Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0174/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0174/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE

11.3.2019 - (2019/2614(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Philippe Lamberts, Terry Reintke, Ernest Urtasun, Linnéa Engström, Molly Scott Cato, Bas Eickhout, Thomas Waitz, Sven Giegold, Monika Vanaf'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0171/2019

Proċedura : 2019/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0174/2019
Testi mressqa :
B8-0174/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0174/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE

(2019/2614(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-proposta tiegħu tal-1 ta' Marzu 2019 għal deċiżjoni dwar il-ħatra tal-President il-ġdid tal-Awtorità Bankarja Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-proposta tiegħu tal-1 ta' Marzu 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tiegħu tal-1 ta' Marzu 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u tad-Dikjarazzjoni Konġunta li tiżgura l-iskrutinju parlamentari fuq l-aġenziji deċentralizzati[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa valur fundamentali tal-UE, u huwa minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

B.  billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha, permezz tal-attivitajiet kollha tagħha, tfittex li telimina l-inugwaljanzi, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġġieled id-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha;

C.  billi hemm żbilanċ strutturali bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' livell għoli f'istituzzjonijiet u aġenziji ewlenin relatati mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM);

D.  billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017 maħruġ mill-EIGE għal darb'oħra osserva li t-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi għadu l-qasam fejn l-UE għandha l-aktar rata baxxa f'termini ta' ugwaljanza bejn is-sessi u rappreżentanza tan-nisa;

E.  billi minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet, il-bordijiet ta' tmexxija tal-aġenziji tal-UE għandhom nuqqas serju ta' bilanċ bejn is-sessi u juru xejriet persistenti ta' segregazzjoni tas-sessi, b'medja ta' 33.7 % tal-membri fl-ogħla korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-aġenziji tal-UE li huma nisa; billi minn 39 Kap Eżekuttiv ta' aġenziji tal-UE, 10 biss huma nisa, u minn 37 President ta' aġenziji tal-UE, 16 biss huma nisa[3];

F.  billi l-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa magħmul minn mara waħda biss u ħames irġiel;

G.  billi l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE bħalissa huwa magħmul minn mara waħda u 29 raġel;

H.  billi l-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni bħalissa huwa mara iżda l-bqija tal-membri tal-bord huma rġiel; billi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u t-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej huma ppreseduti mill-irġiel;

I.  billi l-mandati ta' Daniele Nouy u Sabine Lautenschläger, żewġ nisa fl-ogħla pożizzjonijiet ta' superviżjoni finanzjarja, reċentement skadew u l-pożizzjonijiet tagħhom huma mistennija li jimtlew mill-irġiel;

J.  billi l-irġiel jiddominaw ukoll f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fil-livell nazzjonali, fejn il-banek ċentrali tal-Istati Membri kollha ħlief wieħed jitmexxew mill-irġiel; billi n-nisa jammontaw għal 19.6 % biss tad-deputati u l-viċi gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri u 20 % tal-membri tal-bordijiet ta' dawn il-banek ċentrali[4];

1.  Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' kandidati nisa fil-listi mqassra mressqa għall-karigi ta' President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), u membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE; jitlob, għalhekk, li jiġu posposti l-votazzjonijiet i dwar id-deċiżjonijiet tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħatra ta' membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u tal-Kunsill għal membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.  Jiddispjaċih ħafna li dawn in-nominazzjonijiet tal-aħħar qed ikomplu jaggravaw ulterjorment l-iżbilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-korpi governattivi tal-UEM;

3.  Ifakkar li tali żviluppi mhumiex biss inkonsistenti mad-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament dwar il-kwistjoni, iżda li jikkontradixxu wkoll il-valuri u l-objettivi tal-UE kif stabbiliti fit-Trattati;

4.  Jenfasizza li l-Parlament se japprova ħatriet għal bordijiet u korpi oħra tal-aġenziji tal-UE biss jekk il-lista mqassra ta' kandidati proposti mill-istituzzjoni jew korp inkwistjoni tkun ibbilanċjata bejn is-sessi;

5.  Jissuġġerixxi li jiġi inkluż rekwiżit ta' lista mqassra ta' bilanċ bejn is-sessi fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li għandu jiġi adottat fil-futur qrib, kif previst skont l-Artikolu 228(a) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

6.  Itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi fost il-membri tal-korpi governattivi u konsultattivi tal-aġenziji tal-UE fil-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar il-qafas operattiv għall-aġenziji regolatorji Ewropej, abbażi ta' rieżami tal-Approċċ Komuni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi f'nominazzjonijiet u listi mqassra u l-ħatriet għall-bordijiet ta' ġestjoni tal-aġenziji kollha tal-UE, u jaħdmu bla heda għal proċeduri ta' reklutaġġ u ħatra miftuħa, trasparenti, kompetittivi u li jkunu sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi għad-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji tal-UE, sabiex tiġi żgurata d-diversità fost il-kandidati u l-persuni nominati;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta r-regolamenti tal-aġenziji kollha tal-UE biex tinkludi rekwiżit orizzontali rigward il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet, b'mod partikolari rigward il-pożizzjonijiet maniġerjali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza