Proċedura : 2019/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0155/2019

Testi mressqa :

B8-0155/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.22

Testi adottati :

P8_TA(2019)0156

<Date>{06/03/2019}6.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0155/2019</NoDocSe>
PDF 156kWORD 56k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas</Titre>

<DocRef>(2019/2575(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Luděk Niedermayer, Angelika Niebler, Ivo Belet, Paul Rübig</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0154/2019

B8‑0155/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas

(2019/2575(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI[3],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, "l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà" li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li jikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ("l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà") (COM(2017)0477),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

 wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Intelligence Nazzjonali l-ġdida mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż fit-28 ta' Ġunju 2017,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2019 dwar it-theddid għas-sigurtà marbuta mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas,

 wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Gvern Awstraljan tar-Riformi tas-Sigurtà tas-Settur tat-Telekomunikazzjonijiet, b'effett mit-18 ta' Settembru 2018,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "5G għall-Ewropea: pjan ta' azzjoni" (COM(2016)0588),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[7],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010[8],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE jeħtieġ li tmexxi 'l quddiem l-aġenda taċ-ċibersigurtà tagħha sabiex tilħaq il-potenzjal tagħha li ssir attur ewlieni fiċ-ċibersigurtà u tuża dan il-vantaġġ għall-industrija tagħha;

B. billi l-vulnerabbiltajiet fin-netwerks 5G jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kompromessi s-sistemi tal-IT, u dan potenzjalment jikkawża ħsara serja ħafna lill-ekonomiji fil-livelli Ewropej u nazzjonali; billi huwa meħtieġ approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskju tul il-katina tal-valur sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji;

C. billi n-netwerk 5G se jkun is-sinsla tal-infrastruttura diġitali tagħna, filwaqt li jestendi l-possibbiltà li jiġu konnessi diversi apparati ma' netwerks (l-internet tal-oġġetti, eċċ.), u se jġib miegħu benefiċċji u opportunitajiet ġodda għas-soċjetà u għan-negozji f'ħafna oqsma, anki f'setturi kritiċi tal-ekonomija, inklużi s-setturi tat-trasport, tal-enerġija, tas-saħħa, tal-finanzi, tat-telekomunikazzjoni, tad-difiża, tal-ispazju u tas-sigurtà;

D. billi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu xieraq biex jirrispondi għall-isfidi tas-sigurtà jagħti lill-UE l-opportunità biex b'mod attiv tieħu passi fil-ħolqien ta' standards għall-5G;

E. billi tqajjem tħassib dwar bejjiegħa ta' tagħmir ta' pajjiż terz li jista' jippreżenta riskju għas-sigurtà tal-UE minħabba l-liġijiet tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu, speċjalment wara l-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Istat Ċiniż, li tipprovdi obbligi għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u entitajiet oħra kollha biex jikkooperaw mal-Istat bil-ħsieb li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-istat; billi ma hemm l-ebda garanzija bħal din li tali obbligi huma mingħajr applikazzjoni extraterritorjali, u billi r-reazzjonijiet għar-regolamenti Ċiniżi varjaw f'għadd ta' pajjiżi, minn valutazzjonijiet tas-sigurtà sa projbizzjoni assoluta;

F. billi f'Diċembru 2018, l-awtorità nazzjonali Ċeka għaċ-ċibersigurtà ħarġet twissija kontra t-theddid għas-sigurtà kkawżat mit-teknoloġiji pprovduti mill-kumpaniji Ċiniżi Huawei u ZTE; billi, sussegwentement, f'Jannar 2019, l-awtoritajiet tat-taxxa Ċeki eskludew lil Huawei minn offerta biex jinbena portal tat-taxxa;

G. billi hija meħtieġa investigazzjoni bir-reqqa biex jiġi ċċarat jekk l-apparati involuti, jew kwalunkwe apparat jew fornitur ieħor, joħolqux riskji ta' sigurtà minħabba karatteristiċi bħall-aċċess mhux awtorizzat (backdoors) għas-sistemi;

H. billi għandhom jiġu kkoordinati u indirizzati soluzzjonijiet fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati livelli differenti ta' sigurtà u ta' lakuni potenzjali fiċ-ċibersigurtà; billi l-koordinazzjoni hija meħtieġa wkoll fil-livell globali sabiex jingħata rispons b'saħħtu;

I. billi l-benefiċċji tas-suq uniku jiġu bl-obbligu ta' konformità mal-istandards tal-UE u l-qafas legali tal-Unjoni u billi l-fornituri m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti abbażi tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

J. billi r-Regolament dwar l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani, li għandu jidħol fis-seħħ sa tmiem l-2020, isaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jiskrinjaw l-investiment barrani abbażi tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, u jistabbilixxi mekkaniżmu ta' kooperazzjoni li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji għas-sigurtà, inklużi r-riskji taċ-ċibersigurtà, maħluqa minn investimenti barranin sensittivi, u jkopri wkoll proġetti u programmi li huma ta' interess għall-UE, bħan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Telekomunikazzjoni u Orizzont 2020;

1. Jemmen li l-Unjoni trid tkun minn ta' quddiem nett fiċ-ċibersigurtà, bl-użu ta' approċċ komuni bbażat fuq l-użu effettiv u effiċjenti tal-għarfien espert tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija, peress li frammentazzjoni ta' deċiżjonijiet nazzjonali diverġenti tkun ta' ħsara għas-suq uniku diġitali;

2. Jesprimi tħassib kbir dwar l-allegazzjonijiet riċenti li tagħmir 5G żviluppat minn kumpaniji Ċiniżi jkollu aċċessi mhux awtorizzati inkorporati li jippermettu lill-manifatturi u lill-awtoritajiet aċċess mhux awtorizzat għad-data u t-telekomunikazzjonijiet ta' ċittadini u negozji tal-UE;

3. Jinsab imħasseb ukoll dwar il-preżenza potenzjali ta' vulnerabbiltajiet kbar fit-tagħmir 5G żviluppati minn dawn il-manifatturi li kieku dawn kellhom jiġu installati meta jkunu se jitnedew netwerks 5G fis-snin li ġejjin;

4. Jissottolinja l-fatt li l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tan-netwerks u tat-tagħmir huma simili madwar id-dinja u jitlob lill-UE tislet tagħlimiet mill-esperjenza disponibbli biex tkun tista' tiżgura l-ogħla standards taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija li tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem fit-teknoloġija taċ-ċibersigurtà u li jkollha l-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq it-teknoloġija barranija fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

5. Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura nazzjonali li beħsiebhom jadottaw sabiex jikkoordinaw ir-rispons tal-Unjoni bil-għan li jiżguraw l-ogħla standards taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha u jtenni l-importanza li joqogħdu lura milli jintroduċu miżuri unilaterali sproporzjonati li jifframmentaw is-suq uniku;

6. Itenni li kwalunkwe entità li tipprovdi tagħmir jew servizzi fl-UE, irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom, trid tikkonforma mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u mad-dritt tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż il-qafas legali fir-rigward tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-robustezza tal-qafas legali tal-Unjoni sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-preżenza ta' tagħmir vulnerabbli f'setturi strateġiċi u fl-infrastruttura ewlenija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi, inklużi proposti leġiżlattivi fejn xieraq, biex tindirizza fi żmien debitu kwalunkwe nuqqas osservat peress li l-Unjoni tinsab fi proċess kostanti li bih tidentifika u tindirizza l-isfidi taċ-ċibersigurtà u t-tisħiħ tar-reżiljenza taċ-ċibersigurtà fl-UE;

8. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod sħiħ id-Direttiva (EU) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS) biex jagħmlu dan mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja din it-traspożizzjoni mill-qrib biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati u infurzati b'mod xieraq u li ċ-ċittadini Ewropej ikunu protetti aħjar mit-theddid estern għas-sigurtà;

9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' rapportar introdotti mid-Direttiva NIS jiġu applikati b'mod xieraq; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isegwu bir-reqqa kwalunkwe inċident ta' sigurtà jew reazzjoni mhux xierqa tal-fornituri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal setturi u servizzi kritiċi oħrajn li mhumiex koperti minn leġiżlazzjoni speċifika, bħall-infrastruttura tan-netwerk;

11. Jilqa' u jappoġġa l-ftehim milħuq dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), sabiex jingħata appoġġ aħjar lill-Istati Membri meta jindirizzaw it-theddid u l-attakki taċ-ċibersigurtà;

12. Ifakkar li ċ-ċibersigurtà titlob rekwiżiti ta' sigurtà għolja; jitlob netwerk li jkun sigur b'mod awtomatiku u ppjanat; iħeġġeġ lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jesploraw il-mezzi kollha disponibbli biex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-ENISA biex bħala prijorità taħdem fuq skema ta' ċertifikazzjoni għat-tagħmir tal-5G sabiex tiżgura li t-tnedija tal-5G fl-Unjoni tilħaq l-ogħla standards ta' sigurtà u tkun reżiljenti għall-aċċessi mhux awtorizzati jew vulnerabbiltajiet kbar li jipperikolaw is-sigurtà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni u tas-servizzi dipendenti tal-Unjoni; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-proċessi, il-prodotti u s-software użati b'mod komuni li minħabba l-iskala kbira tagħhom ikollhom impatt importanti fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-ekonomija;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti dwar iċ-ċentri ta' kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà u dwar netwerk ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni, imfassla biex jgħinu lill-UE żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà li huma meħtieġa biex jiġi żgurat is-suq uniku diġitali tagħha;

15. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu dwar il-programm Ewropa Diġitali, li jimponi rekwiżiti ta' sigurtà u sorveljanza mill-Kummissjoni fuq entitajiet stabbiliti fl-UE iżda kkontrollati minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari għal azzjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà;

16. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-kumpaniji privati involuti fl-iżgurar tal-funzjonament tajjeb ta' netwerks ta' infrastruttura kritika bħat-telekomunikazzjoni, l-enerġija, is-saħħa u s-sistemi soċjali, iwettqu valutazzjonijiet rilevanti ta' analiżi tar-riskju filwaqt li jqisu t-theddid għas-sigurtà marbut b'mod speċifiku mal-karatteristiċi tekniċi tas-sistema rispettiva jew tad-dipendenza fuq fornituri esterni tat-teknoloġiji tal-hardware u tas-software;

17. Ifakkar li l-qafas legali attwali dwar it-telekomunikazzjonijiet jagħti mandat lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jikkonformaw mal-integrità u d-disponibbiltà ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika; jenfasizza li, skont il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika, l-Istati Membri għandhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jinvestigaw u japplikaw firxa wiesgħa ta' rimedji f'każ ta' nuqqas ta' konformità tal-prodotti fis-suq tal-UE;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu s-sigurtà aspett obbligatorju fil-proċeduri kollha tal-akkwist pubbliku għall-infrastruttura rilevanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu t-trasparenza u s-sigurtà billi jiżviluppaw proċeduri ta' akkwist multi-phase għall-infrastruttura tal-ICT, li jippermettu li l-offerti fuq l-arkitettura ta' dawn is-sistemi, il-produzzjoni tagħhom, l-operat u l-manutenzjoni tagħhom ikunu distinti minn xulxin u minn fornituri tat-teknoloġija individwali;

20. Ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom skont id-dritt tal-UE li jimponu sanzjonijiet, partikolarment multi kriminali u mhux kriminali, fuq persuni ġuridiċi li jikkommettu reati kriminali bħal attakki kontra sistemi ta' informazzjoni, interferenza illegali fuq is-sistema, interferenza illegali tad-data u interċettazzjoni illegali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu mill-possibbiltà li jimponu sanzjonijiet oħra fuq dawn l-entitajiet legali, bħall-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali;

21. Jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jinvestigaw bir-reqqa indikazzjonijiet ta' ksur ta' data minn bejjiegħa esterni u jimponu penali u sanzjonijiet xierqa skont il-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;

22. Jilqa' d-dħul fis-seħħ imminenti ta' regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin (FDI) għal raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku, u jissottolinja li dan ir-regolament jistabbilixxi għall-ewwel darba lista ta' oqsma u fatturi, inklużi l-komunikazzjonijiet u ċ-ċibersigurtà, li huma rilevanti għas-sigurtà u l-ordni pubbliku fil-livell tal-UE;

23. Itenni li l-UE għandha bżonn tappoġġa ċ-ċibersigurtà fil-katina tal-valur kollha kemm hi, mir-riċerka sat-tnedija u l-użu ta' teknoloġiji ewlenin, ixxerred l-informazzjoni rilevanti, u tippromwovi l-iġjene ċibernetika u kurrikuli edukattivi dwar iċ-ċibersigurtà, u jemmen li, fost miżuri oħra, il-programm Ewropa Diġitali se jkun għodda effiċjenti għal dan il-għan;

24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa, inklużi skemi ta' investiment b'saħħithom, biex joħolqu ambjent favur l-innovazzjoni fl-UE, li għandu jkun aċċessibbli għan-negozji kollha tal-ekonomija diġitali tal-UE, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); iħeġġeġ, barra minn hekk, li ambjent bħal dan għandu jippermetti lill-bejjiegħa Ewropej jiżviluppaw prodotti, servizzi u teknoloġiji ġodda, li jippermettulhom ikunu kompetittivi;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

[2] ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

[3] ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0121.

[5] Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

[6] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 144.

[7] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

[8] ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali