Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0133/2019

Testi mressqa :

B8-0133/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 158kWORD 48k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0128/2019
12.2.2019
PE635.358v01-00
 
B8-0133/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))


Klaus Buchner, Bodil Valero, Ska Keller, Philippe Lamberts, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))  
B8‑0133/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat INF") tat-8 ta' Diċembru 1987 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (USSR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-White House fl-1 ta' Frar 2019 li, b'risposta għall-allegazzjoni ta' ksur mir-Russja tat-Trattat INF, il-President Donald Trump ordna li l-Istati Uniti kienet se tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat INF mit-2 ta' Frar, u kienet se tipproċedi bl-iżvilupp ta' sistema missilistika terrestri, armata b'mod konvenzjonali u ta' medda intermedja,

–  wara li kkunsidra t-tħassib imqajjem reċentement mill-Istati Uniti u min-NATO fid-Dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2019 maħruġa mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana, rigward il-falliment tar-Russja li tikkonforma mat-Trattat INF, b'referenza partikolari għas-sistema missilitika l-ġdid 9M729,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar mill-President Vladimir Putin li, fid-dawl tas-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fit-Trattat INF, ir-Russja wkoll kienet se tissosspendi l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra t-tħassib tar-Russja dwar il-fatt li l-missili Aegis Ashore, u l-lanċjaturi MK41 tal-Istati Uniti li qegħdin jiġu skjerati f'ċerti territorji Ewropej flimkien mas-sistemi ta' difiża bil-missili għandhom distanza pprojbita, u, fil-futur, jistgħu jiġu adattati biex ikunu ta' theddida għall-bliet Russi, bi ksur tal-obbligi tat-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra l-importanza ta' konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) tal-1968, mal-obbligi tiegħu fuq l-Istati kollha lejn il-kisba ta' diżarm nukleari in bona fede u t-tmiem tat-tellieqa tal-armi nukleari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani (A/RES/66/61),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari (TPNW) adottat fis-7 ta' Lulju 2017 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP) rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra s-seminars tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm u l-laqgħat regolari tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-armi ta' qerda massiva, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġja proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani(4),

–  wara li kkunsidra l-Appell ta' Basel dwar id-Diżarm u s-Sigurtà Sostenibbli tad-29 ta' Jannar 2019 iffirmat mis-sindki, parlamentari u rappreżentanti ta' gruppi ta' riflessjoni u tas-soċjetà ċivili,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta minn seba' organizzazzjonijiet tal-paċi Franċiżi tal-24 ta' Jannar 2019 li tfakkar it-73 anniversarja tal-ewwel riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 1(1) adottata fl-24 ta' Jannar 1946, li talbet għall-eliminazzjoni tal-armi nukleari,

–  wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi 2017 mogħti lill-Kampanja Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Armi Nukleari (ICAN),

–  wara li kkunsidra d-diskors tad-Direttur Eżekuttiv tal-ICAN lill-plenarja tal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra t-tħabbira tal-24 ta' Jannar 2019 mill-Bulletin tax-Xjentisti Atomiċi li d-Doomsday Clock (l-Arloġġ tal-Apokalissi) baqa' ssettjat fuq żewġ minuti għal nofsillejl minħabba r-riskji għall-umanità u ċiviltà minħabba l-armi nukleari u t-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF, iffirmat fl-1987 mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Sovjetika, obbliga liż-żewġ partijiet jeqirdu l-ħażniet tagħhom ta' missili nukleari terrestri u ta' missili ballistiċi u missili ta' kruċiera b'armi konvenzjonali li jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, filwaqt li pprojbixxilhom jippossjedu, jipproduċu u jittestjaw it-titjir ta' dawn il-missili,

B.  billi t-Trattat INF ikkontribwixxa għall-bini u t-tisħiħ tal-istabbiltà fl-era tal-Gwerra l-Bierda billi naqqas bil-kbir l-għadd ta' missili fl-Ewropa, hekk li l-Ewropa kienet il-benefiċjarja prinċipali tas-suċċess tat-Trattat INF; billi bħala riżultat tat-Trattat INF, l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika qerdu total ta' 2 692 missila ta' medda intermedja u medja sal-iskadenza għall-implimentazzjoni tat-Trattat tal-1 ta' Ġunju 1991;

C.  billi fl-1 ta' Frar 2019, l-Istati Uniti ddikjarat li kienet se tirtira mit-Trattat INF fi żmien sitt xhur għaliex kienet temmen li r-Russja kienet fi ksur materjali tal-ftehim;

D.  billi l-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar, fit-2 ta' Frar 2019, li r-Russja kienet se tissospendi t-Trattat INF u tiżviluppa tipi ta' missili ġodda; billi l-awtoritajiet Russi ripetutament qajmu tħassib dwar l-installazjonijiet missilistiċi ta' difiża tan-NATO;

E.  billi r-Russja,f'Kaliningrad, skjerat missili Iskander ta' medda qasira b'kapaċità nukleari u qed twettaq eżerċizzji u titjiriet ta' sorveljanza li jinvolvu sistemi b'kapaċità nukleari, u billi d-dikjarazzjonijiet mill-mexxejja politiċi u militari Russi aggravaw it-tħassib dwar id-dipendenza akbar fuq l-armi nukleari mir-Russja;

F.  billi f'ċerti reġjuni madwar id-dinja, jiġifieri fl-Amerika Latina u l-Karibew, in-Nofsinhar tal-Paċifiku, ix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, jeżistu diġà numru ta' trattati relatati ma' żoni ħielsa mill-armi nukleari;

G.  billi t-Trattat tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari ġie miftuħ għall-iffirmar mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Settembru 2017 u sal-lum ġie ffirmat minn 70 stat, li minnhom, 21 saru stati kontraenti permezz ta' ratifika, u billi wieħed minn dawn il-pajjiżi, l-Awstrija, hija Stat Membru tal-UE, bil-probabbiltà li l-Irlanda tippreżenta l-istrumenti ta' ratifika tagħha lis-Segretarju Ġenerali tan-NU matul ix-xhur li ġejjin;

H.  billi l-iskjerament ta' numru akbar ta' armi nukleari jiġġenera riskju akbar ta' splużjonijiet nukleari mhux intenzjonati u b'mod partikolari l-lanċjar aċċidentali ta' armi;

1.  Jissottolinja li t-tmiem tat-Trattat INF jhedded wieħed mill-aktar interessi ta' sigurtà ewlenin tal-Ewropa; jissottolinja li t-Trattat INF wettaq kontibut vitali għas-sigurtà Ewropea għal aktar minn 30 sena u l-kollass tat-trattat jkollu impatti serji u negattivi, inkluż ir-ritorn lejn it-tlielaq destabbilizzanti għall-armi nukleari, id-dgħajfien tas-sigurtà Ewropea u tal-istituzzjonijiet tagħha li huma vitali għall-paċi u l-istabbiltà, u l-qerda tal-istituzzjonijiet u tan-normi ġuridiċi internazzjonali bbażati fuq ir-regoli f'dan il-qasam; jenfasizza li l-kollass tat-Trattat INF jista' jwassal għal żieda fit-theddid u r-riskji nukleari u militari, li potenzjalment iwassal għall-użu ta' armi nukleari kaġun ta' kalkolu żbaljat, bi żball jew b'mod intenzjonali;

2.  Jesprimi tħassib serju għad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Uniti u r-Russja li se jissospendu l-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF u jqis li t-theddid ta' rtirar minn dan it-trattat fi żmien sitt xhur se jwassal għal tellieqa għall-armamenti ġdida;

3.  Jistieden kemm lir-Russja u lill-Istati Uniti biex, bl-akbar urġenza, jipparteċipaw f'taħdidiet bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-allegazzjonijiet ta' nonkonformità rispettivi, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU jew ta' fora xierqa oħra, bil-għan li jiġu eżaminati l-pretensjonijiet u jiġu stabbiliti l-passi li jmiss, sabiex il-partijiet jinġiebu f'konformità sħiħa u jissaħħaħ t-Trattat INF billi jitreġġgħu lura għall-konformità permezz ta' trasparenza msaħħa, ta' monitoraġġ reċiproku, ta' verifika u passi xierqa oħra biex jingħataw garanziji ġodda u tinbena l-fiduċja li t-Trattat mhux se jkun soġġett għal aktar ksur jew imminar;

4.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jużaw il-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom matul is-sitt xhur li jmiss, ħalli jikkonvinċu lir-Russja u lill-Istati Uniti jkomplu jikkonformaw mat-Trattat INF u jtejbu l-konformità tagħhom mad-dispożizzjoni tiegħu; jissottolinja li dawn l-isforzi mill-UE fuq perjodu qasir ta' żmien għandhom jiffokaw, b'mod partikolari, fuq l-għoti ta' għajnuna lir-Russja u lill-Istati Uniti ħalli jsolvu l-kwistjonijiet ta' fatt u evidenza u jistabbilixxu jekk kienx hemm ksur tekniku jew materjali, inkluż permezz ta' spezzjonijiet fuq il-post, li jitrattaw kemm s-sistemi missilistiċi ta' difiża Russi 9M729 u l-missili 'Aegis Ashore' tal-Istati Uniti, u jippermettu li tinstab soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet b'mod li jsaħħaħu kemm t-Trattat INF u r-reġim ta' nonproliferazzjoni, u wkoll is-sigurtà Ewropea u internazzjonali;

5.  Jemmen li s-sigurtà Ewropea għandha tibqa' indiviżibbli; jappella lill-Istati Membri tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO jaġixxu kif xieraq;

6.  Jitlob lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jieħdu miżuri provviżorji konkreti ħalli jnaqqsu r-riskju ta' splużjonijiet ta' armi nukleari, inkluż it-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tal-armi nukleari kif ukoll sabiex l-armi nukleari jitneħħew mill-istadju ta' mobilizzazzjoni u jinħażnu, filwaqt li jnaqqsu r-rwol tal-armi nukleari fid-duttrini militari u jirriduċu fil-pront kull tip ta' armi nukleari;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu evitati tlielaq nukleari reġjonali u l-istazzjonament ta' armi nukleari ġodda bejn l-Atlantiku u l-muntanji Urali;

8.  Ifaħħar id-dħul fis-seħħ tat-Trattat tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari, l-universalizzazzjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u l-istabbiliment ta' aktar żoni ħielsa mill-armi nukleari, bħala passi pożittivi; jemmen li l-Ewropa, bl-impenn tal-istati kollha Ewropej,għandha tmexxi bl-eżempju bil-għan li tkun kredibbli u tmexxi 'l quddiem dinja ħielsa, dinja ħielsa mill-armi nukleari;

9.  Iħeġġeġ lill-Unjoni taġixxi ta' fornitur ta' sigurtà proattiv u kredibbli billi tvara inizjattivi multilaterali u bbażat fuq ir-regoli, immirati lejn il-qawmien mill-ġdid ta' diżam nukleari u ta' kontroll tal-armi; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri, anke fid-dawl tat-tneħħija gradwali tat-trattat START il-ġdid fl-2021 u tal-Konferenza ta' Rieżami tal-NPT li jmiss fl-2020, jiżviluppaw strateġija ta' diżarm nukleari kredibbli u ambizzjuża, ibbażata fuq mulilateraliżmu effikaċi, li jkollha l-għan li tikseb il-mira ta' Ewropa ħielsa mill-armi ta' qerda massiva; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jikkunsidraw b'mod urġenti:

(i)  ir-rieżami u l-aġġornament dettaljat tal-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, b'enfasi qawwija fuq id-diżarm multilaterali,

(ii)  l-iffirmar u r-ratifika b'urġenza tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari tan-NU,

(iii)  miżuri li jnaqqsu u jeliminaw l-armi nukleari ta' medda qasira u ta' teatru ta' gwerra li huma kkunsidrati bħala substrateġiċi jew mhux strateġiċi, b'mod partikolari mit-territorju Ewropew, inkluża l-parti tal-Punent tar-Russja;

(iv)  inizjattiva tal-UE li tinvolvi liċ-Ċina f'miżuri multilaterali futuri mmirati lejn it-tnaqqis u l-qerda tal-armi ta' medda intermedja;

10.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 rigward il-futur tal-Fond Ewropew għad-Difiża, partikolarment li l-armi ta' qerda massiva u t-teknoloġija tat-testati relatati u l-mezzi ta' twassil ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament b'rabta man-negozjati interistituzzjonali li għadhom għaddejjin mal-Kunsill u mal-Kummissjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lin-NATO, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-Parlament Ewropew u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

(1)

ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 77.

(2)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 97.

(3)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

(4)

ĠU L 196, 24.7.2012, p. 67.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali