Proċedura : 2019/2615(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0170/2019

Testi mressqa :

B8-0170/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 27
CRE 13/03/2019 - 27

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0219

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0170/2019</NoDocSe>
PDF 143kWORD 52k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa </Titre>

<DocRef>(2019/2615(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Czarnecki</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0165/2019

B8‑0170/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(2019/2615(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tad-29 ta' Ġunju 2012,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa tat-2 ta' Ottubru 2018, tal-15 ta' Mejju 2018, tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Diċembru 2018, kif ukoll dik tal-1 ta' Marzu 2019 dwar l-issoktar tad-djalogu nazzjonali,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-ġrajjiet vjolenti li seħħew fin-Nikaragwa bejn it-18 ta' April u t-30 ta' Mejju,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li n-Nikaragwa rratifikat fl-1980,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) tal-2007, li tagħha n-Nikaragwa hija parti,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-Nikaragwa inħakmet minn inkwiet politiku mit-18 ta' April 2018, wara li l-President Daniel Ortega ppropona miżuri ta' awsterità b'rabta mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż;

B. billi r-reazzjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa kienet vjolenti u rriżultat f'mijiet ta' mwiet u korrimenti meta l-forzi tas-sigurtà madwar il-pajjiż sparaw munizzjon attiv biex iwaqqfu l-protesti;

C. billi l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda trażżnet b'mod rigressiv fil-pajjiż matul dawn l-aħħar ftit snin, b'repressjoni kważi totali minn April 2018; billi l-ġurnalisti, il-mexxejja tas-soċjetà ċivili, l-attivisti politiċi, soċjali u ambjentali u atturi ċiviċi oħra ġew iffastidjati u ppersegwitati b'mod gravi; billi eluf ta' Nikaragwani ħarbu mill-pajjiż minħabba repressjoni qawwija kontinwa min-naħa tal-gvern u minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li rriżulta minnha;

D. billi lejn tmiem l-2018, il-Gvern tan-Nikaragwa irtira l-istatus legali ta' għadd kbir ta' organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali; billi dan wassal għal restrizzjonijiet fuq il-popolazzjoni tan-Nikaragwa li waqqfuha milli torganizza, tassoċja, tipparteċipa u tesprimi b'mod liberu l-opinjoni tagħha bl-għan li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu msikkta permezz ta' theddida kostanti tal-użu tal-liġi kriminali biex issir ritaljazzjoni kontra xogħolhom;

E. billi fis-16 ta' Mejju 2018 inbeda djalogu nazzjonali, u l-Knisja Kattolika kienet qed taġixxi ta' medjatur, iżda d-djalogu ġie sospiż ftit wara; billi fis-27 ta' Frar 2019 saru sforzi ġodda biex jinbeda mill-ġdid djalogu nazzjonali, iżda dan id-djalogu falla fl-10 ta' Marzu 2019 wara li l-Alleanza Ċivika rtirat min-negozjati;

F. billi aktar minn 700 persuna ġew arrestati minħabba l-inkwiet ta' April 2018; billi 112-il persuna ġew rilaxxati u mqiegħda f'detenzjoni domiċiljari fis-27 ta' Frar 2019 fil-kuntest usa' tad-djalogu nazzjonali l-ġdid;

G. billi l-inkwiet aggrava l-inċertezza ekonomika fil-pajjiż u wassal għal instabilità soċjali u politika akbar;

H. billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa marru għall-agħar f'dawn l-aħħar snin, minħabba li l-President saħħaħ il-ħakma tiegħu fuq il-parlament, il-ġudikatura, l-armata, il-pulizija u l-midja, u l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċċekken b'mod kostanti;

I. billi delegazzjoni ad hoc mill-Parlament Ewropew żaret in-Nikaragwa f'Jannar 2019 u ċaħdet il-pożizzjoni uffiċjali tal-gvern dwar l-inkwiet fil-pajjiż; billi r-repressjoni fil-pajjiż intensifikat minn meta saret din iż-żjara tad-delegazzjoni;

J. billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

1. Jikkundanna l-vjolenza gravi kontra dimostranti paċifiċi u t-trażżin tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fil-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Nikaragwa u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li nqatlu minn April 2018 'l hawn;

2. Iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nikaragwa jniedi investigazzjoni imparzjali u indipendenti, u jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk involuti fit-twettiq ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem matul il-protesti;

3. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-isforzi biex isir djalogu nazzjonali ġdid fallew; jenfasizza li djalogu inklużiv mar-rappreżentanti tal-atturi u l-gruppi kollha tas-soċjetà huwa l-unika soluzzjoni għall-kriżi attwali;

4. Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda b'mod paċifiku, f'konformità mad-dritt nazzjonali u internazzjonali, bħala element essenzjali ta' soċjetà demokratika; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja bħala element fundamentali ta' soċjetà miftuħa, kif iggarantit mill-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa;

5. Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u ta' dawk kollha li sempliċiment eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom b'mod paċifiku; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li d-drittijiet u l-integrità tal-priġunieri politiċi jiġu rrispettati;

6. Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa biex jerġa' jistabbilixxi l-istatus legali ta' dawk l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li ċċaħdilhom dan l-istatus legali sa minn April 2018;

7. Jitlob biex issir riforma elettorali immedjata li tiggarantixxi elezzjonijiet ġusti, ħielsa u trasparenti; jirrakkomanda li l-oppożizzjoni tegħleb id-diviżjonijiet interni;

8. Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta bis-sħiħ il-valuri demokratiċi, inkluża s-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità, u soċjetà ċivili indipendenti huma fatturi essenzjali għas-suċċess ta' demokrazija;

9. Jappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tan-Nikaragwani li jixtiequ jistabbilixxu pajjiż liberu, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

10. Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, kif osservati u promossi mill-UE; iħeġġeġ li tiġi attivata l-klawżola demokratika li jkollha l-effett li tissospendi n-Nikaragwa mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali;

11. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jikkunsidraw b'mod urġenti l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet immirati u individwali kontra l-Gvern tan-Nikaragwa u l-individwi responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019; jenfasizza li kwalunkwe sanzjoni m'għandhiex tagħmel ħsara lill-popolazzjoni domestika;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tan-Nikaragwa.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali