Proċedura : 2019/2615(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0165/2019

Testi mressqa :

B8-0165/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 27
CRE 13/03/2019 - 27

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0219

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0165/2019</NoDocSe>
PDF 150kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa</Titre>

<DocRef>(2019/2615(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, Gabriel Mato, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, Francisco José Millán Mon</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0165/2019

B8‑0165/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(2019/2615(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa[1], tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa[2], tas-26 ta' Novembru  2009 dwar in-Nikaragwa[3], u tas-16 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa[4],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar in-Nikaragwa tal-21 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa tat-2 ta' Ottubru 2018, tal-15 ta' Mejju 2018, tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Diċembru 2018, kif ukoll dik tal-1 ta' Marzu 2019 dwar l-issuktar tad-djalogu nazzjonali,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2019, adottati fit-18 ta' Frar 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport approvat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-21 ta' Ġunju 2018 intitolat "Gross Human Rights Violations in the Context of Social Protests in Nicaragua" (Vjolazzjonijiet Goffi tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuntest ta' Protesti Soċjali fin-Nikaragwa),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' protesti fin-Nikaragwa, mit-18 ta' April sat-18 ta' Awwissu 2018,

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-ġrajjiet vjolenti li seħħew fin-Nikaragwa bejn it-18 ta' April u t-30 ta' Mejju 2018,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-22 ta' Frar 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tad-dissens fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi adotta riżoluzzjoni dwar il-kriżi fin-Nikaragwa fil-31 ta' Mejju 2018, li fiha kkundanna s-sitwazzjoni bil-qawwa; billi, bħala segwitu għal din ir-riżoluzzjoni, delegazzjoni ta' ħdax-il MPE żaret il-pajjiż mit-23 u sas-26 ta' Jannar 2019 biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post;

B. billi l-gvern tan-Nikaragwa ta garanziji li ma kienet se ssir ebda ritaljazzjoni kontra dawk li ddenunzjaw is-sitwazzjoni kurrenti; billi d-delegazzjoni rat b'għajnejha l-kampanja ta' fastidju, tiċpis u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li magħhom kellha skambju ta' fehmiet; billi r-repressjoni kompliet titqawwa fiż-żmien wara ż-żjara tad-delegazzjoni fil-pajjiż;

C. billi d-delegazzjoni ċaħdet pubblikament il-pożizzjoni uffiċjali tal-gvern li huwa kien safa vittma ta' kolp ta' stat u ta' kampanji ta' diżinformazzjoni mmexxija mill-Istati Uniti; billi r-raġuni ewlenija li kebbset id-dimostrazzjonijiet kienet il-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika profonda li affettwat l-istat tad-dritt u rrestrinġiet libertajiet bażiċi, bħal-libertà ta' assoċjazzjoni, dik ta' dimostrazzjoni u dik ta' għaqda fil-pajjiż tul l-aħħar għaxar snin;

D. billi l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, inkluż l-użu tal-innu nazzjonali, qed tiġi ristretta serjament għal ħafna nies; billi għadd sinifikanti ta' priġunieri politiċi qed jinżammu l-ħabs sempliċiment għax ikunu eżerċitaw drittijiethom; billi kien hemm diversi rapporti inkwetanti rigward is-sitwazzjoni tad-detenuti, li sejra għall-agħar u li tinkludi trattament inuman;

E. billi proċedimenti ġudizzjarji kontra dawk id-detenuti jmorru kontra l-istandards internazzjonali, b'mod partikolari l-garanziji proċedurali u kriminali tad-dritt għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet jonqsu milli jissodisfaw standards internazzjonali b'mod adegwat; billi hemm nuqqas ċar ta' separazzjoni tas-setgħat fin-Nikaragwa;

F. billi d-dritt għall-informazzjoni jinsab f'periklu serju; billi l-ġurnalisti qed jiġu detenuti, eżiljati u mhedda; billi stabbilimenti tal-midja awdjoviżiva qed jingħalqu jew jiġu soġġetti għal tiftix mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel; billi l-pubblikazzjoni tal-gazzetti hija fil-periklu minħabba n-nuqqas ta' karta u ta' linka, li ġew sekwestrati mill-Gvern tan-Nikaragwa;

G. billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-GIEI u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) li ħadmu għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-repressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili intensifikat permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali xejn tajjeb, hekk li l-vittmi tar-repressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

H. billi l-libertà akkademika qed tiġi mhedda wkoll; billi kważi 200 student universitarju tkeċċew mill-universitajiet talli ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, aktar libertà u drittijiet tal-bniedem;

I. billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim;

J. billi d-djalogu nazzjonali varat fis-16 ta' Mejju 2018 bejn il-President Ortega u l-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u l-gruppi ċiviċi, bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, naqas milli jsib soluzzjoni għall-kriżi; billi, fis-27 ta' Frar 2019, reġgħu ssoktaw taħditiet esploratorji għal djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-Alianza Civica; billi, fis-7 ta' Marzu 2019, sar tentattiv ġdid ta' djalogu bil-parteċipazzjoni tal-Knisja Kattolika; billi l-Alianza Civica stabbiliet it-tliet objettivi ewlenin tagħha li għandhom jintlaħqu matul in-negozjati kif ġej: il-ħelsien ta' priġunieri politiċi u r-rispett tal-libertajiet individwali, u r-riformi elettorali meħtieġa, li jridu jilħqu l-qofol tagħhom fiż-żamma ta' elezzjonijiet, u l-ġustizzja;

1. Jissottolinja li n-Nikaragwa qed tbati minn ksur serju tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt bħala riżultat tal-ġrajjiet li seħħew f'April u f'Mejju 2018; jerġa' jisħaq fuq l-importanza tar-riżoluzzjoni tiegħu adottata fil-31 ta' Mejju 2018;

2. Jikkundanna l-azzjonijiet repressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa; jistqarr li ż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu serviet biex tiġi stabbilita stampa vera tas-sitwazzjoni kurrenti; jistqarr ukoll li, f'dawn l-aħħar xhur, u b'mod partikolari wara ż-żjara tiegħu, ir-repressjoni tal-oppożizzjoni u l-limitazzjonijiet imposti fuq il-libertajiet fundamentali kibru; jikkundanna, f'dan ir-rigward, ir-repressjoni ġeneralizzata u r-restrizzjoni tal-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, il-projbizzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq ta' stabbilimenti tal-midja u l-attakki kontrihom, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni u fuq l-użu tal-innu, it-tkeċċija ta' studenti mill-universitajiet, kif ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-ħabsijiet u l-użu ta' trattament inuman;

3. Iqis li tali azzjonijiet mill-Gvern, mill-istituzzjonijiet u mill-organizzazzjonijiet parapolitiċi tiegħu jikkorrispondu għal strateġija ppjanata biex teqred l-oppożizzjoni politika li kienet mexxiet il-protesti s-sena li għaddiet; jemmen li din l-istrateġija qed titħaddem b'mod metodiku, sistematiku u selettiv kontra l-mexxejja kollha, l-NGOs, il-midja u l-movimenti soċjali li jfittxu li jesprimu t-talbiet leġittimi tagħhom għal libertà u demokrazija;

4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji demokratiċi, politiċi u ekonomiċi enormi li n-nies u l-pajjiż qed jiffaċċjaw, u li sejrin jikbru jekk ma titteħidx azzjoni urġenti, fil-qies tal-konfrontazzjonijiet interni, tal-firda soċjali u tal-majnar ekonomiku tal-lum; jitlob b’urġenza li tinsab soluzzjoni sostenibbli u paċifika li tippermetti lill-atturi kollha tas-soċjetà jkollhom spazju biex joperaw u jesprimu ruħhom b'mod ħieles, u li troddilhom id-drittijiet ċivili tagħhom, bħad-dritt għall-protesta paċifika; itenni li kwalunkwe soluzzjoni għandha tobbliga lil dawk kollha responsabbli għall-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom;

5. Jiddeplora s-sospensjoni tal-MESENI u t-tmiem tal-mandat tal-GEIE tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' persuni li jikkooperaw man-NU u ma' korpi internazzjonali oħra;

6. Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jimplimenta miżuri urġenti bħala sinjal tar-rieda tajba tiegħu fid-djalogu li għaddej, fosthom: il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi, il-kanċellazzjoni ta' proċeduri legali kontrihom u l-garanzija tal-integrità fiżika u morali tagħhom, flimkien ma' proċessi ġusti u l-garanzija tal-privatezza tagħhom; il-waqfien immedjat tal-forom kollha ta' repressjoni kontra ċittadini tan-Nikaragwa, inkluż il-fastidju, l-intimidazzjoni, l-ispjunaġġ u l-persekuzzjoni ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, u l-eliminazzjoni sussegwenti tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertajiet imsemmija qabel; ir-ritorn tal-persuni eżiljati, inklużi ġurnalisti u studenti; ir-restituzzjoni tal-personalità ġuridika u tal-beni tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u r-ritorn tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż; id-demilitarizzazzjoni tat-toroq u d-diżarm tal-gruppi paramilitari; u l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali ċar għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti li għandhom jiġu organizzati fil-futur qrib, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

7. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jimplimentaw sanzjonijiet imfassla apposta u individwali, bħal projbizzjonijiet ta' viża u ffriżar tal-assi, bla ma jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni domestika, kontra l-Gvern tan-Nikaragwa u dawk l-individwi responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019; iħeġġeġ li tiġi attivata l-klawżola demokratika li jkollha l-effett li tissospendi n-Nikaragwa mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0238.

[2] ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 89.

[3] ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 74.

[4] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2019Avviż legali