-era tal-Gwerra l-Bierda billi naqqas bil-kbir l-għadd ta' missili fl-Ewropa, hekk li l-Ewropa kienet il-benefiċjarja prinċipali tas-suċċess tat-Trattat INF;

C.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll ir-Russja għamlu allegazzjonijiet li l-parti l-oħra kisret it-Trattat INF; billi ż-żewġ partijiet naqsu milli jindirizzaw it-tħassib reċiproku tagħhom permezz ta' djalogu diplomatiku; billi l-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika stabbilita fil-qafas tat-Trattat biex tindirizza, fost affarijiet oħra, kwistjonijiet ta' konformità, ma tlaqqgħetx; billi dan l-aħħar ir-Russja stiednet esperti tal-Istati Uniti biex jeżaminaw u jiddiskutu ksur possibbli;

D.  billi l-Istati Uniti rtiraw mit-Trattat kontra l-Missili Ballistiċi f'Ġunju 2002; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, fl-Ewropa tal-Lvant intużaw sistemi ġodda ta' difiża kontra l-missili ballistiċi;

E.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2018, il-President Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienu se jirtiraw mit-Trattat bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni taċ-Ċina; billi r-Russja, filwaqt li ddikjarat l-interess tagħha li tippreserva t-Trattat, ħabbret ukoll pjanijiet biex tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha;

F.  billi t-tħabbira tal-intenzjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw mit-Trattat INF tqajjem dubji wkoll dwar il-probabbiltà ta' kooperazzjoni possibbli bejn l-Istati Uniti u r-Russja fit-tiġdid tat-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi l-Ġdid (minn hawn' il quddiem "it-Trattat START il-Ġdid") fl-iskadenza tiegħu fl-2021; billi jekk it-Trattat START il-Ġdid ma jiġġeddidx, issir ħsara serja lir-reġim internazzjonali għall-kontroll tal-armi li pprovda għexieren ta' snin ta' stabbiltà fir-rigward tal-armi nukleari;

G.  billi t-Trattat INF huwa pedament biex jinżammu l-istabbiltà strateġika globali, il-paċi fid-dinja u s-sigurtà reġjonali; billi l-preservazzjoni tat-Trattat tikkontribwixxi għall-isforzi biex jiġu ppreservati ftehimiet eżistenti oħra dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm, inkluż it-Trattat START il-Ġdid, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għan-negozjati dwar il-limitazzjonijiet tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;

H.  billi l-Ewropa u d-dinja jinsabu f'salib it-toroq bl-għażla bejn il-preservazzjoni tal-kontroll tal-armi nukleari u s-sistema tad-diżarm jew li jiffaċċjaw tellieqa ġdida għall-armi;

1.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-intenzjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw mit-Trattat INF u jissospendi l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minnu; ifakkar li dan se joħloq riskju serju għas-sigurtà u l-paċi Ewropej u globali, iżid il-kompetizzjoni militari u jwassal għad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-istati li għandhom l-armi nukleari;

2.  Jistieden lill-Istati Uniti u lir-Russja jġeddu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-kwistjonijiet ta' konformità bl-użu tal-mekkaniżmu ta' verifika previst fit-Trattat u permezz tan-negozjati; jistieden b'urġenza liż-żewġ naħat biex jippreservaw u jsaħħu t-Trattat INF permezz ta' konformità sħiħa u stretta;

3.  Jistieden lir-Russja u lill-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew djalogu kostruttiv bil-għan li jnaqqsu t-tensjonijiet u jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u l-progress fit-tnaqqis ta' armi nukleari; jistieden liż-żewġ naħat biex jiżviluppaw miżuri ta' kooperazzjoni addizzjonali biex tiżdied il-fiduċja b'mod ġenerali u l-fiduċja reċiproka u titnaqqas il-possibilità ta' miżinterpretazzjoni jew nuqqas ta' ftehim;

4.  Jenfasizza li l-futur inċert tat-Trattat INF ma għandux jipperikola ftehimiet oħra dwar il-kontroll tal-armi; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti u lir-Russja biex iġeddu l-ftehim START il-Ġdid qabel ma jiskadi fl-2021;

5.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-abbandun tat-Trattat INF għandu l-potenzjal li jagħmel lill-Ewropa teatru ta' konfrontazzjoni nukleari bejn ir-Russja u l-Istati Uniti; jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe kunċett strateġiku li jsegwi l-loġika ta' deterrenza, kunċett li fl-aħħar seklu wassal lid-dinja fix-xifer ta' kunflitt nukleari;

6.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol ta' medjatur, u biex jiffaċilitaw djalogu orjentat lejn ir-riżultati dwar l-istabbiltà reġjonali u globali, id-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni; jitlob lill-UE tagħti bidu għal negozjati bil-ħsieb tal-bini ta' ordni ta' paċi Ewropea li tiggarantixxi s-sigurtà ta' kulħadd, inklużi l-Istati fil-viċinat komuni tal-UE, filwaqt li tistinka għad-diżarm, it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, tiggarantixxi d-drittijiet kollha tal-bniedem, tiffaċilita l-kuntatti tas-soċjetà ċivili u tippromwovi l-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika; huwa tal-fehma li l-OSKE tista' tkun il-forum xieraq biex titnieda diskussjoni bħal din;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-riskju li terġa' tibda t-tellieqa għall-armi nukleari fl-Ewropa; jirrifjuta bil-qawwa kull pjan għall-użu ta' armi nukleari ġodda fl-Ewropa, u jitlob l-irtirar immedjat tal-armi nukleari tal-Istati Uniti mill-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u n-Netherlands; jopponi bil-qawwa l-akkumulazzjoni militari kontinwa fl-Ewropa u jitlob li din it-tellieqa għall-armi l-ġdida tinġieb fi tmiemha;

8.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu d-diżarm nukleari prijorità tal-politika barranija u ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw it-Trattat tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-istati b'armi nukleari jkomplu jimmodernizzaw il-ħażniet tagħhom, idewmu l-azzjoni, sabiex inaqqsu jew jeliminaw l-armi nukleari tagħhom u jaderixxu ma' duttrina militari ta' deterrenza nukleari; jistieden lill-istati li għandhom armi nukleari biex iwaqqfu immedjatament it-titjib fil-kwalità, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħżin ta' testati nukleari u s-sistemi ta' konsenja tagħhom, u jesprimi tħassib li dan l-iżvilupp jipperikola t-TNP;

10.  Jistieden b'urġenza lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jidħlu f'negozjati ta' diżarm nukleari bilaterali u multilaterali;

11.  Ifakkar li l-bini ta' dinja mingħajr armi ta' qerda tal-massa huwa l-uniku mod sikur biex jiġi evitat l-akbar diżastru kkaġunat mill-bniedem; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effettivi għall-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni bħala pedament ta' sigurtà globali u Ewropea; jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċessi tan-NU, għall-ħidma tal-UNODA u għall-Aġenda għad-Diżarm imnedija mis-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex nimxu 'l quddiem bit-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-ħażniet nukleari kollha u biex niksbu dinja mingħajr armi nukleari;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lin-NATO u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

(2)

https://www.state.gov/secretary/remarks/2019/02/288722.htm

(3)

http://www.icanw.org/campaign-news/us-withdrawal-inf-treaty-threatens-europe/

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali