Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0132/2019

Testi mressqa :

B8-0132/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 44k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0128/2019
12.2.2019
PE635.357v01-00
 
B8-0132/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))


Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))  
B8-0132/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (INF), iffirmat f'Washington fit-8 ta' Diċembru 1987 mill-President tal-Istati Uniti u l-President tal-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump tal-21 ta' Ottubru 2018 li hedded li jirtira lill-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2019 tal-President Trump li jikkonferma l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Russu Vladimir Putin tat-2 ta' Frar 2019 li kkonferma li l-gvern tiegħu ssospenda l-parteċipazzjoni tar-Russja fit-Trattat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti u tar-Russja, li tistabbilixxi li huma għandhom jirtiraw mit-Trattat INF wara perjodu ta' sitt xhur,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Trattat INF maħruġa mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO fi Brussell fl-4 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fis-seba' Konferenza tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm, li saret fi Brussell fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell fl-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF ġie ffirmat bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika fl-1987 bħala ftehim dwar il-kontroll tal-armi, li jelimina l-missili ballistiċi u kruċieri kollha bbażati fuq l-art kif ukoll il-lanċjaturi b'firxa ta' bejn 500 km u 5 500 km;

B.  billi t-Trattat INF obbliga lill-Istati Uniti u lill-Unjoni Sovjetika jeqirdu l-ħażniet tagħhom; billi sa Mejju 1991 madwar 2 692 missila kienu ġew eliminati skont it-termini tat-Trattat;

C.  billi l-Ewropa kienet il-benefiċjarju prinċipali tat-Trattat INF; billi l-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat INF huwa ħafna akbar minn dak tas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, u sar pilastru tal-paċi u l-istabbiltà internazzjonali;

D.  billi, fl-2014, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, l-amministrazzjoni ta' Obama, stqarret li r-Russja kienet "fi ksur tal-obbligi tagħha skont it-Trattat INF li ma tippossjedix, ma tipproduċix u ma tittestjax fit-titjir missili ta' kruċiera terrestri (GLCM) li kapaċi jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, jew li tipposjedi jew tipproduċi apparat li jispara tali missili"; billi rapporti sussegwenti, ippubblikati fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, tennew l-allegazzjonijiet tal-Istati Uniti li r-Russja kienet baqgħet tikser it-Trattat;

E.  billi l-Istati Uniti u n-NATO ripetutament qajmu t-tħassib tagħhom mar-Russja dwar l-attivitajiet tagħha ta' żvilupp tal-missili, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema tal-missili 9M729, li huma jqisu li tikser it-Trattat INF;

F.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2018, il-President Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienu se jirtiraw mit-Trattat bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni taċ-Ċina; billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Mike Pompeo, ħabbar li l-Istati Uniti kienu kkonstataw li r-Russja kienet fi ksur materjali tat-Trattat u li kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom bħala rimedju effettiv fi żmien 60 jum, dment li r-Russja ma terġax lura għal konformità sħiħa u verifikabbli;

G.  billi fl-4 ta' Diċembru 2018, in-NATO rrilaxxat dikjarazzjoni b'appoġġ għas-sejbiet tal-Istati Uniti, li żvelaw li r-Russja hija fi ksur materjali tal-obbligi tagħha skont it-Trattat, u appellat lir-Russja terġa' lura b'mod urġenti għal konformità sħiħa u verifikabbli mat-Trattat;

H.  billi ċ-ċaħda tar-Russja li hija fi ksur tat-Trattat INF wasslet b'mod dirett għal nuqqas ta' fiduċja fit-Trattat INF jew nuqqas ta' infurzar tiegħu; billi qabel l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat, ir-Russja kkonfermat li, fil-bidu tal-2019, se tħaddem missili ballistiċi RS-26 interkontinentali 1 200 km fil-Lvant ta' Moska;

I.  billi fl-1 ta' Frar 2019, l-Istati Uniti ħabbru li se jissospendu l-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF u bdew il-proċess ta' irtirar minnu dment li r-Russja ma terġax lura għall-konformità mat-termini tiegħu fi żmien 180 jum; billi fit-2 ta' Frar 2019 ir-Russja ħadet deċiżjoni simili biex tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg appella lir-Russja biex tieħu vantaġġ mill-perjodu ta' sitt xhur offrut mill-Istati Uniti sabiex terġa' lura għal konformità sħiħa;

1.  Ifakkar fir-rwol ċentrali tat-Trattat INF għall-promozzjoni tan-nonproliferazzjoni globali, tad-diżarm u tas-sigurtà Ewropea u dinjija; jappoġġa bla riżervi l-kontinwazzjoni tat-Trattat INF;

2.  Jikkundanna lir-Russja talli qiegħda tkompli tikser it-Trattat INF; jistieden lir-Russja turi konformità sħiħa u verifikabbli sabiex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Istati Uniti u min-NATO u tippermetti l-kontinwazzjoni tat-Trattat INF;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' trasparenza sħiħa u djalogu fl-interess tal-bini tal-fiduċja u l-kunfidenza fl-implimentazzjoni tat-Trattat INF u ta' kwalunkwe ftehim ieħor li jappoġġa l-istabbiltà u s-sigurtà strateġiċi; iħeġġeġ, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, it-tiġdid ta' djalogu kostruttiv bejn l-Istati Uniti u r-Russja, u jappella li jsiru negozjati in bona fede dwar miżuri effettivi relatati mal-arsenali nukleari tagħhom;

4.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għas-sospensjoni taż-żewġ partijiet mit-Trattat INF; jinsab imħasseb dwar il-fatt li kalkolu ħażin u perċezzjoni ħażina potenzjali bejn l-Istati Uniti u r-Russja jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni tat-tensjonijiet u tellieqa ġdida għall-missili;

5.  Jibqa' impenjat bis-sħiħ favur il-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni effettivi fuq livell internazzjonali; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti u lir-Russja biex iġeddu l-ftehim START il-Ġdid qabel ma jiskadi fl-2021;

6.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tuża l-perjodu ta' sitt xhur sabiex tinvolvi ruħha fi djalogu maż-żewġ Stati firmatarji, filwaqt li toffri l-għarfien espert u l-esperjenza tal-medjazzjoni tal-UE, bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar it-Trattat INF fi sforz biex jiġi evitat li l-Istati Uniti u r-Russja jirtiraw minnu; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-VP/RGħ, wara l-perjodu ta' sitt xhur, toffri alternattiva u tinkoraġġixxi n-negozjar ta' ftehim ġdid dwar l-armi bejn l-Istati Uniti u r-Russja, li jista' jinkludi livelli massimi jew limitazzjonijiet ġeografiċi għall-użu tal-missili ta' armi nukleari;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti, lill-President tal-Federazzjoni Russa u lill-Membri tad-Duma tal-Istat Russu u lill-Kunsill Federali, u lin-NATO.

 

 

(1)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2019Avviż legali