Proċedura : 2019/2615(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0168/2019

Testi mressqa :

B8-0168/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 27
CRE 13/03/2019 - 27

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0219

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0168/2019</NoDocSe>
PDF 147kWORD 51k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa</Titre>

<DocRef>(2019/2615(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas</Depute>

<Commission>{EFDD}f'isem il-Grupp EFDD</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0165/2019

B8-0168/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(2019/2615(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2017[1] u tal-31 ta' Mejju 2018[2];

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Marzu 2019 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-bidu mill-ġdid tad-djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra s-sejħa tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) għal kundizzjonijiet li jippermettu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem matul id-djalogu tan-Nikaragwa tat-28 ta' Frar 2019,

 wara li kkunsidra d-delegazzjoni ad hoc tiegħu fin-Nikaragwa mit-23 sas-26 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-President tan-Nikaragwa, Daniel Ortega,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

 wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, kif ġew aġġornati fl-2008,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi minn mindu bdew il-protesti soċjali fit-18 ta' April 2018 kontra r-riformi ppjanati tas-sistema tas-sigurtà soċjali tan-Nikaragwa u t-tendenzi dejjem aktar awtokratiċi tal-koppja presidenzjali, Daniel Ortega u Rosario Murillo, is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa ddeterjorat fi kriżi serja u estensiva, hekk kif ir-reġim Ortega irreaġixxa għall-protesti bi vjolenza u repressjoni bla preċedent, bl-użu tal-forzi paramilitari u ta' kontra l-irvellijiet kif ukoll tal-forzi tas-sigurtà regolari;

B. billi, bħala riżultat ta' din ir-repressjoni, fl-aħħar sena aktar minn 300 persuna sfaw maqtula, aktar minn 3 000 persuna ndarbu, aktar minn 700 persuna jinsabu l-ħabs u għexieren ta' eluf ġew eżiljati jew qed jaħarbu lejn pajjiżi ġirien;

C. billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem indikaw għadd ta' vjolazzjonijiet fir-reazzjoni tal-gvern għall-protesti, inklużi l-użu sproporzjonat u arbitrarju tal-forza mill-pulizija (inkluż l-użu ta' armi tan-nar u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji), detenzjonijiet arbitrarji u illegali u għajbien sfurzat, l-użu ta' maltrattament u tortura kontra dimostranti detenuti (inkluża vjolenza sesswali), l-użu ta' snipers, l-azzjonijiet ta' gruppi ta' ċivili armati li pparteċipaw fir-repressjoni vjolenti tal-protesti f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet, jew mal-awtoritajiet li jittolleraw din il-vjolenza, u t-tfixkil tal-aċċess għall-kura medika għal dawk midruba fil-kunflitti;

D. billi din l-istrateġija ta' repressjoni tinvolvi attakki serji wkoll fuq l-istampa u l-midja ħielsa, inkluża ċ-ċensura u l-għeluq tal-mezzi tal-midja, kif ukoll l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni tal-ġurnalisti;

E. billi f'Diċembru 2018 il-Gvern tan-Nikaragwa ssospenda l-missjoni tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) tal-IACHR;

F. billi minħabba l-kriżi politika, l-ekonomija tan-Nikaragwa li diġà tinsab f'diffikultà daħlet f'reċessjoni aktar qawwija, b'żieda fil-qgħad u konsegwenzi serji oħra għall-popolazzjoni, f'pajjiż li diġà kien fost l-ifqar fir-reġjun;

G. billi delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew żaret in-Nikaragwa mit-23 sas-26 ta' Jannar 2019 biex tivvaluta s-sitwazzjoni; billi din id-delegazzjoni għamlet tliet talbiet ċari lill-awtoritajiet, jiġifieri li jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha, itemmu r-repressjoni, u jippermettu r-ritorn ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

H. billi n-Nikaragwa ġarrbet tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

I. billi, mill-2007 'l hawn, is-Sur Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa kienet tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, b'mod li juri biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu li ħakmu l-istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ferm ikkritikati għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Amerka Ċentrali, minħabba li saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn waħda jew oħra minn dawn l-organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe osservatur internazzjonali ieħor kredibbli;

1. Jikkundanna r-repressjoni kontinwa u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa, il-kriminalizzazzjoni tal-membri tas-soċjetà ċivili u l-istampa, l-użu sproporzjonat tal-forza mill-pulizija u l-gruppi paramilitari armati biex irażżnu l-protesti soċjali, u l-inċidenti kontinwi ta' fastidju, arresti illegali u detenzjoni arbitrarja ta' individwi li pparteċipaw fi protesti tal-oppożizzjoni;

2. Jesprimi tħassib dwar ir-restrizzjonijiet li dejjem qegħdin jiżdiedu fuq l-ispazju ċiviku u l-espressjonijiet ta' dissens fin-Nikaragwa, inkluż l-għeluq ta' mezzi tal-midja indipendenti u l-kanċellazzjoni ta' reġistrazzjonijiet legali ta' għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-qbid tal-beni u l-assi tagħhom;

3. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa li jkeċċi mill-pajjiż lill-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) tal-IACHR u li jirtira l-istedina estiża lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iżur il-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jippermettu r-ritorn tagħhom fil-pajjiż u jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom magħhom;

4. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis tas-sentenza ta' 100 priġunier arrestati wara li faqqgħu l-protesti soċjali fil-pajjiż, iżda jilmenta dwar il-fatt li mijiet ta' persuni għadhom detenuti inġustament; jappella għall-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti għal raġunijiet politiċi, u jtenni li l-proċess ġust, kif ukoll il-garanziji legali l-oħra kollha minquxa fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, iridu jiġu rispettati għall-priġunieri kollha u f'kull ħin;

5. Jenfasizza l-importanza ta' djalogu politiku bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-pajjiż; jilqa' t-tkomplija ta' djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-Alleanza Ċivika bħala l-ewwel pass pożittiv biex tingħeleb il-kriżi politika attwali permezz ta' soluzzjoni negozjata, li tibqa' l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi attwali;

6. Jistieden lill-partijiet jinnegozjaw in bona fide u b'mod trasparenti u inklużiv, filwaqt li jinvolvu wkoll lill-atturi tas-soċjetà ċivili; jemmen li s-sitwazzjoni tal-priġunieri għandha tkun fuq quddiem tal-aġenda tan-negozjati peress li mijiet ta' nies innoċenti għadhom il-ħabs;

7. Jilmenta dwar il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa ma rrispettawx il-garanziji mogħtija meta saret iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari għaliex taw fastidju lill-priġunieri politiċi li ltaqgħu mad-delegazzjoni;

8. Jinsab serjament imħasseb dwar il-Liġi l-ġdida kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva approvata fis-16 ta' Lulju 2018, li, fl-Artikoli 394 u 395 tagħha, fiha definizzjoni vaga ta' terroriżmu u jidher li tfasslet apposta biex tikkriminalizza lid-dimostranti paċifiċi; jikkundanna l-fatt li din il-liġi ntużat ripetutament biex jiġu detenuti d-dimostranti, il-ġurnalisti u l-attivisti;

9. Jitlob lill-UE tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jivvalutaw il-possibbiltà li jattivaw sanzjonijiet individwali mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa jekk ma jkunx sar progress fin-negozjati u fit-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li jinħelsu l-priġunieri politiċi, li tintemm ir-repressjoni u li jkun permess ir-ritorn ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

 

[1] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0238.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali