Proċedura : 2019/2537(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0163/2019

Testi mressqa :

B8-0163/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.16
CRE 14/03/2019 - 11.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{08/03/2019}8.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0163/2019</NoDocSe>
PDF 162kWORD 49k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar ir-rakkomandazzjonijiet biex jinbdew negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti</Titre>

<DocRef>(2019/2537(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Bernd Lange</Depute>

<Commission>{INTA}f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8‑0163/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rakkomandazzjonijiet biex jinbdew negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti

(2019/2537(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti[4],

 wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-25 ta' Lulju 2018 wara ż-żjara tal-President Juncker fil-White House[5],

 wara li kkunsidra is-"Summary of Specific Negotiating Objectives for the Initiation of US-EU Negotiations" (Sommarju tal-Objettivi Speċifiċi tan-Negozjar għat-Tnedija tan-Negozjati bejn l-Istati Uniti u l-UE) ippubblikat f'Jannar 2019 mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant għall-Kummerċ tal-Istati Uniti,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2019 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta' tariffi għal prodotti industrijali (COM(2019)0016) u l-Anness tagħha li jistabbilixxi d-direttivi għal tali negozjati[6],

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2019 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta' ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-valutazzjoni tal-konformità (COM(2019)0015) u l-Anness tagħha li jistabbilixxi d-direttivi għal tali negozjati[7],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 dwar l-implimentazzjoni tal-istqarrija tal-25 ta' Lulju 2018;

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497)[8],

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi sħubija ekonomika, politika u ta' sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija ta' importanza strateġika u kruċjali biex tinbena ekonomija globali li tkun demokratika, sigura u prospera;

B. billi l-azzjonijiet u l-politiki mibdija mill-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti jpoġġu f'dubju mhux biss ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, li tikkostitwixxi l-akbar relazzjoni ekonomika fid-dinja, iżda peress li jikkontestaw il-prinċipji bażiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali, l-istat tad-dritt u r-rispett reċiproku, jimminaw ir-regoli u s-sistema kummerċjali dinjija bbażata fuq ir‑regoli; billi fis-sħubija hemm bżonn stimoli ġodda biex jonqsu t-tensjonijiet attwali u jiġu żgurati aktar stabbiltà u prevedibbiltà fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti; billi fid-dawl tal-isfidi li jiltaqgħu magħhom iż-żewġ naħat, l-UE u l-Istati Uniti għandhom interess komuni fil-kollaborazzjoni u fil-koordinament fl-affarijiet relatati mal-politika kummerċjali biex isawru s-sistema kummerċjali multilaterali u l-istandards globali tal-futur;

C. billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, minqux fid-WTO, li hu ta' ġid għan-nies, għas-soċjetajiet u għall-impriżi kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE;

D. billi matul il-perjodu statutorju ta' 90 jum għall-konsultazzjonijiet, ma saret l-ebda diskussjoni esplorattiva mal-UE;

E. billi minħabba l-portata limitata tal-ftehim, il-proċess formali ta' valutazzjoni tal-impatt, inklużi l-valutazzjonijiet tal-impatt dwar is-sostenibbiltà, li normalment jakkumpanja l-bidu tan-negozjati kummerċjali u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ntrabtet b'konformità mal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd" u mal-prinċipji tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, ġie revokat; billi huwa opportun li l-valutazzjoni tal-impatt li saret matul in-negozjati tat-TTIP tkun ikkonsultata u kkunsidrata;

F. billi l-UE tikkontesta l-impożizzjoni tad-dazji anti‑dumping u kompensatorji tal-Istati Uniti fuq iż-żebbuġ Spanjol u talbet konsultazzjonijiet mal-Istati Uniti fid-WTO minħabba li miżuri bħal dawn mhumiex ġustifikati, mhux meħtieġa u kontra r-regoli tad-WTO;

G. billi fil-31 ta' Mejju 2018, l-Istati Uniti imponew tariffi illegali fuq l-importazzjonijiet tal-azzar u tal-aluminju mill-UE, fost oħrajn, fuq il-bażi tat-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act; billi dawn it-tariffi għadhom japplikaw u l-Kummissjoni rrispondiet b'miżuri ta' riekwilibriju konformi mad-WTO;

H. billi l-amministrazzjoni Trump tat bidu għal investigazzjoni simili fl-importazzjonijiet ta' vetturi bil-mutur u parts tal-karozzi, u dan jista' jwassal għal żieda fit-tariffi fuq l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti mill-UE; billi dalwaqt jiġu ppubblikat ir-rapport b'rakkomandazzjoni tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jeżamina jekk l-Istati Uniti għandhomx jadottaw restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-karozzi għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali;

I. billi dawn il-miżuri unilaterali min-naħa tal-Istati Uniti huma illegali, joħolqu inċertezza fis-suq, jikkompromettu l-kompetittività tal-kumpaniji kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-UE, jimminaw ir-regoli kummerċjali dinjin u jirriskjaw li jħarrxu t-tensjonijiet kummerċjali; billi l-UE u l-Istati Uniti jmisshom jikkollaboraw biex jirriformaw u jsaħħu ulterjorment is-sistema tad-WTO kontra l-prattiki kummerċjali żleali; billi jintlaqgħu tajjeb l-inizjattivi li ħadu l-President Juncker u l-Kummissarju Malmström f'dan ir-rigward;

J. billi l-abbozzi tal-objettivi tan-negozjati tal-UE u tal-Istati Uniti huma differenti kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambitu ta' applikazzjoni tagħhom kif ukoll is-setturi koperti; billi l-istqarrija konġunta ma tkoprix is-settur tal-karozzi; billi l-Kummissjoni wriet l-intenzjoni tagħha li tinkludi lis-settur tal-karozzi fin-negozjati previsti, u fir-rakkomandazzjoni tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill ħabbret li l-UE lesta tikkunsidra s-sensittivitajiet potenzjali ta' ċerti prodotti tal-industrija awtomobilistika għall-Istati Uniti;

K. billi n-negozjati dwar it-TTIP urew b'mod ċar li f'dan l-istadju l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi għal ftehim kummerċjali komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti ma ġewx sodisfatti minħabba l-kumplessità tal-impriża u l-approċċi u r-regoli kummerċjali diverġenti taż-żewġ partijiet; billi l-esperjenzi preċedenti, madankollu, urew li jistgħu jiġu konklużi b'mod pożittiv ftehimiet limitati;

L. billi l-esklużjoni tas-settur tal-karozzi min-negozjati hija fl-interess politiku tal-Istati Uniti biss;

M. billi lill-UE jiddispjaċiha bl-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti minħabba l-ħruġ tagħha mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) kif ukoll bit-theddid li ġej mill-White House b'risposta għall-isforzi tal-UE biex tonora l-impenji tagħha fl-ambitu tal-PAKK;

1. Jieħu nota tal-Istqarrija Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-25 ta' Lulju 2018; ifakkar li l-għan ta' din l-istqarrija huwa li tevita li t-tensjonijiet kummerċjali jiħraxu; jiddispjaċih bil-fatt li l-Parlament Ewropew ma kienx infurmat, qabel iż-żjara, dwar il-kontenut u l-objettivi tal-Istqarrija;

2. Itenni li l-UE ma għandhiex tinnegozja mal-Istati Uniti taħt theddida; josserva, madankollu, li r-rakkomandazzjonijiet biex jinbdew in-negozjati dwar ftehim konformi mad‑WTO huma essenzjali biex ikunu onorati u implimentati bis-sħiħ l-impenji maqbula bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-Istqarrija;

3. Jiddispjaċih li sal-lum ma hemm l-ebda impenn min-naħa tal-Istati Uniti biex jitneħħew it-tariffi fuq l-azzar u l-aluminju, u li l-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta' vetturi bil-mutur u parts tal-karozzi għadha għaddejja; jiddispjaċih bl-impożizzjoni ta' tariffi fuq iż-żebbuġ Spanjol;

4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni tibqa' fuq bażi volontarja u tirrispetta l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji biex jidentifikaw l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn; ifakkar li l-kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni trid ikollha l-għan li tkun ta' ġid għall-governanza tal-ekonomija dinjija permezz ta' żieda tal-konverġenza u tal-kooperazzjoni dwar l-istandards internazzjonali;

5. Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni wriet li lesta tadotta miżuri ta' riekwilibriju immedjatament fl-eventwalità li l-Istati Uniti jimponu tariffi jew kwoti fuq il-karozzi esportati mill-UE; itenni li jappoġġa dawn il-miżuri;

6. Itenni l-fatt li la d-direttivi tan-negozjati tal-UE u lanqas tal-Istati Uniti ma jipprevedu li jissoktaw in-negozjati dwar it-TTIP; huwa tal-fehma li ftehim limitat mal-Istati Uniti dwar l-eliminazzjoni tat-tariffi fuq il-prodotti industrijali, li jinkludi l-karozzi, u li jqis is-sensittivitajiet industrijali Ewropej relatati mad-differenza fil-kostijiet enerġetiċi u regolatorji, kif ukoll ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità, bl-ebda modifika fl-istandards u fir-regoli tal-UE, jistgħu jwittu t-triq għall-varar ta' proċess ta' ħidma ġdid lejn relazzjonijiet kummerċjali reċiprokament vantaġġjużi u b'hekk ibattu t-tensjonijiet kummerċjali attwali; jenfasizza li kwalunkwe ftehim irid ikun kompatibbli mar-regoli u mal-obbligi tad-WTO, inkluż l-Artikolu XXIV tal-GATT; josserva li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jinbdew in-negozjati ma għandhomx ikunu interpretati bħala indikazzjoni li tkun lesta tidderoga mill-politiki fis-seħħ fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti kif spjegat fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd";

7. Jinnota li l-Objettivi Speċifiċi tan-Negozjar tal-Istati Uniti għat-Tnedija tan-Negozjati bejn l-Istati Uniti u l-UE jimmiraw li jiżguraw aċċess komprensiv għas-suq għall-prodotti agrikoli tal-Istati Uniti fl-UE billi jnaqqsu jew jeliminaw it-tariffi kif ukoll inaqqsu l-ostakli assoċjati mad-differenzi fir-regolamenti u fl-istandards; jissottolinja li l-agrikoltura mhijiex koperta mill-Istqarrija Konġunta; jinnota li l-abbozz tal-mandat għal negozjati tal-Kummissjoni jiffoka esklużivament fuq it-tneħħija tat-tariffi fuq il-prodotti industrijali, inkluż is-settur tal-karozzi, filwaqt li jeskludi l-prodotti agrikoli; jinnota li l-Kummissjoni wittet it-triq għal żieda fis-sehem fis-suq tal-UE għall-fażola tas-sojja minn 9 % għal 75 % bejn Awwissu 2017 u Jannar 2019;

8. Jisħaq fuq il-fatt li l-prodotti industrijali jirrappreżentaw 94 % tal-esportazzjonijiet tal-UE fl-Istati Uniti, u li l-eliminazzjoni reċiproka tat-tariffi għandha l-potenzjal li żżid il-flussi kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti; jinnota li l-Istati Uniti japplikaw tariffi għoljin ħafna għall-prodotti tal-manifattura bħall-prodotti tal-ġlud, ħwejjeġ u tessuti, xedd is-saqajn u ċeramika, u li l-eliminazzjoni tagħhom tkun tiftaħ opportunitajiet għall-esportaturi tal-UE u ssaħħaħ il-kompetittività tal-industriji tal-UE;

9. Jemmen li l-kooperazzjoni f'dawk li huma standards u valutazzjoni tal-konformità tkun ta' vantaġġ reċiproku għall-impriżi tal-UE u tal-Istati Uniti, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li se jibbenefikaw mill-eliminazzjoni tad-duplikazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ittestjar, tal-ispezzjoni u taċ-ċertifikazzjoni; jenfasizza li dan huwa mingħajr preġudizzju għall-istandards tal-UE;

10. Jinnota li wieħed mill‑objettivi tal-Istqarrija Konġunta msemmija hawn huwa l-ambizzjoni li jkun hemm kooperazzjoni stretta ma' sħab li jaħsbuha bl-istess mod biex tiġi riformata d-WTO; jiddispjaċih għall-fatt li l-Istati Uniti mblukkaw in-nomina ta' membri ġodda tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li jagħmel ħsara lill-funzjonament tas-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;

11. Jiddispjaċih ħafna bl-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-diplomazija dwar il-klima, il-Parlament Ewropew enfasizza li l-UE għandha tagħmel ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kundizzjoni għall-ftehimiet kummerċjali futuri; jevidenzja, madankollu, li r-rakkomandazzjonijiet jirreferu għal ftehim limitat u mhux għal ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv; iqis, għaldaqstant, li kwalunkwe ftehim bħal dan għandu jirrappreżenta eċċezzjoni ddettata minn ċirkostanzi speċifiċi, u f'kull każ ma joħloqx preċedent għall-Unjoni Ewropea fin-negozjati futuri; josserva, f'dan il-kuntest, li r-riżoluzzjoni dwar id-diplomazija dwar il-klima tisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, u tistieden lill-Kummissjoni tiftaħ djalogu mal-Istati Uniti dwar il-politiki dwar il-klima u s-sostenibbiltà;

12. Jemmen li l-konklużjoni ta' ftehim kummerċjali u dwar il-valutazzjoni tal-konformità mal-Istati Uniti fil‑kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq ma tirriflettix il-prinċipji ġenerali tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jemmen, madankollu, li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-ftuħ ta' negozjati għal ftehim b'ambitu ta' applikazzjoni limitat u punti mhux negozjabbli artikolati sewwa mal-Istati Uniti għandu l-potenzjal li jipproduċi riżultat li jista' jkun fl-interessi taċ-ċittadini, tas-soċjetajiet u tal-impriżi Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, jista' jiġġenera tkabbir ekonomiku, kif ukoll joħloq klima aktar pożittiva bejn is-sħab li tkun tista' tgħinhom jindirizzaw l-isfidi globali flimkien, inkluża r-riforma tad-WTO, billi jikkontribwixxu ħalli tingħeleb is-sitwazzjoni ta' staġnar attwali fil-kummerċ, iżda jista' jirnexxi biss u jkun f'konformità mal-politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq il-valuri biss jekk dawn il-kundizzjonijiet minimi jkunu sodisfatti:

(1) It-tneħħija tat-tariffi fuq l-aluminju u l-azzar skont it-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act tal-Istati Uniti tal-1962 qabel il-konklużjoni tal-ftehim;

(2) Proċess ta' konsultazzjoni komprensiv mas-soċjetà ċivili u valutazzjoni tal-impatt dwar is-sostenibbiltà tal-ftehim propost, u l-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-istudji li diġà saru f'dan il-qasam;

13. Jitlob, għalhekk, li l-Kunsill iqis dawn il-kunsiderazzjonijiet huwa u jadotta d-direttivi tan-negozjati kif ukoll jiżgura:

 impenn ċar fil-mandat tal-UE biex il-karozzi u l-parts tagħhom jiġu inklużi fin-negozjati;

 ċarezza akbar dwar il-mod kif ir-regoli ta' oriġini jiġu ttrattati fin-negozjati;

 li l-agrikoltura tkun eskluża mill-ambitu tan-negozjati;

 l-inklużjoni ta' klawżola ta' sospensjoni fil-mandat tan-negozjati li tiġi attivata fi kwalunkwe mument f'każ li l-Istati Uniti jimponu tariffi addizzjonali jew miżuri restrittivi tal‑kummerċ oħrajn fuq il-prodotti tal-UE, fuq il-bażi tat-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act tal-1962 jew tat-Taqsima 301 tat-Trade Act tal-1974 jew kwalunkwe liġi simili oħra tal-Istati Uniti matul in-negozjati jew qabel ma jibdew tali negozjati;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u tassoċjah b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati, anki billi tqis l-elezzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kunsill ma jawtorizzax l-applikazzjoni tal-ftehim qabel ma l-Parlament ikun ta l-approvazzjoni tiegħu; jistenna li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill ikomplu jiżguraw l-ogħla livell ta' trasparenza matul in-negozjati; jistieden, għaldaqstant, lill-Kunsill jippubblika d-direttivi tan-negozjati fil-każ li japprovahom; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt dwar is-sostenibbiltà għall-ftehim potenzjali, f'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar;

15. jistieden lill-Kunsill ma japprovax id-direttivi tan-negozjati qabel ma l-Parlament ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Amministrazzjoni u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

[1] ĠU C 265, 11.8.2017, p. 35.

[2] Testi adottati: P8_TA(2018)0230.

[3] Testi adottati: P8_TA(2018)0280.

[4] Testi adottati: P8_TA(2018)0342.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali