Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0200/2019

Testi mressqa :

B8-0200/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0217

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0200/2019</NoDocSe>
PDF 216kWORD 65k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tibdil fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima</Titre>

<DocRef>(2019/2582(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Nils Torvalds, Fredrick Federley</Depute>

<Commission>{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019

B8‑0200/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)773), u għall-analiżi fil-fond bħala appoġġ għal dik il-komunikazzjoni,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC, l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), u t-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

 wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra r-Regola 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tenfasizza l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija mingħajr konsum ta' gassijiet serra ġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija tal-Ewropa, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali, lis-settur tan-negozju, lil organizzazzjonijiet nongovernattivi, lill-ibliet u lill-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini; japprova l-objettiv ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) sal-2050 u jitlob lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa, waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-ambizzjoni meħtieġa sabiex jinkiseb dan il-għan;

2. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u relatat mal-klima fl-Unjoni kien jammonta għal madwar EUR 12.8 biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu mill-anqas jilħqu EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1.8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE jistgħu jiżdiedu għal EUR 1 triljun u li sal-2100 id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum il-ġurnata; ikompli jisħaq li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza tal-ilma serja;

3. Jenfasizza li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali ta' 1.5°C jirrappreżenta l-valutazzjoni xjentifika l-aktar komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

4. Jenfasizza li, skont ir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika l-kisba ta' emissjonijiet netti żero tal-GHG globalment sa mhux aktar tard mill-2067, u li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra annwali jiġu limitati sa massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità tajba biex iżżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5 C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

5. Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) attwali bla kundizzjonijiet jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2 C, u minflok dan iwassal għal stima tat-tisħin ta' 3,2 C[2] sal-2100; jenfasizza l-bżonn urġenti għall-Partijiet kollha għall-UNFCC biex iżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu

6. Jemmen li l-Ewropa tista' tindika t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, u tikkoordina l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta;

7. Jinnota li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-objettiv fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li tnejn minn dawn il-perkorsi biss jippermettu lill-Unjoni tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, li tinvolvi wkoll lill-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stipulat fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ ta' investiment għal perkorsi netti żero;

8. Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentati fl-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'madwar 80 % biss sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jinnota bi tħassib li din l-ambizzjoni tinsab fil-medda l-aktar baxxa taż-żamma tat-tisħin globali taħt iż-2°C u għalhekk mhijiex konformi mal-objettiv ta' Pariġi li tinżamm għal ferm anqas minn 2°C, u lanqas m'għandha tabilħaqq l-għan ulterjuri li tinżamm taħt il-1,5°C;

9. Jirrimarka li skont l-istimi tal-Kummissjoni l-PDG tal-UE huwa mistenni li jiżdied aktar taħt xenarji b'emissjonijiet żero milli taħt xenarji bi tnaqqis tal-emissjonijiet iżgħar, bl-effetti fiż-żewġ każijiet ma jinfirxux b'mod uniformi madwar l-UE bħala riżultat tad-differenzi bejn l-Istati Membri, fost l-oħrajn fir-rigward tal-PDG per capita u l-intensità tal-karbonju tat-taħlita tal-enerġija; iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar li jqum flus u mhux biss iwassal għal telf sinifikanti ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom peress li xi wħud huma mistennija li jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;

10. Jinnota bi tħassib li bħalissa, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero din tonqos għal 20 % sal-2050, li jkollha impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili bejn l-2031 u l-2050 jkun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra taċ-ċittadini Ewropej;

11. Jenfasizza li tnaqqis fit-tniġġis tal-arja taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero jnaqqas l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b'aktar minn 40 %; jinnota li taħt tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;

12. Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi li għandhom ll-għan li jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet serra sal-2050 u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal dawn, u jikkunsidra li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors biex jinkisbu l-emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra qabel l-2050;

13. Jinnota li dawk il-perkorsi jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-qbid u l-ħżin jew l-użu tal-karbonju u l-qbid dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis madankollu li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE għandha tagħti prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jippreservaw u jtejbu l-bwar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandu jkollha l-għan li tuża t-teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju biss meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet; jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

14. Jilqa' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm emissjonijiet netti żero mingħajr telf nett ta' impjiegi u jinnota b'mod pożittiv il-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv; jenfasizza s-sejba li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni - l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; iqis, għalhekk li li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa awditu tal-ħiliet imġedda skont il-Panorama tal-Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima sabiex tappoġġja r-reġjuni, is-setturi u n-nies l-aktar vulnerabbli fil-ksib ta' ħiliet mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur f'dawn l-istess reġjuni;

15. Jenfasizza d-diversi kobenefiċċji li se jkollha soċjetà newtrali għall-klima fuq is-saħħa pubblika, kemm fir-rigward tal-iffrankar tal-ispiża għall-kura u piż iżgħar fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika, kif ukoll fuq il-benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej grazzi għat-titjib fil-bijodiversità, tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi niġġiesa;

16. Jemmen li t-tranżizzjoni tal-Ewropa dwar il-klima trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; iqis għalhekk li fil-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-impatti soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza f'dan ir-rigward li se jkun hemm bżonn li jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, mat-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni jiġu offruti opportunitajiet ġusti u indaqs;

17. Jilqa' l-kuxjenza ambjentali li qed tiżdied fost iż-żgħażagħ u jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jiġu involuti fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali b'appoġġ għall-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli; jilqa' d-domandi pubbiċi riċenti għall-azzjoni klimatika, b'mod partikolari dawk espressi mill-istudenti, u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-UE għandhom jagħtu widen lit-talbiet għal urġenza akbar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Miri intermedji

18. Jirrikonoxxi li d-deċennju ta' bejn l-2020 u l-2030 se jkun ta' importanza kruċjali jekk l-UE trid tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw mira b'saħħitha fuq terminu medju għall-2030, peress li dan huwa meħtieġ biex tinġieb biżżejjed stabbiltà għall-investimenti fis-suq, biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u jiżdiedu l-opportunitajiet għan-negozji tal-Ewropa biex isiru mexxejja tas-suq globali fil-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi;

19. Jenfasizza li sabiex jintlaħqu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett fl-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, il-livell ta' ambizzjoni tal-2030 se jkollu jiżdied u jiġi allinjat max-xenarji tal-2050 ta' emissjonijiet netti żero; jemmen li huwa tal-akbar importanza għall-Unjoni li tibgħat messaġġ ċar, matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York sa mhux aktar tard minn Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha lejn il-Ftehim ta' Pariġi;

20. Jappoġġja aġġornament tal-NDC tal-Unjoni b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha f'dak li għandu x'jaqsam ma' emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE jappoġġjaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni kif xieraq fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

21. Iqis li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mir-rieżamijiet tal-2022-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, tressaq proposti leġiżlattivi li jżidu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira ta' emissjonijiet netti żero; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-2030 tillimita l-għażliet futuri, inkluża d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; iqis li dawn ir-rieżamijiet huma pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

22. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata ulterjorment stabbiltà miżjuda għas-swieq, se jkun ukoll ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi objettiv ta' tnaqqis fl-emissjoni interim ulterjuri sal-2040 li jista' jipprovdi stabilità addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;

23. Iqis li huwa meħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero tiġi riveduta regolarment; iqis li tali rieżami għandu jkun infurmat mir-rendikont globali li jsir kull ħames snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi u li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;

Kontributi settorjali

24. Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima fir-rigward tas-setturi kollha; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dan ir-rigward;

25. Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima adottati f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jista' jġib inkonsistenzi u mhux għall-ilħuq mill-UE ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra sal-2050; Jemmen li hemm bżonn li jittieħed approċċ globali;

26. Jenfasizza l-importanza u jħeġġeġ l-innovazzjoni f'firxa wiesgħa ta' teknoloġiji bil-għan li tiġi dekarbonizzata l-ekonomija, bħat-trasport b'emissjonijiet żero, l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija;

27. Jitlob li jkun hemm ipprezzar tal-karbonju fl-UE permezz ta' livelli minimi b'appoġġ għat-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet netti żero, b'mod partikolari għal dawk is-setturi mhux koperti mis-sistema tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS);

28. Iqis li l-iżviluppi u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi, l-effiċjenza enerġetika kemm fil-provvista kif ukoll fid-domanda u l-enerġija rinnovabbli sostenibbli fis-setturi tat-trasport, tal-bini, tat-tisħin u tat-tkessiħ, u tal-gass, u l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari se jkunu kollha kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jissottolinja f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji speċifiċi għat-teknoloġija;

29. Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lill-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) fil-biċċa l-kbira tax-xenarji 1.5 C fir-rapport speċjali IPCC 1.5°C; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE ssegwi ambizzjoni akbar f'dan il-qasam; jinnota wkoll il-miri stabbiliti mill-Istati Membri skont il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) għall-implimentazzjoni ta' skala kummerċjali CCS fis-settur industrijali u għall-enerġija Ewropew fis-snin għoxrin tal-2000; iqis li huwa meħtieġ li jiżdied l-użu fi proċessi industrijali ta' ġbir u użu tal-karbonju ambjentalment sigur (CCU) u CCS li jirriżulta fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet permezz ta' evitar ta' emissjonijiet jew ħżin permanenti; jinnota bi tħassib li bħalissa ħafna teknoloġiji tas-CCU ma jipproduċux tnaqqis permanenti fl-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw l-appoġġ ta' dawk it-teknoloġiji li jipproduċu riżultati verifikabbli biss;

ll-politika tal-enerġija

30. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra; Ifakkar li l-Unjoni rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tkabbir ekonomiku fid-deċennji reċenti kif ukoll naqqset l-emissjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-effiċjenza enerġetika u d-diffużjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tkompli tixpruna l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġġib benefiċċji soċjali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej;

31. Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

32. Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra se teħtieġ investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena;

33. Jenfasizza, fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti tat-tranżizzjoni tal-enerġija, li l-isforzi biex jitnaqqsu l-gassijiet serra bil-għan li tinkiseb newtralità fil-klima fil-livell tal-UE jistgħu ma jkunux mifruxa b'mod uniformi fl-UE;

34. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;

35. Jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ integrat, transsettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u setturi oħra assoċjati u jinkisbu benefiċċji minn effiċjenzi akbar; jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà akbar, titjib fl-effiċjenza tas-sistema, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha, u fl-aħħar mill-aħħar tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;

36. Jitlob sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-enerġija u bbażata fuq sorsi rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; jenfasizza li l-perkorsi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni jassumu dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2050, tnaqqis drastiku tal-fjuwils fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;

37. Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-protezzjoni ambjentali, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib tal-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet tan-negozju u impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata b'mod sħiħ permezz tal-katina tal-enerġija bħala l-bażi għal mogħdija lejn mira b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;

38. Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[4] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena u li huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw sa EUR 112 biljun b'kollox, jew madwar EUR 490 għal kull unità domestika fis-sena b'riżultat tad-direttiva; jitlob li jiġu regolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u l-ismartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati biex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi;

39. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija Ewropew sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effettiv, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tkun tista' tinkiseb l-aktar produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju; iqis li huwa essenzjali jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri u jħeġġeġ aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;

40. Jinnota li s-settur tal-bini tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali u 36 % tal-emissjonijiet tagħha tas-CO2 tal-Ewropa[5]; jitlob biex jiġi żblukkat il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, skont l-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[6] li jintlaħaq stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-kisba ta' bini b'rata baxxa ta' użu tal-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

41. Jirrimarka li l-elettrifikazzjoni tas-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport se taqdi rwol essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn is-setturi u se tirrikjedi żieda sostanzjali fil-provvista kbira tal-elettriku; jissottolinja f'dan ir-rigward l-importanza ta' politiki li jippermettu lill-industrija tal-enerġija tipprovdi elettriku newtrali għall-karbonju suffiċjenti, affidabbli u bi prezz kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlaqqa' flimkien lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tkun tista' ssir din it-tranżizzjoni;

42. Jistieden lil-livelli kollha ta' gvern, kemm jekk nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex idaħħlu fis-seħħ miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġi stimulat l-iskambju tal-aħjar prattiki;

Il-Politika Industrijali

43. Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin; itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li se jkunu meħtieġa investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inkluż f'teknoloġiji diġitali, u se tkun meħtieġa teknoloġija nadifa biex jiġi stimulat it-tkabbir, tissaħħaħ il-kompetittività, tingħata spinta lill-ħiliet futuri u jinħolqu miljuni ta' impjiegi, pereżempju f'ekonomija ċirkolari u f'bijoekonomija dejjem akbar;

44. Jenfasizza li qafas ta' politiki stabbli u prevedibbli dwar l-enerġija u l-klima huwa essenzjali biex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-investituri li hija meħtieġa ħafna u l-industriji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul fl-Ewropa, peress li l-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet industrijali taqbeż l-20 sena;

45. Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv biex jinkiseb it-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE; iqis li ż-żamma tat-tmexxija industrijali u l-produzzjoni industrijali ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-UE, tippreserva l-kompetittività tal-industriji Ewropej, timminimizza d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-esponiment għal prezzijiet volatili u prezzijiet fuq l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili li qed jiżdiedu, u li l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jitlob oqfsa ta' politika intelliġenti u fil-mira; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva b'emissjonijiet netti żero;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti fuq livell globali b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja, u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali biex tipproteġi lill-industriji fir-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-karbonju;

47. Jissottolinja li billi jkunu parti mill-ewwel ekonomija ewlenija biex tiġi segwita n-newtralità tal-klima, in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jiksbu l-vantaġġ tal-innovatur fis-swieq nazzjonali biex issir il-mexxejja globali fil-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni jew it-teħid ta' azzjoni insuffiċjenti biex jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050 se jirriżulta fi spejjeż ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment inġustifikabbli u se jxekkel b'mod effettiv il-kompetittività futura tas-settur industrijali tal-Ewropa;

48. Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw lilhom infushom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'emissjonijiet żero u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tibqa' l-ekonomija ewlenija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika;

49. Jinnota li r-rapport għall-2018 tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa jenfasizza l-esponiment għoli kontinwu tal-UE għal prezzijiet tal-fjuwils fossili volatili u li qed jiżdiedu u li l-ispejjeż futuri tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija li jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li fl-2017 l-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota wkoll li skont l-istimi tar-rapport, iż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);

Kontributi ta' setturi oħra

50. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki attwali mhux se jkun biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tal-UE ta' CO2; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu passi deċiżivi biex jagħtu aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi lill-konsumaturi fl-Istati Membri kollha filwaqt li jevitaw użu akbar ta' vetturi qodma li jniġġsu ħafna fl-Istati Membri b'introjtu aktar baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti fl-istabbiliment ta' sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

51. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità tal-klima għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi jridu jikkontribiwxxu s-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rispettivament, anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ ma jiksbux it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti konformi mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u l-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; ifakkar li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali huma previsti li jiżdiedu anke b'250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jinnota, madankollu, bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra;

52. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr kemm jista' jkun Aġenda Ewropea għas-Settur Ferrovjarju, inkluż qafas biex jitneħħew l-ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni mgħaġġla ta' netwerk ferrovjarju ta' veloċità għolja interoperabbli fl-UE u l-mobilizzazzjoni ta' investimenti mtejba f'konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja;

53. Jinnota li madwar 60 % tal-metan tad-dinja jiġi rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u l-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, 28 darba aktar mis-CO2[7] u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jista' jkollu kobenefiċċji importanti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u l-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; jinsisti għalhekk fuq l-importanza li l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kkonċernati jitnaqqsu u li t-tnaqqis tal-metan jiġi promoss b'mod internazzjonali;

54. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet politiċi biex jiġu indirizzati b'mod rapidu l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u biex tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament u lill-Kunsill għal dan il-għan; jenfasizza li l-agrikoltura se ssir wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju permezz ta' innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;

55. Jitlob politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, huma konformi mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

56. Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; jissottolinja għalhekk l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni tal-UE komuni biex jiġu ppreservati u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju;

57. Jiddispjaċih għall-fatt li l-possibbiltà li l-azzjoni tal-UE dwar il-gassijiet serra fluworinati tissaħħaħ għadha ma tteħditx mill-Kummissjoni, inklużi miżuri li jimpedixxu l-kummerċ illegali fl-idrofluworokarbur (HFCs) permezz tal-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC;

58. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża l-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE huma kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss issaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-setturi affettwati;

59. Jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-azzjoni klimatika skont ir-reġjuni, l-ibliet u l-irħula u tippermettilhom jaġixxu bħala katalist għal tranżizzjoni ulterjuri;

Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-foresti fil-kuntest ta' bijoekonomija sostenibbli

60. Jappoġġja l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti biex tiġi inċentivata bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, minħabba l-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tal-effetti ta' sekwestru, ħżin u sostituzzjoni) u l-ilħuq tal-objettiv ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

61. Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkomplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jsaħħu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; jappoġġja għalhekk l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u marġinalment produttiva, l-agroforestrija u l-minimizzazzjoni tal-konverżjoni taż-żoni forestali għal użi oħra tal-art;

62. Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali li jinsabu barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero għandha tiżgura li l-azzjoni tal-UE ma jkollhiex effetti klimatiċi dannużi f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippromwovu regoli internazzjonali sodi fil-qafas tal-Ġabra ta' Regoli ta' Pariġi, speċjalment dawk relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-kontabbiltà u l-għadd doppju ta' miżuri ta' afforestazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-isforzi klimatiċi globali;

Riċerka u innovazzjoni

63. Jenfasizza li l-UE u r-riċerka nazzjonali u l-programmi tal-innovazzjoni huma kruċjali għall-appoġġ tal-Unjoni fir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jemmen li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata b'mod adegwat fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni;

64. Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport tal-Bord ta' Livell Għoli dwar il-Perkorsi ta' Dekarbonizzazzjoni (HLP)[8] dwar ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-isforzi biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li dan iqiegħed lill-UE f'vantaġġ kompetittiv fit-tellieqa għad-dekarbonizzazzjoni; jinnota s-sett ta' rakkomandazzjonijiet tematiċi u trasversali prodotti mill-HLP, b'mod partikolari fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-Programm Qafas il-ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027, Orizzont Ewropa;

65. Iqis li se jkunu meħtieġa sforzi sostanzjali fir-riċerka u l-innovazzjoni matul l-għoxrin sena li ġejjin sabiex is-soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli u disponibbli għal kulħadd, u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra;

66. Jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu dwar Orizzont Ewropa, kemm dwar il-bżonn li jsir kontribut ta' mill-inqas 35 % tan-nefqa tiegħu b'appoġġ għall-objettivi klimatiċi kif xieraq kif ukoll bħala parti mill-objettiv ġenerali tal-Unjoni favur l-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi;

Finanzjament

67. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda anke fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; jitlob li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFF) 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;

68. Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv kemm bħala atturi kif ukoll bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' trasformazzjoni industrijali tal-UE biex tattira investimenti fl-iżvilupp ta' teknoloġiji u prodotti b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u biex tiffaċilita l-proġetti pilota industrijali meħtieġa għal teknoloġiji rivoluzzjonarji fuq skala kummerċjali;

69. Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan se jirrikjedi ppjanar u stabbiltà regolatorja fit-tul u prevedibbiltà għall-investituri u, skont dan, konsiderazzjoni dovuta fir-regolamenti futuri tal-UE; jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandha jingħata prijorità, inklużi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

70. Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard biex jiġi żgurat li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;

71. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena[9]; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jneħħu minnufih is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-fjuwils fossili kollha;

72. Jenfasizza l-importanza ta' tranżizzjoni ġusta għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki u finanzjament xierqa f'dan ir-rigward; jenfasizza li n-nefqa tal-UE minn fondi rilevanti tista' tipprovdi appoġġ addizzjonali fejn xieraq; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Fond ta' Modernizzazzjoni tal-ETS se jappoġġja l-investimenti fi tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni li jiddependu fuq il-karbonju;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

73. Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, inkluż fis-sistema tal-ikel kollha u fis-settur tat-trasport u b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;

74. Jinnota li l-istatistika mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tindika li l-konsum totali tal-prodotti tal-laħam u mill-annimali per capita fl-UE28 naqas mis-snin disgħin u jekk din it-tendenza li tinsab għaddejja tiġi appoġġjata flimkien ma' miżuri tekniċi ta' mitigazzjoni min-naħa tal-provvista, dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-produzzjoni agrikola;

75. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija, iżda wkoll sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, jiġifieri tissostitwixxi l-prodotti u l-materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu emissjonijiet kbar matul il-produzzjoni bi prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

76. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li approċċi mtejba dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u se jnaqqsu l-ammont ta' skart;

77. Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-impronta tal-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

78. Jinnota li s-suċċess tat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali għall-klima se jiddependi fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn taċ-ċittadini, li jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta' effiċjenza fl-enerġija u enerġija rinnovabbli fuq il-post jew permezz ta' teknoloġiji rinnovabbli fil-qrib;

79. Iqis li għandha titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jinnota l-konklużjoni fl-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tagħha huma xi ftit jew wisq stabbilizzati mill-importazzjonijiet ta' beni b'marka tal-karbonju ogħla, iżda li minkejja dan, l-UE kkontribwiet b'mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss kummerċjali u fit-titjib fl-effiċjenza tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

80. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u diplomazija klimatika effettiva bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni f'reġjuni u pajjiżi terzi oħra; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lil pajjiżi terzi, li għandha tiġi b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandhiex tingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

81. Jenfasizza s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU li se jsir f'Settembru 2019 bħala l-mument it-tajjeb biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini tal-NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament tal-NDC tagħha ferm minn qabel, sabiex fis-summit tkun ippreparata sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali tal-Partijiet b'appoġġ għal ambizzjoni msaħħa fil-qasam tal-klima;

82. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra mill-Ewropa sabiex issegwi aktar tnaqqis tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti mtejba ta' kompetizzjoni fuq livell dinji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali sabiex jiġi żgurat tnaqqis reali u addizzjonali tal-gassijiet serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi regoli internazzjonali stretti u robusti biex timpedixxi lakuni fil-kontabbiltà u fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

°

° °

83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

[2] Il-Programm Ambjentali tan-NU, "Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2018", p. 10.

[3] Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[4] Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

[6] Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

[7] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210

[8] "Final Report of the High-Level Panel of the European Decarbonisation Pathways Initiative" (Rapport Finali tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Perkorsi ta' Dekarbonizzazzjoni), Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Novembru 2018.

[9] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001 final, paġni 10-11.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali