Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0199/2019

Testi mressqa :

B8-0199/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0217

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0199/2019</NoDocSe>
PDF 210kWORD 68k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tibdil fil-klima</Titre>

<DocRef>(2019/2582(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Kathleen Van Brempt, Jytte Guteland, Miriam Dalli</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019

B8‑0199/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polinja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

 wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

 wara li kkunsidra r-Regola 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-COP24 f'Katowice rriżultat fl-adozzjoni tal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice li tipprevedi ċarezza legali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

1. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Pjaneta Nadifa għall-kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tenfasizza l-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija tal-Ewropa, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, is-settur tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-akkademja u organizzazzjonijiet oħra ta' riċerka, it-trejdjunjins, ir-reġjuni, il-bliet u l-komunitajiet, kif ukoll iċ-ċittadini; japprova l-objettiv ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu Futur dwar l-Ewropa, waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-ambizzjoni meħtieġa sabiex jinkiseb dan il-għan;

2. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u relatat mal-klima fl-Unjoni kien jammonta għal madwar EUR 12.8 biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu mill-anqas jilħqu EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1.8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE jistgħu jiżdiedu għal EUR 1 triljun u li sal-2100 id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum il-ġurnata; ikompli jisħaq li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza tal-ilma serja;

3. Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika l-kisba ta' emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra globalment sa mhux aktar tard mill-2067, u li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra annwali jiġu limitati sa massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità tajba biex iżżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5 C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

4. Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) attwali bla kundizzjonijiet jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2 C, u minflok dan se jirriżulta fi stima ta' żieda ta' 3,2 C[2] fit-temperatura sal-2100; jenfasizza l-bżonn urġenti għall-Partijiet kollha għall-UNFCC biex iżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu

5. Jemmen li l-Ewropa jeħtiġilha tmexxi t-triq għan-newtralità tal-klima billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi sostenibbli u innovattivi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, u tallinja l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tipprevjeni l-faqar enerġetiku, tiżgura l-ġustizzja soċjali għal tranżizzjoni ġusta inkluż programmi ta' ħiliet mill-ġdid u ta' titjib fil-ħiliet, li huwa kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050;

6. Jinnota li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-objettiv fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors biex jinkisbu l-emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra qabel l-2050; jinnota li tnejn minn dawn il-perkorsi biss jippermettu lill-Unjoni tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u koordinata u sforzi konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, li tinvolvi wkoll lill-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stipulat fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ ta' investiment għal perkorsi netti żero;

7. Jirrimarka li skont l-istimi tal-Kummissjoni l-PDG tal-UE huwa mistenni li jiżdied aktar taħt xenarji b'emissjonijiet żero milli taħt xenarji bi tnaqqis tal-emissjonijiet iżgħar, bl-effetti fiż-żewġ każijiet ma jinfirxux b'mod uniformi madwar l-UE bħala riżultat tad-differenzi bejn l-Istati Membri, fost l-oħrajn fir-rigward tal-PDG per capita u l-intensità tal-karbonju tat-taħlita tal-enerġija; iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar li jqum flus u mhux biss iwassal għal telf kbir ħafna ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom peress li xi wħud huma mistennija li jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;

8. Jinnota bi tħassib li bħalissa, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero din tonqos għal 20 % sal-2050, li jkollha impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili bejn l-2031 u l-2050 jkun ta' EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq investimenti sostenibbli u ġusti;

9. Jenfasizza li tnaqqis fit-tniġġis tal-arja taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero jnaqqas l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b'aktar minn 40 %; jinnota li taħt tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;

10. Jinnota li dawk il-perkorsi proposti fl-istrateġija jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-qbid u l-ħżin jew l-użu tal-karbonju u l-qbid dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis madankollu li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE għandha tagħti prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jippreservaw u jtejbu l-bwar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandu jkollha l-għan li tuża t-teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju biss meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet; jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

11. Jilqa' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm emissjonijiet netti żero mingħajr telf nett ta' impjiegi u jinnota b'mod pożittiv il-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv; jenfasizza li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni - l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; iqis, għalhekk li li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa awditu tal-ħiliet imġedda skont il-Panorama tal-Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima sabiex tappoġġja r-reġjuni, is-setturi u n-nies l-aktar vulnerabbli fil-ksib ta' ħiliet mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur f'dawn l-istess reġjuni;

12. Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġati reġjuni li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq attivitajiet marbuta ma' setturi jew teknoloġiji li huma mistennija li jonqsu jew se jkollhom jiġu mibdula fil-futur;

13. Jemmen li t-tranżizzjoni tal-Ewropa dwar il-klima trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; iqis għalhekk li fil-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-impatti soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza f'dan ir-rigward li strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha se jkollhom jiġu mfassla abbażi ta' proċessi inklussivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, it-trejdjunjins, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat , biex jiġi żgurat li l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs jiġu offruti liċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni filwaqt li jiġu pprevenuti effetti sproporzjonati fuq persuni bi dħul baxx;

14. Ifakkar li attwalment madwar 50 sa 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar enerġetiku[4]; jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq il-persuni bi dħul baxx u żżid aktar il-faqar enerġetiku; jirrikonoxxi l-fatt li l-politika dwar l-enerġija trid tinkorpora dimensjoni soċjali u tiżgura li ħadd ma jitħalla barra; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

15. Jemmen li ż-żgħażagħ qed ikollhom dejjem aktar sensibilizzazzjoni soċjali u ambjentali akuta, li għandha s-setgħa li tittrasforma lis-soċjetajiet tagħna bil-għan li jkun hemm futur reżiljenti għall-klima, u li l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effettivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jirfdu l-bidla kulturali li se tappoġġja l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;

16. Jilqa' l-fatt li persuni madwar l-Ewropa qed isiru dejjem aktar attivi fil-manifestazzjonijiet favur il-ġustizzja klimatika, b'mod partikolari permezz ta' strajkijiet fl-iskejjel; jilqa' t-talbiet ta' dawn l-attivisti biex ikun hemm ambizzjoni akbar u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-UE għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn it-talbiet;

17. Jenfasizza li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej huma essenzjali biex l-Ewropa tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; iħeġġeġ biex il-livelli kollha tal-gvern nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw miżuri konkreti li jistimolaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn soċjetà dekarbonizzata;

Miri intermedji

18. Jirrikonoxxi li d-deċennju ta' bejn l-2020 u l-2030 se jkun tal-akbar importanza jekk l-UE trid tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw mira b'saħħitha fuq terminu medju għall-2030, peress li dan huwa meħtieġ biex tinġieb biżżejjed stabbiltà għall-investimenti fis-suq, biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u jiżdiedu l-opportunitajiet għan-negozji tal-Ewropa biex isiru mexxejja tas-suq globali fil-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi;

19. Jenfasizza li sabiex jintlaħqu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett fl-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, il-livell ta' ambizzjoni tal-2030 se jkollu jiżdied u jiġi allinjat max-xenarji tal-2050 ta' emissjonijiet netti żero; jemmen li huwa tal-akbar importanza għall-Unjoni li tibgħat messaġġ ċar, matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York sa mhux aktar tard minn Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha lejn il-Ftehim ta' Pariġi;

20. Jappoġġja aġġornament tal-NDC tal-Unjoni b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha f'dak li għandu x'jaqsam ma' emissjonijiet dometiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE jappoġġjaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni kif xieraq fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

21. Iqis li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mir-rieżamijiet tal-2022-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, tressaq proposti leġiżlattivi li jżidu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira ta' emissjonijiet netti żero; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-2030 tillimita l-għażliet futuri, inkluża d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; iqis li dawn ir-rieżamijiet huma pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

22. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata ulterjorment stabbiltà miżjuda għas-swieq, se jkun ukoll ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi objettiv ta' tnaqqis fl-emissjoni interim ulterjuri sal-2040 li jista' jipprovdi stabilità addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;

23. Iqis li huwa meħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero tiġi riveduta regolarment; iqis li tali rieżami għandu jkun infurmat mir-rendikont globali li jsir kull ħames snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi u li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;

Kontributi settorjali

24. Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima fir-rigward tas-setturi kollha; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dan ir-rigward;

25. Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima introdotti f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jista' jġib inkonsistenzi u mhux għall-ilħuq mill-UE ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; jemmen li se jkun meħtieġ approċċ komprensiv fil-forma ta' liġi tal-UE dwar il-klima u jitlob lill-Kummissjoni teżamina dan mingħajr dewmien;

26. Jirrimarka l-impatt li r-riforma tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) kellha fuq il-prezzijiet tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u jilqa' l-fatt li l-fiduċja fis-sistema qed tiżdied;

27. Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lill-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) fil-biċċa l-kbira tax-xenarji 1.5 C fir-rapport speċjali IPCC 1.5°C; iqis li huwa meħtieġ li jiżdied l-użu fi proċessi industrijali ta' ġbir u użu tal-karbonju ambjentalment sigur (CCU) u CCS li jirriżulta fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet permezz ta' evitar tal-emissjonijiet jew tal-ħżin permanenti ta' CO2; jinnota bi tħassib li bħalissa ħafna teknoloġiji tas-CCU ma jipproduċux tnaqqis permanenti fl-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw l-appoġġ ta' dawk it-teknoloġiji li jipproduċu riżultati verifikabbli biss;

ll-politika tal-enerġija

28. Ifakkar li l-Unjoni rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-tkabbir ekonomiku fid-deċennji reċenti kif ukoll naqqset l-emissjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-effiċjenza enerġetika u d-diffużjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

29. Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

30. Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra se teħtieġ investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena;

31. Jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ integrat, transsettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u setturi oħra assoċjati u jinkisbu benefiċċji minn effiċjenzi akbar; jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà akbar, titjib fl-effiċjenza tas-sistema, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha, u fl-aħħar mill-aħħar tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;

32. Jenfasizza r-rwol ċentrali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra, peress li attwalment l-enerġija hija responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa;

33. Jitlob sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-enerġija u bbażata fuq sorsi rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; jenfasizza li l-perkorsi kollha jassumu dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija sal-2050, tnaqqis drastiku tal-fjuwils fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;

34. Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-protezzjoni ambjentali, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib tal-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet tan-negozju u impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata b'mod sħiħ permezz tal-katina tal-enerġija bħala l-bażi għal mogħdija lejn mira b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;

35. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija Ewropew sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effettiv, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tkun tista' tinkiseb l-aktar produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jitnaqqas faqar enerġetiku; iqis li huwa essenzjali jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri, inkluż billi jħeġġeġ aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;

36. Jinnota li s-settur tal-kostruzzjoni tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali u 36 % tal-emissjonijiet tagħha tas-CO2 tal-Ewropa[5]; jitlob biex jiġi żblukkat il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, skont l-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[6] li jintlaħaq stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-kisba ta' bini b'rata baxxa ta' użu tal-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

37. Jistieden lil-livelli kollha ta' gvern, kemm jekk nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex idaħħlu fis-seħħ miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġi stimulat l-iskambju tal-aħjar prattiki;

Il-Politika Industrijali

38. Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-azzjoni ambizzjuża dwar il-klima jsaħħu lil xulxin;

39. Itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li l-investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inklużi t-teknoloġiji diġitali, u teknoloġija nadifa se jkunu meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir sostenibbli, isaħħu l-kompetittività fuq livell globali, jagħtu spinta lill-ħiliet futuri u joħolqu miljuni ta' impjiegi ta' kwalità għolja, pereżempju f'ekonomija ċirkolari li qed tikber u fl-bijoekonomija u fit-trasport b'emissjonijiet żero;

40. Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv biex jinkiseb it-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE; iqis li ż-żamma tat-tmexxija industrijali tal-UE b'karbonju baxx u l-produzzjoni industrijali fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jeħtieġu qafas ta' politika intelliġenti u mmirat; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva b'emissjonijiet netti żero;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti fuq livell globali b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja, u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali biex tipproteġi lill-industriji fir-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-karbonju;

42. Jenfasizza li l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali għandhom jiġu indirizzati fuq skala ferm akbar; jirrimarka li skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5 °C, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija jeħtieġ li jkun bejn 65 % u 90 % anqas fl-2050 meta mqabbel mal-2010, u li tali tnaqqis jista' jinkiseb biss b'kombinazzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda u eżistenti, inklużi s-CCU u CCS;

43. Ifakkar li billi jkunu parti mill-ewwel ekonomija ewlenija biex tiġi segwita n-newtralità tal-klima, in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jiksbu l-vantaġġ tal-innovatur fis-swieq nazzjonali biex issir il-mexxejja globali fil-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni jew it-teħid ta' azzjoni insuffiċjenti biex jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050 se jirriżulta fi spejjeż ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment inġustifikabbli u se jxekkel b'mod effettiv il-kompetittività futura tas-settur industrijali tal-Ewropa;

44. Jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha bżonn tistabbilixxi ktajjen ta' valur b'saħħithom għal prodotti u teknoloġiji innovattivi b'livell baxx ta' karbonju;

Kontributi ta' setturi oħra

45. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki attwali mhux se jkun biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tal-UE tad-diossidu tal-karbonju; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu passi deċiżivi biex jagħtu aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi lill-konsumaturi fl-Istati Membri kollha filwaqt li jevitaw użu akbar ta' vetturi qodma li jniġġsu ħafna fl-Istati Membri b'introjtu aktar baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti fl-istabbiliment ta' sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

46. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità tal-klima għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi jridu jikkontribiwxxu s-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ ma jiksbux it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti konformi mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u l-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; ifakkar li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali huma previsti li jiżdiedu anke b'250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra;

47. Jinnota li madwar 60 % tal-metan tad-dinja jiġi rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u l-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, 28 darba aktar mis-CO2[7] u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jista' jaqdi rwol importanti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u l-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kkonċernati, li jista' jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-UE, u li tippromwovi t-tnaqqis tal-metan fuq livell internazzjonali;

48. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet politiċi biex jiġu indirizzati b'mod rapidu l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u biex tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament u lill-Kunsill għal dan il-għan; jenfasizza li l-agrikoltura se ssir wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju permezz ta' innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;

49. Jitlob politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, huma konformi mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

50. Iqis li l-istrateġija fit-tul ma tqisx kif xieraq is-setturi tal-produzzjoni primarja tal-ekonomija, u li s-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura u l-komunitajiet rispettivi tagħhom jiffaċċjaw riskju ogħla b'mod sproporzjonat ta' konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima; jirrakkomanda li l-istrateġija għandha tagħti indikazzjoni ċara tal-perkors li dawn is-setturi jeħtieġ li jieħdu biex iżidu r-reżiljenza tagħhom, itejbu l-prevenzjoni tar-riskju u jsostnu l-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistemi li l-ekonomija tiddependi fuqhom;

51. Jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati l-mudelli agrikoli li jappoġġjaw is-sistemi agrikoli reżiljenti għall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-infestazzjoni mill-organiżmi ta' ħsara, u li jwasslu għal titjib fis-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija, iż-żamma tal-ilma u l-agrobijodiversità;

52. Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; jissottolinja għalhekk l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni tal-UE komuni biex jiġu ppreservati u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju;

53. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-possibbiltà tat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra ma tqisitx fl-istrateġija tal-UE; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-idrofluworokarbur bl-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC, li tipprojbixxi l-użu tal-HFCs fis-setturi li m'għadx għandhom bżonnhom, l-allokazzjoni ta' kwoti tal-HFC permezz ta' sistema tal-irkant, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gass Fluworurat [8] bil-projbizzjoni tal-użi kollha mhux meħtieġa tal-SF6, huma opportunitajiet ċari biex jgħinu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha tal-Ftehim ta' Pariġi;

54. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża l-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE huma kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss issaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-setturi affettwati;

Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-foresti fil-kuntest ta' bijoekonomija sostenibbli

55. Jappoġġja l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti biex tiġi inċentivata bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, minħabba l-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tal-effetti ta' sekwestru, ħżin u sostituzzjoni) u l-ilħuq tal-objettiv ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020 u l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

56. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ssir aktar kummerċjalment kompetittiva u li jiġu appoġġjati miżuri prattiċi b'effetti sinifikanti ta' ħżin u ta' sekwestru bħall-użu tal-injam bħala materjal tal-bini kemm fl-ibliet kif ukoll fiż-żoni rurali, bħala sostituzzjoni tal-fjuwils fossili u bħala għodda għal titjib fiż-żamma tal-ilma;

57. Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; Jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkomplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jsaħħu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; jappoġġja għalhekk l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u marġinalment produttiva, l-agroforestrija u l-minimizzazzjoni tal-konverżjoni taż-żoni forestali għal użi oħra tal-art;

58. Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali li jinsabu barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero għandha tiżgura li l-azzjoni tal-UE ma jkollhiex effetti klimatiċi dannużi f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippromwovu regoli internazzjonali sodi fil-qafas tal-Ġabra ta' Regoli ta' Pariġi, speċjalment dawk relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-kontabbiltà u l-għadd doppju ta' miżuri ta' afforestazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-isforzi klimatiċi globali;

59. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmassimizzati l-protezzjoni u r-restawr tal-artijiet mistagħdra bħala tneħħija naturali tal-karbonju;

60. Jenfasizza r-rwol ta' prodotti tal-injam maħsud b'ħajja twila u r-rwol tagħhom fis-settur tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) għall-2030; jenfasizza li l-qafas futur għandu jikkunsidra l-kontribut ta' dawn il-prodotti, inkluż minn kategoriji ta' art agrikolu, u mhux biss foresti ġestiti u art afforestata;

Riċerka u innovazzjoni

61. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata aġenda Ewropea koerenti u strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni li tiffoka fuq kif tinkiseb l-ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra u li l-Unjoni u l-programmi nazzjonali ta' riċerka u innovazzjoni huma kruċjali biex jappoġġjaw lill-Unjoni Ewropea fir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

62. Jemmen l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha ssir b'mod adegwat fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni;

63. Iqis li matul l-għoxrin sena li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi sostanzjali ta' riċerka u innovazzjoni biex isiru disponibbli soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju għal kulħadd u li jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra;

64. Jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu dwar Orizzont Ewropa, trid tikkontribwixxi mill-inqas 35 % tan-nefqa tiegħu b'appoġġ għall-objettivi klimatiċi kif xieraq kif ukoll bħala parti mill-objettiv ġenerali tal-Unjoni favur l-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi;

Finanzjament

65. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda anke fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; jitlob li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;

66. Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan se jirrikjedi ppjanar u stabbiltà regolatorja fit-tul u prevedibbiltà għall-investituri u, skont dan, konsiderazzjoni dovuta fir-regolamenti futuri tal-UE; jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandha jingħata prijorità, inklużi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

67. Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard biex jiġi żgurat li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;

68. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri[9] jneħħu minnufih is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-fjuwils fossili kollha;

69. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq fond ta' tranżizzjoni ġust, speċjalment għar-reġjuni l-aktar milquta mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam, flimkien ma' konsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament eżistenti tal-klima; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-istrateġija fit-tul ikollha aċċettazzjoni pubblika mifruxa minħabba t-trasformazzjonijiet li huma meħtieġa f'xi setturi;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

70. Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, inkluż fis-sistema tal-ikel kollha u fis-settur tat-trasport u b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;

71. Jinnota li l-istatistika tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tindika li l-konsum totali tal-prodotti tal-laħam u mill-annimali per capita fl-UE28 naqas mis-snin disgħin u jekk din it-tendenza li tinsab għaddejja tiġi appoġġjata flimkien ma' miżuri tekniċi ta' mitigazzjoni min-naħa tal-provvista, dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-produzzjoni agrikola;

72. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija, iżda wkoll sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, jiġifieri tissostitwixxi l-prodotti u l-materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu emissjonijiet kbar matul il-produzzjoni bi prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

73. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li approċċi mtejba dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u se jnaqqsu l-ammont ta' skart;

74. Jenfasizza l-importanza tal-politika tal-prodott, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn; Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[10] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena u li huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw sa EUR 112 biljun b'kollox, jew madwar EUR 490 għal kull unità domestika fis-sena b'riżultat tad-direttiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

75. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u diplomazija klimatika effettiva bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni f'reġjuni u pajjiżi terzi oħra; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lil pajjiżi terzi, li għandha tiġi b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandhiex tingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

76. Jiddispjaċih li ħafna ekonomiji ewlenin oħra għadhom mhumiex qed jaħdmu fuq l-istrateġiji tal-2050; jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu d-diplomazija fil-qasam tal-klima u jieħdu miżuri xierqa oħrajn biex iħeġġu lil ekonomiji ewlenin oħrajn sabiex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi;

77. Jenfasizza l-importanza ta' diplomazija u tmexxija b'saħħithom tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija fit-tisħiħ tas-sħubija u kooperazzjoni globali u multilaterali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu oqfsa komuni u azzjoni fil-fora tan-NU;

78. Jenfasizza s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU li se jsir f'Settembru 2019 bħala l-mument it-tajjeb biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini tal-NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament tal-NDC tagħha ferm minn qabel, sabiex fis-summit tkun ippreparata sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali tal-Partijiet b'appoġġ għal ambizzjoni msaħħa fil-qasam tal-klima;

79. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra mill-Ewropa sabiex issegwi aktar tnaqqis tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti mtejba ta' kompetizzjoni fuq livell dinji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali sabiex jiġi żgurat tnaqqis reali u addizzjonali tal-gassijiet b'effett ta' serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi regoli internazzjonali robusti b'rabta mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex timpedixxi lakuni fil-kontabbiltà u fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

°

° °

80. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

[2] Il-Programm Ambjentali tan-NU, "Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2018", p. 10.

[3] Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf

[5] https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings

[6] Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

[7] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210

[8] Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

[9] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001, p. 10.

[10] Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali