Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0188/2019

Testi mressqa :

B8-0188/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0188/2019</NoDocSe>
PDF 222kWORD 61k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-istrateġija għal tnaqqis fit-tul fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi</Titre>

<DocRef>(2019/2582(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Peter Liese, Jytte Guteland, Nils Torvalds, Bas Eickhout, Lynn Boylan, Eleonora Evi</Depute>

<Commission>{ENVI}f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8-0188/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija għal tnaqqis fit-tul fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titlu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto relatat magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP11), li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) tal-UNFCCC u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saru f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "Global Warming of 1.5°C", kif ukoll il-ħames rapport ta' valutazzjoni (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

 wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) dwar id-distakk fl-emissjonijiet, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-COP24 f'Katowice rriżultat fl-adozzjoni tal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice, li tipprevedi ċarezza legali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

1. Jirrimarka li ċ-ċittadini Ewropej diġà qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u tal-klima fl-Unjoni bejn l-2010 u l-2016 kien jammonta għal madwar EUR 12.8 biljun u li, jekk ma jittiħdux miżuri oħra, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu jammontaw għal EUR 190 biljun jew aktar sal-2080, li jfisser telf nett ta' 1.8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li, sal-2100, l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE f'xenarju ta' livelli ta' emissjonijiet għoljin jistgħu jitilgħu sa EUR 1 triljun u li, sal-2100, id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum; jenfasizza wkoll li, sal-2030, dejjem skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jkunu qed isofru minn skarsezza gravi ta' ilma;

2. Ifakkar fir-riżultati tal-Ewrobarometru ta' Novembru 2018, li juru li 93 % tal-Ewropej iqisu li t-tibdil fil-klima huwa kkawżat mill-attività tal-bniedem u li 85 % jaqblu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u użu aktar effiċjenti tal-enerġija jistgħu joħolqu tkabbir ekonomiku u impjiegi fl-Ewropa; jinnota li t-tibdil fil-klima huwa kwistjoni ta' prijorità assoluta għaċ-ċittadini Ewropej;

3. Jissottolinja li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali jirrappreżenta l-aktar valutazzjoni xjentifika komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi;

4. Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHGs) globalment trid tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2067 u li l-emissjonijiet globali ta' GHGs jitnaqqsu għal massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, bħala fost l-aqwa fid-dinja u sabiex ikollha ċans tajjeb li żżomm iż-żieda fit-temperatura globali taħt il-1.5°C sal-2100, l-Unjoni trid tagħmel ħilitha biex il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs tintlaħaq malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

5. Jesprimi tħassib dwar ir-rapport tal-UNEP dwar id-distakk fl-emissjonijiet, li sab li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) inkondizzjonati ta' bħalissa jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm inqas minn 2°C u, minflok, hu kkalkulat li se jirriżultaw f'żieda ta' 3.2°C[2] sal-2100; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-partijiet kollha tal-UNFCCC iżidu l-ambizzjoni tagħhom fil-qasam tal-klima sal-2020;

6. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima"; japprova l-objettiv ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa nofs is-seklu

7. Jinnota li l-istrateġija tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tkun konformi mal-mira fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-temperatura; jinnota li tnejn minnhom biss jippermettu lill-Unjoni tilħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs sa mhux aktar tard milll-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli f'kull livell – lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew – kif ukoll l-involviment ta' dawk kollha kkonċernati u li mhumiex fl-isfera pubblika; jirrikonoxxi li l-kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex jiġi eliminat id-distakk fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq perjodu qasir u fit-tul u politiki konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ permezz ta' investimenti fil-perkorsi tan-newtralità;

8. Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentati fl-istrateġija timmira għal tnaqqis ta' madwar 80 % biss tal-emissjonijiet ta' GHGs sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jinnota bi tħassib li tali ambizzjoni tirrappreżenta l-livell minimu neċessarju biex it-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C u għalhekk mhijiex konformi mal-objettiv ta' Pariġi li jinżamm ferm taħt iż-2°C, u lanqas m'għandha l-għan ulterjuri li jinżamm taħt il-1.5°C;

9. Jirrimarka li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE huwa mistenni jiżdied aktar f'xenarji newtrali milli f'xenarji bi tnaqqis ta' emissjonijiet iżgħar u, fiż-żewġ każijiet, l-effetti ma jkunux uniformi fl-UE kollha minħabba d-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri, fosthom f'termini ta' PDG per capita u ta' intensità tal-karbonju fit-taħlita tal-enerġija; iqis li l-prezz tan-nuqqas ta' azzjoni jkun assolutament l-agħar xenarju u mhux biss iwassal għal telf kbir ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid l-inugwaljanzi ekonomiċi fl-Istati Membri, fir-reġjuni u bejniethom billi xi wħud huma mistennija jintlaqtu agħar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;

10. Jinnota bi tħassib li, bħalissa, id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija impurtata hi ta' madwar 55 %; jenfasizza li, f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet, din tonqos għal 20 % sal-2050, u dan jaffettwa b'mod pożittiv il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fuq spejjeż tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili bejn l-2031 u l-2050 jkun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;

11. Jenfasizza li t-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet inaqqas b'aktar minn 40 % l-imwiet prematuri kkawżati mill-materja partikolata fina; jinnota li, f'xenarju bħal dan, id-danni għas-saħħa jonqsu b'madwar EUR 200 biljun kull sena;

12. Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi mmirati lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs sal-2050, kif ukoll l-appoġġ espress mill-Kummissjoni, u jqis li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi; jiddeplora l-fatt li fl-istrateġija ma tqis l-ebda perkors ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs qabel l-2050;

13. Jinnota li dawn il-perkorsi jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' assorbiment tal-karbonju, inkluż permezz tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jew il-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (CCU) u l-ġbir dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis, madankollu, li l-istrateġija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-UE għandha tagħti prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jippreservaw u jtejbu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandha tara li t-teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju tużahom biss meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett fl-emissjonijiet; jemmen li hemm bżonn aktar azzjoni sal-2030 jekk l-Unjoni trid tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' assorbiment tal-karbonju li jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat mir-rapport tal-IPCC dwar it-tisħin b'1.5°C;

14. Jenfasizza li sakemm tiġi ppruvata l-fattibbiltà ta' dawn it-teknoloġiji, kwalunkwe perkors lejn l-2050 għandu jkun ibbażat fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta' teknoloġiji ta' tranżizzjoni ewlenin filwaqt li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti fost l-Istati Membri billi tiġi appoġġjata tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni li jagħmlu l-akbar użu mill-karbonju u jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi emittenti kollha;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u tranżizzjoni ġusta

15. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju hija possibbli mingħajr telf nett ta' impjiegi u jieħu nota pożittiva tal-valutazzjoni dettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji intensivi fl-enerġija; jenfasizza li, jekk tiġi mmaniġġjata tajjeb b'appoġġ xieraq għall-aktar reġjuni, setturi u ċittadini vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni – l-impjiegi fl-ekonomija kollha jiżdiedu b'2.1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 f'xenarju ta' newtralità meta mqabbel ma' żieda ta' 1.3 miljun impjieg addizzjonali f'xenarju ta' tnaqqis ta' 80 % tal-emissjonijiet; iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa verifika tal-ħiliet imġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u l-persuni jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur;

16. Jenfasizza li t-tranżizzjoni trid tkun ġusta għall-komponenti kollha tas-soċjetà; jinnota li dan jirrikjedi interpretazzjoni tal-kunċett ta' tranżizzjoni ġusta li jinkorpora l-impatti negattivi u pożittivi assoċjati ma' azzjoni aċċelerata fil-qasam tal-klima, bħal telf ta' impjiegi u opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, kif ukoll l-effetti li jkun hemm jekk iddum ma tittieħed azzjoni;

17. Jenfasizza d-diversi benefiċċji kollaterali li soċjetà newtrali għall-klima jkollha għas-saħħa pubblika – f'termini ta' ffrankar ta' spejjeż tas-saħħa u inqas pressjoni fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika – kif ukoll għall-benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej minħabba t-titjib fil-bijodiversità, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis fl-esponiment għal sustanzi niġġiesa;

18. Jemmen li t-tranżizzjoni klimatika tal-Ewropa trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika min-naħa taċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; jemmen, għalhekk, li fil-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima nazzjonali u tal-UE għandu jitqies bis-sħiħ l-impatt soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li se jkun hemm bżonn jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, it-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni jingħataw opportunitajiet indaqs u ġusti;

19. Ifakkar li, fil-preżent, bejn 50 u 125 miljun ċittadin Ewropew qegħdin f'riskju ta' faqar enerġetiku[4]; jenfasizza li t-tranżizzjoni enerġetika jista' jkollha effett sproporzjonat fuq persuni bi dħul baxx u tkompli żżid il-faqar enerġetiku; jirrikonoxxi li kwalunkwe politika dwar l-enerġija għandha tinkorpora dimensjoni soċjali u tara li ħadd ma jibqa' lura; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni enerġetika ġusta u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

20. Jemmen li ż-żgħażagħ qed isiru dejjem aktar konxji mill-problemi soċjali u ambjentali, u dan għandu s-setgħa li jittrasforma lis-soċjetà tagħna fid-dawl ta' futur reżiljenti għall-klima, u li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effettivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet ta' età iżgħar jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jirfdu l-bidla kulturali li se tappoġġja l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;

21. Jilqa' l-fatt li, fl-Ewropa kollha, aktar persuni qed isiru attivi f'manifestazzjonijiet favur il-ġustizzja klimatika, partikolarment permezz ta' strajkijiet fl-iskejjel; jilqa' l-appelli ta' dawn l-attivisti biex ikun hemm ambizzjoni akbar u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-UE, għandhom jagħtu widen lil dawn l-appelli;

22. Jenfasizza li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej hija essenzjali biex l-Ewropa tkun tista' tilħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs sa mhux aktar tard mill-2050; iħeġġeġ lil-livelli kollha tal-gvern nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw miżuri konkreti li jistimulaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn soċjetà dekarbonizzata;

Miri intermedji

23. Jirrikonoxxi li l-għaxar snin ta' bejn l-2020 u l-2030 se jkunu tal-akbar importanza jekk l-UE trid tilħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw mira b'saħħitha fuq terminu medju għall-2030, għax din hi meħtieġa biex tinġieb biżżejjed stabbiltà għall-investimenti fis-suq, jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u jiżdiedu l-opportunitajiet għal-impriżi Ewropej biex isiru protagonisti f'termini ta' produzzjoni b'emissjonijiet baxxi fis-suq globali;

24. Jenfasizza li sabiex tintlaħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs fl-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, il-livell ta' ambizzjoni għall-2030 se jkollu bżonn jiżdied u jiġi allinjat max-xenarji ta' newtralità għall-2050; jemmen li huwa tal-akbar importanza li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar – l-aktar tard waqt is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York f'Settembru 2019 – li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi;

25. Jappoġġja l-aġġornament tal-NDC tal-Unjoni b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha fir-rigward tal-emissjonijiet domestiċi ta' GHGs fl-Unjoni sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE biex, fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, jappoġġjaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

26. Jirrimarka l-impatt tar-riforma tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) fuq il-prezzijiet tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u l-fatt li reġgħet ġiet stabbilita l-fiduċja fis-sistema;

27. Iqis li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mir-rieżami 2022-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, tressaq proposti leġiżlattivi li jżidu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti għall-2030 tillimita l-għażliet fil-futur, u tista' tinkludi d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; iqis li tali rieżami huwa pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

28. Jemmen li, bħala mezz biex tkompli tiġi żgurata aktar stabbiltà għas-swieq, ikun ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi wkoll objettiv ieħor ta' tnaqqis fl-emissjonijiet interim sal-2040 li jista' jipprovdi stabbiltà addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;

29. Iqis li l-istrateġija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-UE hemm bżonn tiġi riveduta regolarment; iqis li tali rieżami għandu jkun infurmat mir-rendikont globali ta' kull ħames snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà kif ukoll il-kontribut tal-atturi mhux statali u tal-Parlament Ewropew;

Kontribut settorjali

30. Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu fl-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima fis-setturi kollha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas";

31. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ integrat u transettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u f'setturi oħra assoċjati u jittieħed vantaġġ minn effiċjenza akbar; jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà, titjib fl-effiċjenza tas-sistemi, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha u, fl-aħħar mill-aħħar, tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;

32. Jenfasizza r-rwol tal-industriji intensivi fl-enerġija fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' GHGs fl-UE fit-tul; iqis li ż-żamma tas-supremazija tal-UE fl-industrija b'karbonju baxx u l-produzzjoni industrijali fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jirrikjedu oqfsa ta' politika intelliġenti u mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima fir-rigward tal-industriji intensivi fl-enerġija b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva u newtrali f'termini ta' emissjonijiet;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti globalment f'kundizzjonijiet ekwi; iqis li, bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja ta' kwalunkwe miżura addizzjonali li tissostitwixxi, tadatta jew tikkomplementa miżuri eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-protezzjoni tal-industriji f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, u l-kompatibbiltà tagħha mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

34. Ifakkar li billi jkunu parti mill-ewwel ekonomija kbira li tagħżel in-newtralità klimatika, l-impriżi Ewropej se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ tal-innovatur fis-swieq internazzjonali biex isiru protagonisti f'termini ta' produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni jew it-teħid ta' azzjoni insuffiċjenti favur in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs sal-2050 se jirriżulta fi spejjeż ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment inġustifikabbli u effettivament ixekkel il-kompetittività tas-settur industrijali tal-Ewropa fil-futur;

35. Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw ruħhom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtralità f'termini ta' emissjonijiet, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'emissjonijiet żero u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-UE għandha tibqa' l-aqwa ekonomija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika;

36. Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa, maħruġ fl-2018, jenfasizza l-esponiment kontinwament għoli tal-UE għal prezzijiet tal-fjuwils fossili volatili u ogħla u li, fil-futur, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li, fl-2017, l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-enerġija fl-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota li r-rapport jikkalkula li ż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);

37. Iħeġġeġ u jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni f'firxa wiesgħa ta' teknoloġiji – bħat-trasport b'emissjonijiet żero, l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija – bil-għan li l-ekonomija tiġi dekarbonizzata;

38. Ifakkar li 71 % tal-enerġija kollha tintuża għat-tisħin tal-ispazji biss; jaqbel mal-Kummissjoni li d-djar effiċjenti fl-enerġija se jsiru n-norma f'UE newtrali għall-klima, filwaqt li jipprovdu saħħa u kumdità aħjar għall-Ewropej kollha;

39. Jitlob li jiġi armonizzat l-ipprezzar tal-karbonju u tal-enerġija fl-UE b'appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet, partikolarment f'dawk is-setturi li mhumiex koperti mis-sistema tal-ETS tal-UE;

40. Jenfasizza r-rwol ċentrali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet ta' GHGs, billi attwalment l-enerġija hi responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet ta' GHGs fl-Ewropa;

41. Iqis li l-iżviluppi u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi, l-effiċjenza enerġetika fil-provvista u fid-domanda, l-enerġija rinnovabbli sostenibbli fit-trasport, fil-bini, fit-tisħin u fit-tkessiħ u fis-settur tal-enerġija, flimkien mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, ilkoll se jkunu importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' GHGs; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji speċifiċi għal ċerti teknoloġiji;

42. Jenfasizza li l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali għandhom jiġu indirizzati fuq skala ferm akbar; jirrimarka li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin b'1.5°C, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-industrija jeħtieġ ikun bejn 65 % u 90 % inqas fl-2050 meta mqabbel mal-2010, u li tali tnaqqis jista' jinkiseb biss b'taħlita ta' teknoloġiji ġodda u eżistenti, inklużi s-CCU u s-CCS;

43. Jappella għal sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward, billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; jenfasizza li l-perkorsi kollha jassumu dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2050, tnaqqis drastiku fil-fjuwils fossili u żieda qawwija fl-enerġija rinnovabbli;

44. Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika għas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib fil-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet kummerċjali u ta' impjieg, kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata b'mod sħiħ permezz tal-katina tal-enerġija bħala l-bażi għal kwalunkwe perkors lejn il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;

45. Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lis-CCS fil-parti l-kbira tax-xenarji ta' 1.5°C fir-rapport speċjali tal-IPCC; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE turi ambizzjoni akbar f'dan il-qasam; jinnota wkoll il-miri stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) biex jiġi implimentat CCS fuq skala kummerċjali fis-settur industrijali u tal-enerġija Ewropew fis-snin 2020; iqis li hemm bżonn jiżdied l-użu ta' CCU u CCS ambjentalment siguri fil-proċessi industrijali, billi dan jirriżulta fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet permezz tal-evitar tal-emissjonijiet jew il-ħżin permanenti ta' CO2; jinnota bi tħassib li, bħalissa, ħafna teknoloġiji tas-CCU ma jipproduċux tnaqqis permanenti fl-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw l-appoġġ ta' dawk it-teknoloġiji li jipproduċu riżultati verifikabbli biss;

46. Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[5] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti ta' CO2 fis-sena u li huwa stmat li, sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw massimu ta' EUR 112 biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestiku bis-saħħa tad-Direttiva; jappella biex id-Direttiva dwar l-Ekodisinn tibda tirregola aktar prodotti, inklużi t-tablets u l-ismartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi;

47. Jirrimarka li l-elettrifikazzjoni tas-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport se jkollha rwol essenzjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet f'dawn is-setturi u se tirrikjedi provvista kbira ta' elettriku; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' politiki li jippermettu lill-industrija tal-enerġija tipprovdi elettriku suffiċjenti, affidabbli, bi prezz kompetittiv u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlaqqa' flimkien lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tkun tista' ssir din it-tranżizzjoni;

48. Jenfasizza l-bżonn li l-Unjoni tal-Enerġija u l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa jiġu implimentati mingħajr dewmien, u li tiġi żgurata integrazzjoni akbar tas-suq Ewropew tal-enerġija sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effikaċi, jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tista' tinkiseb l-akbar produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini, bil-għan li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jitnaqqas il-faqar enerġetiku; iqis li huwa essenzjali li jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri, fosthom billi jiġu mħeġġa aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;

49. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet GHG mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki kurrenti mhux se jkunu biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru lejn l-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jikkonstata li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tad-diossidu tal-karbonju tal-UE; jistieden għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu l-aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw iż-żieda fl-użu ta' vetturi qodma, li jniġġsu ħafna fi Stati Membri bi dħul baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti, bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti, biex jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

50. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, is-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, għandhom jikkontribwixxu għal dan; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali kurrenti previsti rispettivament mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ jonqsu milli jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti li tikkonforma mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u tal-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; ifakkar li hija prevista żieda tal-emissjonijiet GHG mit-tbaħħir internazzjonali saħansitra ta' 250 % sal-2050; jilqa' pożittivament il-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta tal-emissjonijiet GHG; jikkonstata bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra;

51. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr kemm jista' jkun Aġenda Ewropea għas-Settur Ferrovjarju, inkluż qafas għat-tneħħija tal-ostakli diretti lejn l-implimentazzjoni rapida ta' netwerk ferrovjarju ta' veloċità għolja interoperabbli fl-UE u tat-tisħiħ fl-immobbilizzar ta' investimenti f'konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja;

52. Jikkonstata li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa GHG qawwi ħafna, b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, li huwa 28 darba akbar mis-CO2[6] u li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan jista' jwettaq rwol importanti fit-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u tal-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kkonċernati, li jista' jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-UE, u fil-promozzjoni tat-tnaqqis tal-metan fuq livell internazzjonali;

53. Jikkonstata li s-settur tal-bini tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa u 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha[7]; jitlob li jinħeles il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, bi qbil mal-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[8] għall-kisba ta' stokk tal-bini b'effiċjenza enerġetika għolja u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li t-twettiq ta' konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet GHG tal-Ewropa; iqis ukoll li l-kisba ta' bini b'domanda baxxa għall-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

54. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet politiċi għall-indirizzar rapidu tal-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan; jissottolinja li l-agrikoltura se tkun wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal tal-emissjonijiet GHG tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju b'innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll bil-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;

55. Jenfasizza r-rwol tal-industriji intensivi fl-enerġija kemm bħala atturi kif ukoll bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' trasformazzjoni industrijali tal-UE ħalli tattira investimenti fl-iżvilupp ta' teknoloġiji u ta' prodotti b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u biex tiffaċilita l-proġetti pilota industrijali meħtieġa għal teknoloġiji rivoluzzjonarji fuq skala kummerċjali;

56. Jitlob li jkun hemm Politika Agrikola Komuni (PAK) li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG f'konformità mat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, jikkonformaw mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża fil-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss isaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll ambjent ekwu għas-setturi milquta;

58. Jissottolinja li l-UE jenħtieġ li tippromwovi r-rwol u l-isforzi tar-reġjuni, tal-ibliet u tal-ibliet żgħar; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma tal-Patt tas-Sindki tal-UE li jirrappreżenta 200 miljun ċittadin Ewropew u tippermettilhom jaqdu rwol ta' katalizzaturi biex issir tranżizzjoni ulterjuri;

59. Jiddispjaċih li l-possibbiltà tat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-GHGs fluworurati ma ġietx ikkunsidrata fl-istrateġija tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-idrofluworokarbur (HFC) bl-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC, li tipprojbixxi l-użu tal-HFCs fis-setturi li m'għadx għandhom bżonnhom, l-allokazzjoni ta' kwoti tal-HFC permezz ta' sistema tal-irkant, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gass Fluworurat[9] billi jiġu pprojbiti l-użi kollha mhux meħtieġa tal-SF6, huma opportunitajiet ċari li jgħinu lill-UE tissodisfa l-objettivi tagħha tal-Ftehim ta' Pariġi;

Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-foresti fil-kuntest ta' bijoekonomija sostenibbli

60. Jappoġġja l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti għall-inċentivar ta' bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tas-sekwestru, il-ħżin u s-sostituzzjoni) u għall-ilħuq tal-objettiv ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

61. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ssir aktar kummerċjalment kompetittiva u li jiġu appoġġjati miżuri prattiċi b'effetti sinifikanti ta' ħżin u ta' sekwestru bħall-użu tal-injam bħala materjal tal-bini kemm fl-ibliet kif ukoll fiż-żoni rurali, bħala sostitut tal-fjuwils fossili u bħala għodda għal titjib fiż-żamma tal-ilma;

62. Jirrakkomanda li jenħtieġ li jiġi ffokat sforz sinifikanti fuq l-agroforestrija u fuq il-kisbiet tassew reali li għandhom jinkisbu - kemm ekoloġikament u fil-bijodiversità - permezz tal-inkorporazzjoni tas-siġar u tal-veġetazzjoni diversa f'art agrikola operattiva;

63. Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkumplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jsaħħu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; jappoġġja għalhekk l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u marġinalment produttiva, l-agroforestrija u l-immimizzar tal-konverżjoni taż-żoni forestali għal użu tal-art oħrajn;

64. Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE ta' emissjonijiet netti żero jenħtieġ li tiżgura li l-azzjoni tal-UE ma jkollhiex effetti klimatiċi ta' ħsara fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippromwovu regoli internazzjonali sodi fil-qafas tal-Ġabra ta' Regoli ta' Pariġi, speċjalment rigward l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġu evitati diskrepanzi fil-kontabbiltà kif ukoll għadd doppju ta' miżuri ta' afforestazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-isforzi klimatiċi globali;

65. Jikkunsidra li l-Istrateġija fit-tul ma tqisx kif xieraq is-setturi tal-produzzjoni primarja tal-ekonomija, u li s-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura u l-komunitajiet rispettivi jiffaċċjaw riskju sproporzjonali ogħla ta' konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima; jirrakkomanda li l-istrateġija għandha tagħti indikazzjoni ċara tal-perkors li dawn is-setturi jeħtieġ li jieħdu biex iżidu r-reżiljenza tagħhom, itejbu l-prevenzjoni tar-riskju u jsostnu l-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistemi li l-ekonomija tiddependi fuqhom;

66. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmassimizzati l-protezzjoni u r-restawr tal-imsaġar u tal-artijiet mistagħdra bħala mezzi ta' tneħħija naturali tal-karbonju;

67. Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; jissottolinja għalhekk l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni komuni tal-UE biex tiġi ppreservata u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħha li taħżen il-karbonju;

68. Jenfasizza li mill-potenzjal tekniku totali tal-prattiki għal titjib fis-sekwestru tal-karbonju taż-żona agrikola fl-UE, l-agroforestrija għandha l-akbar potenzjal[10];

69. Jenfasizza r-rwol ta' prodotti tal-injam maħsud b'ħajja twila u r-rwol tagħhom fis-settur tal-użu tal-art, fit-tibdil fl-użu tal-art u fil-forestrija (LULUCF) sal-2030; jenfasizza li l-qafas futur jenħtieġ li jqis il-kontribut ta' dawn il-prodotti, inkluż dawk mill-kategoriji tal-art agrikola, u mhux biss tal-art forestali u tal-art afforestata ġestita;

70. Jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati l-mudelli agrikoli li jappoġġjaw is-sistemi agrikoli reżiljenti għall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-infestazzjoni mill-pesti, u li jwettqu titjib fis-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija, fiż-żamma tal-ilma u fl-agrobijodiversità;

Finanzjament u riċerka

71. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, f'firxa wiesgħa ta' setturi mhux biss fil-produzzjoni elettrika, iżda wkoll fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;

72. Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq emissjonijiet netti żero sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan jirrikjedi ippjanar fit-tul u stabbiltà regolatorja u prevedibbiltà għall-investituri u, bl-istess mod, kunsiderazzjoni xierqa f'regolamenti futuri tal-UE; jenfasizza għalhekk, li għandha tiġi pprijoritizzata l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018, inkluż l-ikkalibrar tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u tat-trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

73. Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard li jiżgura li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;

74. Jinnota li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tqis il-politika ta' żvilupp rurali tal-PAK bħala s-sors ewlieni ta' appoġġ għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-UE u li l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tenfasizza r-rwol tal-PAK biex tappoġġja l-bijoekonomija kemm finanzjarjament kif ukoll billi tipprovdi l-materja prima;

75. Jiddispjaċih għall-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun kull sena; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri[11] jneħħu minnufih is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-fjuwils fossili kollha;

76. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq fond ta' tranżizzjoni ġust, speċjalment għar-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni ta' tħaffir għall-faħam, flimkien ma' kunsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament klimatiku eżistenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' aċċettazzjoni pubblika wiesgħa tal-istrateġija fit-tul, minħabba t-trasformazzjonijiet meħtieġa f'xi setturi;

77. Jissottolinja li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima trid tkun integrata bis-sħiħ fil-kontenut tar-riċerka u tal-innovazzjoni u applikata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka bħala wieħed mill-prinċipji tal-finanzjament mill-UE;

Rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

78. Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, inkluż fis-settur tal-ikel kollu, fis-settur tat-trasport u b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet politiċi, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tinkoraġġixxi bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;

79. Jinnota li l-istatistika mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tindika li l-konsum totali tal-prodotti tal-laħam u mill-annimali per capita fl-UE28 naqas sa mis-snin disgħin u jekk din it-tendenza li għadha għaddejja tiġi appoġġjata flimkien ma' miżuri tekniċi ta' mitigazzjoni min-naħa tal-provvista, dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-produzzjoni agrikola;

80. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija, iżda bl-istess mod sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, partikolarment bis-sostituzzjoni ta' prodotti u materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu emissjonijiet kbar matul il-produzzjoni favur prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

81. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet GHG, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li ffrankar ferm sinifikanti huwa possibbli fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-ħela tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet GHG, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' negozju u ta' mpjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li l-effiċjenza mtejba tar-riżorsi u l-approċċi tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll id-disinn ta' prodotti ċirkolari, se jgħinu biex ikun hemm bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u fit-tnaqqis tal-ammont ta' skart;

82. Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u biex titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-marka fuq il-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

83. Jinnota li s-suċċess tat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali għall-klima se jiddependi fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn taċ-ċittadini, li jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta' effiċjenza fl-enerġija u enerġija rinnovabbli fuq il-post jew permezz ta' teknoloġiji rinnovabbli fil-qrib;

84. Iqis li jenħtieġ li titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jieħu nota tal-fatt li abbażi tal-mudelli eżistenti, l-analiżi fil-fond tikkonkludi li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-produzzjoni tagħha b'xi mod jiġu kkumpensati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti li jkollhom marka tal-karbonju ogħla; jenfasizza l-konklużjoni li sal-2016, l-UE diġà kienet tat kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss tal-kummerċ u l-effiċjenza mtejba tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

85. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u ta' diplomazija effettiva dwar il-klima, bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jqawwu l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima f'reġjuni u f'pajjiżi terzi oħrajn; jistieden lill-UE  żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) f'pajjiżi terzi, li jenħtieġ li tkun b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u jenħtieġ li ma tingħaddx darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

86. Jiddispjaċih għall-fatt li ħafna ekonomiji ewlenin oħra għadhom ma bdewx jaħdmu fuq stateġiji għall-2050 u kważi m'hemm l-ebda dibattitu f'ekonomiji ewlenin oħra biex jiżdiedu l-NDCs biex dawn isiru konformi mal-objettiv globali skont il-Ftehim ta' Pariġi; jitlob għalhekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu d-diplomazija dwar il-klima u jieħdu miżuri xierqa oħrajn biex iħeġġu lil ekonomiji ewlenin oħrajn sabiex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi;

87. Jenfasizza l-importanza ta' diplomazija u tmexxija b'saħħithom tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-ambizzjoni multilaterali u globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu oqfsa u azzjoni komuni fi ħdan il-fora tan-NU;

88. Jenfasizza li s-Summit tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ta' Settembru 2019 ikun il-mument ideali biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini ta' NDCs; iqis li l-UE jenħtieġ li tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament minn qabel sew tal-NDC, sabiex tasal għas-summit imħejjija sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali ta' Partijiet b'appoġġ għal ambizzjoni klimatika msaħħa;

89. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra l-Ewropa sabiex ikun hemm aktar tnaqqis fl-emissjonijiet u ambjent ekwu mtejjeb madwar id-dinja; jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali li jiżguraw tnaqqis attwali u addizzjonali fil-gassijiet b'effett ta' serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi regoli internazzjonali stretti u robusti relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġu evitati lakuni fil-kontabbiltà jew fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

°

° °

90. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

[2] Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), "The Emissions Gap Report 2018", p. 10.

[3] Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf

[5] Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

[6] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu) , EUR 29394 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210.

[7] https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings

[8] Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

[9] Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

[10] Joris Aertsens, Leo De Nocker, Anne Gobin, 2011: "Valuing the carbon sequestration potential for European agriculture" (Valutazzjoni tal-potenzjal ta' sekwestru tal-karbonju għall-agrikoltura Ewropea)

[11] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001 final, paġni 10-11.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali