Proċedura : 2019/2615(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0167/2019

Testi mressqa :

B8-0167/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 27
CRE 13/03/2019 - 27

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0219

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0167/2019</NoDocSe>
PDF 149kWORD 52k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa</Titre>

<DocRef>(2019/2615(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Ernest Urtasun, Bodil Valero, Barbara Lochbihler, Jordi Solé, Josep‑Maria Terricabras, Florent Marcellesi, Tilly Metz, Molly Scott Cato, Bart Staes</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8‑0167/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(2019/2615(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008[1], tas-26 ta' Novembru 2009[2], tas-16 ta' Frar 2017[3] u tal-31 ta' Mejju 2018[4],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Marzu 2019 mill-kelliem tal-VP / RGħ dwar il-bidu mill-ġdid tad-djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra s-sejħa tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) għal kundizzjonijiet li jippermettu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem matul id-djalogu tan-Nikaragwa tat-28 ta' Frar 2019,

 wara li kkunsidra d-delegazzjoni ad hoc tiegħu fin-Nikaragwa mit-23 sas-26 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija tal-UE dwar il-pajjiż u l-programm pluriennali indikattiv 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, kif ġew aġġornati fl-2008,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi minn mindu bdew il-protesti soċjali fit-18 ta' April 2018 kontra r-riformi ppjanati tas-sistema tas-sigurtà soċjali tan-Nikaragwa u t-tendenzi dejjem aktar awtokratiċi tal-koppja presidenzjali, Daniel Ortega u Rosario Murillo, is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa marret għall-agħar minħabba kriżi serja u estensiva, hekk kif ir-reġim Ortega wieġeb bi vjolenza u repressjoni bla preċedent, bl-użu tal-forzi paramilitari u ta' kontra l-irvellijiet kif ukoll tal-forzi tas-sigurtà regolari;

B. billi sorsi oħra ta' skuntentizza u ta' kunflitt apert jinkludu ż-żieda kbira f'attivitajiet "estrattivisti" orjentati lejn l-esportazzjoni fis-setturi tal-minjieri, tal-kannamieli u taż-żejt tal-palm, kif ukoll fit-trobbija tal-baqar, il-proġett tal-kanal interoċeaniku, li qed iwassal għal rilokazzjonijiet u għal ħsara irriversibbli lill-ambjent, u għall-repressjoni rikorrenti ta' protesti kontra dawn l-attivitajiet;

C. billi, bħala riżultat ta' din ir-reazzjoni repressiva, allegatament inqatlu aktar minn 400 persuna, aktar minn 3 000 persuna sfaw midruba, ħafna nies għebu jew intbagħtu l-ħabs, ħafna minn dawn tal-aħħar baqgħu miżmuma f'kundizzjonijiet terribbli, u ħafna oħrajn jinsabu f'eżilju;

D. billi l-istudenti, il-bdiewa, dawk li kienu membri ta' FSLN, attivisti ekoloġiċi u attivisti oħra għadhom il-ħabs akkużati b'terroriżmu, b'ostruzzjoni tas-servizzi pubbliċi u ħsara u serq aggravati għax ipparteċipaw f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, bi proċessi skedati għall-1 ta' April 2019;

E. billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli fi żminijiet ta' kriżi; billi, bejn Jannar u Diċembru 2018 biss, skont il-fergħa tal-organizzazzjoni mhux governattiva "Catholics for Choice" tan-Nikaragwa, saru 55 femminiċidju; billi ġie rrapportat li dawn il-femminiċidji kienu aktar brutali minn dawk tas-snin preċedenti, u fil-biċċa l-kbira tagħhom twettqu fi gruppi;

F. billi f'Ġunju 2017 l-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa adottat emenda għal-Liġi Komprensiva kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa li tefgħet id-definizzjoni tal-femminiċidju fl-isfera privata, bħala reat bejn il-konjuġi, anki jekk il-parti kbira tal-femminiċidji jseħħu fl-isfera pubblika;

G. billi, skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, in-Nikaragwa hija fost il-pajjiżi tal-Amerika bl-ogħla rati ta' tqala u ta' mwiet tal-ommijiet fost iż-żgħażagħ; billi l-abort huwa pprojbit fiċ-ċirkostanzi kollha f'dan il-pajjiż;

H. billi fid-29 ta' Novembru 2018 l-Assemblea Nazzjonali approvat b'digriet il-kanċellazzjoni tal-istatus legali ta' diversi NGOs nazzjonali; billi huwa rrappurtat li d-digriet huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet vagi u impreċiżi żżejjed, mingħajr garanziji ta' proċess ġust; billi huwa rrappurtat li l-intenzjoni hija li dawn l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu ristretti milli jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

I. billi b'diżappunt il-Gvern tan-Nikaragwa temm il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-korpi tagħha, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tagħha dwar in-Nikaragwa, kif ukoll mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); billi l-gvern ordna wkoll is-sospensjoni tal-missjoni tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI);

J. billi fis-27 ta' Frar 2019 in-Nikaragwa ħabbret il-ħelsien kondizzjonali ta' 100 priġunier, li kien ilhom arrestati mit-18 ta' April 2018; billi dawn il-priġunieri issa qed jinżammu taħt arrest domiċiljari; billi, ftit wara dan, l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-membri tal-oppożizzjoni magħquda bħala Alianza Cívica indika pass pożittiv 'il quddiem lejn soluzzjoni nnegozjata għall-kriżi;

K. billi fil-lejla tal-4 ta' Marzu 2019, dan id-djalogu nazzjonali ġie interrott; billi ż-żewġ naħat iffirmaw pjan direzzjonali fil-jum ta' wara, fil-preżenza tal-Knisja Kattolika, u kellhom taħditiet ġodda fis-6 ta' Marzu, bi skadenza tat-28 ta' Marzu għall-finalizzazzjoni tan-negozjati;

1. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta' repressjoni u kriminalizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż tal-istampa, kif ukoll l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu u tal-forzi kontra l-irvellijiet kontra persuni b'opinjonijiet differenti fin-Nikaragwa, kif ukoll l-intimidazzjoni kontinwa, il-fastidju, id-detenzjoni u l-ħtif ta' individwi li jkunu pparteċipaw fi protesti tal-oppożizzjoni;

2. Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu fuq l-ispazju ċiviku u l-espressjonijiet ta' dissens; ifakkar fid-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jinsisti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu l-ewwel li jiġu protetti u koperti mill-istat tad-dritt, kif stabbilit fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

3. Jikkundanna l-kanċellazzjoni tal-istatus legali ta' diversi NGOs nazzjonali mill-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa; iqis li huwa neċessarju li jerġa' jiġi stabbilit malajr l-istatus legali ta' dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili affettwati mid-digriet;

4. Jistieden lill-VP / RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jestendu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

5. Jitlob bil-qawwa li d-djalogu nazzjonali jkompli fuq il-bażi tal-pjan direzzjonali ffirmat miż-żewġ naħat, b'mod trasparenti, inklużiv u kostruttiv, sabiex ikun hemm tħejjija għal soluzzjoni negozjata b'mod wiesa' għad-diversi aspetti tal-kriżi attwali;

6. Jemmen li l-kriżi attwali tista' tiġi indirizzata u solvuta biss permezz ta' djalogu paċifiku fost iċ-ċittadini tan-Nikaragwa u ta' negozjati dwar ir-riforma istituzzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet elettorali; jafferma mill-ġdid li l-UE hija lesta li taġixxi bħala medjatur jekk meħtieġ;

7. Jappella għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri kollha li qed jinżammu illegalment; jitlob li jintemm it-trattament ħażin tad-detenuti, li dawn jingħataw kura medika u garanziji legali u li l-kundizzjonijiet fil-ħabs jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali għal dawk li jibqgħu f'detenzjoni, u li jiġi żgurat proċess ġust u xieraq; barra minn hekk, ifakkar li għandhom jitwettqu kif xieraq investigazzjonijiet kompleti, trasparenti u indipendenti dwar il-ksur kollu tal-liġi, dwar ir-reati u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li dawk responsabbli jiġu kkastigati, u li l-vittmi jkunu mogħtija rimedju;

8. Huwa tal-opinjoni li kummissjoni nazzjonali għall-verità, possibbilment appoġġjata minn esperti internazzjonali, tkun l-aħjar mod biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, tingħeleb l-impunità u terġa' tiġi akkwistata l-fiduċja, bil-għan li tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni;

9. Jinsisti li organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-IACHR, u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), il-korpi tan-NU u l-GIEI jeħtieġ jitħallew jirritornaw fin-Nikaragwa u jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid, u li jeħtieġ jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għar-ritorn tagħhom;

10. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu revokati l-miżuri kollha mmirati lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti, bħalma huwa t-teħid tal-assi, bil-għan li jwaqqfuhom milli jiffunzjonaw;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tan-Nikaragwa, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

[1] ĠU C 45E , 23.2.2010, p. 89.

[2] ĠU C 285E , 21.10.2010, p. 74

[3] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0238.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali