Proċedura : 2019/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0160/2019

Testi mressqa :

B8-0160/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.22

Testi adottati :

P8_TA(2019)0156

<Date>{06/03/2019}6.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0160/2019</NoDocSe>
PDF 156kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas</Titre>

<DocRef>(2019/2575(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Reinhard Bütikofer</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0154/2019

B8‑0160/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas

(2019/2575(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI[3],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, "l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà" li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li jikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ("l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà") (COM(2017)0477),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

 wara li kkunsidra l-Liġi dwar l-Intelliġence Nazzjonali taċ-Ċina tat-28 ta' Ġunju 2017 u l-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Istat tal-1 ta' Lulju 2015,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2019 dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas,

 wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Gvern Awstraljan tar-Riformi tas-Sigurtà tas-Settur tat-Telekomunikazzjonijiet, b'effett mit-18 ta' Settembru 2018,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "5G għall-Ewropea: pjan ta' azzjoni" (COM(2016)0588),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[7],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010[8],

 wara li kkunsidra l-programm Ewropa Diġitali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE ppromoviet id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tagħha u l-użu ta' netwerks u tagħmir tal-ġenerazzjoni li jmiss u ħadet passi b'mod attiv biex tkun entità li tistabbilixxi l-istandards għall-5G;

B. billi l-vulnerabbiltajiet fin-netwerks 5G jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kompromessi s-sistemi tal-IT, u dan potenzjalment jikkawża ħsara serja ħafna lill-ekonomiji fil-livelli Ewropej u nazzjonali; billi huwa meħtieġ approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskju tul il-katina tal-valur sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji;

C. billi n-netwerk 5G se jkun is-sinsla tal-infrastruttura diġitali tagħna, filwaqt li jestendi l-possibbiltà li jiġu konnessi diversi apparati ma' netwerks (l-internet tal-oġġetti, eċċ.), u se jġib miegħu benefiċċji u opportunitajiet ġodda għas-soċjetà u għan-negozji f'ħafna oqsma, anki f'setturi kritiċi tal-ekonomija, inklużi s-setturi tat-trasport, tal-enerġija, tas-saħħa, tal-finanzi, tat-telekomunikazzjoni, tad-difiża, tal-ispazju u tas-sigurtà;

D. billi l-Parlament ripetutament talab għall-iżvilupp ta' strateġija Ewropea favur indipendenza akbar tal-IT u l-privatezza online li tagħti spinta lill-industrija tal-IT fl-UE;

E. billi tqajjem tħassib dwar bejjiegħa ta' tagħmir ta' pajjiż terz li jista' jippreżenta riskju għas-sigurtà tal-UE minħabba l-liġijiet tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom, speċjalment wara l-adozzjoni tal-Liġi ta' Sigurtà tal-Istat Ċiniż, li tipprovdi għal definizzjoni wiesgħa ħafna ta' sigurtà u obbligi nazzjonali għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u entitajiet oħra kollha biex jikkooperaw mal-Istat bil-ħsieb li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-istat; billi m'hemm l-ebda garanzija li dawn l-obbligi ma jkollhomx applikazzjoni extraterritorjali; billi kien hemm reazzjoni varja għar-regolamenti Ċiniżi fost pajjiżi bħall-Istati Uniti, l-Awstralja u n-New Zealand, li jvarjaw minn valutazzjonijiet tas-sigurtà għal projbizzjoni diretta;

F. billi l-aċċess għas-suq diġà huwa kkundizzjonat minn konformità mar-regoli Ewropej għal għadd kbir ta' prodotti iżda ċ-ċibersigurtà għadha mhijiex rekwiżit u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni kif previst fl-Att dwar iċ-Ċibersigurtà ma jipprovdux rispons adegwat għall-urġenza tas-sitwazzjoni, speċjalment fil-każ ta' konnessjonijiet tal-konsumatur u ta' apparati konnessi mifruxa ma' kullimkien;

G. billi diġà kien hemm inċidenti relatati mas-sigurtà fl-UE minħabba vulnerabbiltajiet fin-netwerks tal-komunikazzjoni, inkluż aċċess mhux awtorizzat għall-operatur Belġjan tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi servizzi lill-istituzzjonijiet Ewropej;

H. billi hija meħtieġa investigazzjoni bir-reqqa biex jiġi ċċarat jekk l-apparati involuti f'inċidenti bħal dawn, jew kwalunkwe apparat jew fornitur ieħor, joħolqux riskji ta' sigurtà minħabba karatteristiċi bħall-aċċess mhux awtorizzat (backdoors) għas-sistemi;

I. billi għandhom jiġu kkoordinati u indirizzati soluzzjonijiet fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati livelli differenti ta' sigurtà u ta' lakuni potenzjali fiċ-ċibersigurtà; billi l-koordinazzjoni hija meħtieġa wkoll fil-livell globali sabiex jingħata rispons b'saħħtu;

J. billi l-benefiċċji tas-suq uniku jiġu bl-obbligu ta' konformità mal-istandards tal-UE u l-qafas legali tal-Unjoni u billi l-fornituri m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti abbażi tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

K. billi r-regolament tal-UE li jmiss li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea jipprovdi lista ta' fatturi li jitqiesu li huma relatati mas-sigurtà u l-ordni pubbliku, li jinkludu infrastruttura kritika, bħall-infrastruttura tal-komunikazzjoni, it-teknoloġiji kritiċi, iċ-ċibersigurtà, l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u l-libertà li tiġi kontrollata tali informazzjoni; billi tali fatturi bħal jekk investitur barrani huwiex kontrollat indirettament mill-gvern tal-pajjiż ta' oriġini għandhomx jitqiesu rilevanti għas-sigurtà u l-ordni pubbliku; billi r-Regolament ikopri wkoll proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni bħan-Netwerks Trans-Ewropej ta' Telekomunikazzjoni u Orizzont 2020; billi r-regolament jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji għas-sigurtà maħluqa minn investimenti diretti barranin;

1. Jemmen li l-Unjoni għandha tkun minn ta' quddiem nett fiċ-ċibersigurtà, bl-użu ta' approċċ komuni bbażat fuq l-użu effettiv u effiċjenti tal-għarfien espert tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija, peress li frammentazzjoni ta' deċiżjonijiet nazzjonali diverġenti tkun ta' ħsara għas-suq uniku diġitali;

2. Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat malajr approċċ tal-UE għas-sigurtà tal-infrastruttura fid-dawl tat-tnedija tat-teknoloġija 5G, filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-sigurtà u l-ordni pubbliku bl-interferenza u l-influwenza minn pajjiżi terzi; jenfasizza li din hija kwistjoni ta' sigurtà u ta' interess fundamentali għall-UE nnifisha;

3. Jilqa' d-dħul fis-seħħ imminenti ta' regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin għal raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku, u jissottolinja li dan ir-regolament jistabbilixxi għall-ewwel darba lista ta' oqsma u fatturi li huma rilevanti għas-sigurtà u l-ordni pubbliku fil-livell tal-UE;

4. Jesprimi tħassib kbir dwar l-allegazzjonijiet riċenti li tagħmir 5G żviluppat minn kumpaniji Ċiniżi jista' jkollu aċċessi mhux awtorizzati inkorporati li jippermettu lill-manifatturi u lill-awtoritajiet ikollhom aċċess mhux awtorizzat għad-data u t-telekomunikazzjonijiet ta' ċittadini u negozji tal-UE; jinsab imħasseb ukoll dwar il-preżenza potenzjali ta' vulnerabbiltajiet kbar fit-tagħmir 5G żviluppati minn dawn il-manifatturi li kieku dawn kellhom jiġu installati meta jkunu se jitnedew netwerks 5G fis-snin li ġejjin; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-projbizzjoni ta' fornituri tat-tagħmir 5G li ma jistgħux jagħtu garanziji adegwati ta' sigurtà;

5. Jissottolinja l-fatt li l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tan-netwerks u tat-tagħmir huma simili madwar id-dinja u jitlob lill-UE tislet tagħlimiet mill-esperjenza disponibbli biex tkun tista' tiżgura l-ogħla standards taċ-ċibersigurtà; huwa tal-fehma li, kull meta l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà ma tkunx tista' tiġi garantita, iridu jiġu applikati miżuri adegwati; jinnota li, bħala parti mill-valutazzjoni għall-adegwatezza tas-sigurtà, l-UE għandha titlob assigurazzjonijiet sostanzjali u kredibbli, b'mod partikolari f'każijiet fejn kumpanija ma tkunx elenkata, ikollha strutturi organizzattivi opaki u ma tkunx trasparenti dwar il-finanzjament u t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha;

6. Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura nazzjonali pertinenti li biħsiebhom jadottaw sabiex jikkoordinaw ir-rispons tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu żgurati l-ogħla standards taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha;

7. Itenni li kwalunkwe entità li tipprovdi tagħmir jew servizzi fl-UE, irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom, trid tikkonforma mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u mad-dritt tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż il-qafas legali fir-rigward tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-robustezza tal-qafas legali tal-Unjoni sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-preżenza ta' tagħmir vulnerabbli f'setturi strateġiċi u fl-infrastruttura ewlenija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi, inklużi proposti leġiżlattivi fejn xieraq, biex tindirizza fi żmien debitu kwalunkwe nuqqas osservat peress li l-Unjoni tinsab fi proċess kostanti li bih tidentifika u tindirizza l-isfidi taċ-ċibersigurtà u t-tisħiħ tar-reżiljenza taċ-ċibersigurtà fl-UE;

9. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod sħiħ id-Direttiva NIS biex jagħmlu dan mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja din it-traspożizzjoni mill-qrib biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati u infurzati b'mod xieraq u li ċ-ċittadini Ewropej ikunu protetti aħjar mit-theddid estern u intern għas-sigurtà;

10. Jilqa' u jappoġġa l-ftehim milħuq dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), sabiex jingħata appoġġ aħjar lill-Istati Membri meta jindirizzaw it-theddid u l-attakki taċ-ċibersigurtà;

11. Ifakkar li ċ-ċibersigurtà titlob rekwiżiti ta' sigurtà għolja; jitlob netwerks u prodotti siguri b'mod awtomatiku u prestabbilit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-ENISA biex bħala prijorità taħdem fuq skema ta' ċertifikazzjoni għat-tagħmir tal-5G sabiex tiżgura li t-tnedija tal-5G fl-Unjoni tilħaq l-ogħla standards ta' sigurtà u tkun reżiljenti għall-aċċessi mhux awtorizzati jew vulnerabbiltajiet kbar li jipperikolaw is-sigurtà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni u tas-servizzi dipendenti tal-Unjoni; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-proċessi, il-prodotti u s-software użati b'mod komuni li minħabba l-iskala kbira tagħhom ikollhom impatt importanti fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-ekonomija;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti dwar iċ-ċentri ta' kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà u dwar netwerk ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni, imfassla biex jgħinu lill-UE żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà li huma meħtieġa biex jiġi żgurat is-suq uniku diġitali tagħha;

13. Jilqa' l-programm Ewropa Diġitali, li jimponi rekwiżiti ta' sigurtà u sorveljanza mill-Kummissjoni fuq entitajiet stabbiliti fl-UE iżda kkontrollati minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari għal azzjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza li tiġi eskluża l-interferenza tas-sigurtà ġenerata minn talbiet eżekuttivi għal kooperazzjoni tal-intelligence minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi;

14. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-kumpaniji privati involuti fl-iżgurar tal-funzjonament tajjeb ta' netwerks ta' infrastruttura kritika bħat-telekomunikazzjoni, l-enerġija, is-saħħa u s-sistemi soċjali, iwettqu valutazzjonijiet rilevanti ta' analiżi tar-riskju filwaqt li jqisu t-theddid għas-sigurtà marbut b'mod speċifiku mal-karatteristiċi tekniċi tas-sistema rispettiva jew tad-dipendenza fuq fornituri esterni tat-teknoloġiji tal-hardware u tas-software;

15. Ifakkar li l-qafas legali attwali dwar it-telekomunikazzjonijiet jagħti mandat lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jikkonformaw mal-integrità u d-disponibbiltà ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika u li l-kriptaġġ, preferibbilment il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, ikun mod li bih jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà; jenfasizza li, skont il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika, l-Istati Membri għandhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jinvestigaw u japplikaw firxa wiesgħa ta' rimedji f'każ ta' nuqqas ta' konformità tal-prodotti fis-suq tal-UE;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu s-sigurtà aspett obbligatorju fil-proċeduri kollha tal-akkwist pubbliku għal infrastruttura rilevanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, inkluż, fejn xieraq, l-użu ta' standards u rekwiżiti tekniċi Ewropej immirati biex iżidu r-reżiljenza u jindirizzaw ir-riskji tas-sigurtà;

17. Jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jinvestigaw bir-reqqa indikazzjonijiet ta' ksur ta' data minn bejjiegħa esterni u jimponu penali u sanzjonijiet xierqa skont il-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;

18. Itenni li l-UE għandha bżonn tappoġġa ċ-ċibersigurtà fil-katina tal-valur kollha kemm hi, mir-riċerka sat-tnedija u l-użu ta' teknoloġiji ewlenin, ixxerred l-informazzjoni rilevanti, u tippromwovi kurrikuli tal-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, u jemmen li, fost miżuri oħra, il-programm Ewropa Diġitali se jkun għodda effiċjenti għal dan il-għan;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex joħolqu ambjent favur l-innovazzjoni fl-UE, li għandu jkun aċċessibbli għan-negozji kollha fl-ekonomija diġitali tal-UE, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u għandu jippermetti lill-bejjiegħa Ewropej jiżviluppaw prodotti, servizzi u teknoloġiji ġodda, li jippermettulhom li jirbħu lura s-sehem tas-suq mill-kompetituri tagħhom minn pajjiżi terzi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-aspett taċ-ċibersigurtà tas-sorveljanza u l-kontroll tas-suq u jipproponi miżuri li jindirizzaw b'mod effiċjenti r-riskji taċ-ċibersigurtà; ifakkar li l-atturi tal-industrija tal-UE, u speċjalment l-SMEs, huma vulnerabbli għal kompetizzjoni inġusta minn atturi sponsorjati mill-istat, minn akkwist strateġiku u aċċess mhux awtorizzat għad-data tagħhom; jargumenta li dawn l-atturi tal-industrija għandhom ikunu involuti fl-elaborazzjoni ta' miżuri leġiżlattivi potenzjali;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi rekwiżiti ta' sigurtà tal-IT fir-reviżjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid dwar is-Sikurezza tal-Prodotti;

22. Jistieden lill-Kunsill iħaffef il-ħidma tiegħu fuq ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika propost, u biex iqis il-kriptaġġ obbligatorju minn tarf sa tarf u l-projbizzjoni ta' aċċessi mhux awtorizzati imqabbda minn gvern kif propost mill-Parlament fil-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari;

23. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jikkunsidra azzjonijiet konformi mar-rakkomandazzjonijiet espressi f'din ir-riżoluzzjoni fil-laqgħa tiegħu li jmiss fil-21 ta' Marzu 2019;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

[2] ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

[3] ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0121.

[5] Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

[6] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 144.

[7] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

[8] ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali