Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0201/2019

Testi mressqa :

B8-0201/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0201/2019</NoDocSe>
PDF 188kWORD 58k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tibdil fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima</Titre>

<DocRef>(2019/2582(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Jadwiga Wiśniewska, Zdzisław Krasnodębski</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8‑0201/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

 wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-COP24 f'Katowice rriżultat fl-adozzjoni tal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice li tipprevedi ċarezza legali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

B.  billi tliet snin wara l-konklużjoni storika tal-Ftehim ta' Pariġi, il-belt kapitali Franċiża rat taqlib soċjali qawwi marbut mal-politiki dwar il-klima; billi dan juri li d-dispożizzjonijiet soċjali huma essenzjali sabiex tiġi limitata kwalunkwe konsegwenza ekonomika negattiva mil-leġiżlazzjoni dwar il-klima; billi l-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice hija tentattiv biex tinbena politika dwar il-klima li ma tħalli lil ħadd barra;

C.  billi l-UE hija responsabbli għal inqas minn 10 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra (GHG) u ma tistax tikseb l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi waħedha; billi hija biss azzjoni globali li tinvolvi l-akbar ekonomiji fid-dinja li tista' twassal biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

D. billi l-Ftehim ta' Pariġi kien possibbli biss meta l-partijiet telqu l-kunċett ta' dekarbonizzazzjoni sħiħa, u minflok ippromwovew bilanċ bejn l-emissjonijiet u l-bjar (newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju);

E. billi l-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għandha dejjem tkun akkumpanjata minn strateġija li tassisti lir-reġjuni affettwati ħafna, b'mod partikolari lir-reġjuni tal-minjieri tal-faħam, biex iwettqu tranżizzjoni ġusta li tgħin lil dawn ir-reġjuni iżommu l-postijiet tax-xogħol u jiksbu appoġġ pubbliku għall-politika dwar il-klima;

F. billi l-politika fit-tul tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandha tqis il-kapaċitajiet infrastrutturali differenti tal-Istati Membri;

1. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-klima u mill-estremitajiet klimatiċi fl-Unjoni ammonta għal madwar EUR 12,8 biljun bejn l-2010 u l-2016;

2. Jinnota li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 °C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat tirrikjedi tranżizzjonijiet rapidi u estensivi fl-infrastruttura tal-enerġija, tal-art u dik urbana (inklużi t-trasport u l-bini), kif ukoll tas-sistemi industrijali fuq skala mingħajr preċedent u dan ikun jimplika tnaqqis kbir tal-emissjonijiet fis-setturi kollha, portafoll wiesa' ta' għażliet ta' mitigazzjoni u żieda sinifikanti ta' investimenti f'dawk l-għażliet;

3. Jinnota r-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali li jsib li l-kontributi inkondizzjonati attwali stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm inqas minn 2 C, u minflok dan iwassal għal stima tat-tisħin fit-temperatura ta' 3,2 C[2] sal-2100; jenfasizza l-urġenza li l-Partijiet kollha għall-UNFCCC iżidu l-impenji klimatiċi tagħhom fi żmien xieraq;

4. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija fit-tul intitolata "Pjaneta nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju ġġib għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija tal-Ewropa, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, is-settur tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-bliet u l-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini; jitlob lill-Kunsill jaqbel dwar perkors kosteffikaċi biex jinstab bilanċ bejn l-emissjonijiet u l-bjar f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju

5. Jinnota li l-istrateġija fit-tul tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-objettiv fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li tnejn minnhom jippermettu lill-Unjoni tilħaq in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livelli kollha, minn dawk lokali u reġjonali sa dawk nazzjonali u Ewropej bl-involviment ukoll tal-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi l-fatt li l-kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza[3] li għandu jiggwida l-azzjoni tal-UE; jissottolinja r-rwol ta' approċċ teknoloġikament newtrali biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

6. Ifakkar li skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE huwa mistenni li jiżdied aktar taħt xenarji li jkunu newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju milli f'xenarji bi tnaqqis aktar baxx tal-emissjonijiet, bl-effetti fiż-żewġ każijiet jinxterdu b'mod mhux uniformi fl-UE kollha minħabba differenzi fost l-Istati Membri, inter alia, f'termini tal-PDG per capita u l-intensità tal-karbonju fit-taħlitiet nazzjonali differenti tal-enerġija;

7. Jinnota bi tħassib li llum il-ġurnata, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li taħt xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, din tonqos għal 20 % sal-2050, filwaqt li taffettwa b'mod pożittiv il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE;

8. Jinnota li l-perkorsi biex tintlaħaq in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju jinkludu għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-użu tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis, madankollu, li l-istrateġija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tal-UE għandha tagħti prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jippreservaw u jsaħħu l-bjar u r-riservi naturali, u għandha timmira biss lejn l-użu ta' teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet;

9. Jenfasizza li sakemm tiġi ppruvata l-fattibbiltà ta' dawk it-teknoloġiji, kwalunkwe perkors lejn l-2050 jew lil hinn fit-tieni nofs tas-seklu għandu jkun ibbażat fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta' teknoloġiji ta' tranżizzjoni ewlenin filwaqt li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti fost l-Istati Membri billi tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni li jagħmlu l-akbar użu mill-karbonju u jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi emittenti kollha;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

10. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju mingħajr telf nett ta' impjiegi u jinnota b'mod pożittiv il-valutazzjoni dettaljata tat-tranżizzjoni fl-industrija li tuża ħafna enerġija; jenfasizza li, jekk tiġi mmaniġġjata sew bl-appoġġ xieraq għal reġjuni, setturi u ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta tal-impjiegi fl-Unjoni; jinnota, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa verifika tal-ħiliet imġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u l-persuni l-aktar vulnerabbli jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur f'dawn ir-reġjuni;

11. Jenfasizza li t-tranżizzjoni jeħtieġ li tkun ġusta għall-partijiet kollha tas-soċjetà; jinnota li dan jirrikjedi fehim ta' tranżizzjoni ġusta li jinkorpora l-impatti negattivi u pożittivi assoċjati ma' azzjoni klimatika aċċellerata, bħat-telf ta' impjiegi u opportunitajiet ta' impjiegi ġodda;

12. Jemmen li t-tranżizzjoni klimatika tal-Ewropa trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki relatati mal-klima u mad-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq persuni bi dħul baxx; iqis, għalhekk, li l-impatti soċjali għandhom jitqiesu bis-sħiħ fil-politiki kollha tal-UE u nazzjonali dwar il-klima bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa;

13. Itenni li ċertu livell ta' flessibbiltà fil-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima jimmitiga l-kostijiet soċjali, b'mod partikolari f'reġjuni dipendenti fuq il-faħam u jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tagħhom;

14. Ifakkar li attwalment bejn wieħed u ieħor minn 50 sa 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu f'riskju ta' faqar enerġetiku[4]; jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq persuni bi dħul baxx u tkompli żżid il-faqar enerġetiku; jirrikonoxxi l-fatt li l-politika dwar l-enerġija trid tinkorpora d-dimensjoni soċjali u tiżgura li ħadd ma jitħalla barra; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

15. Jenfasizza li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej huma essenzjali biex l-Ewropa tikseb in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; iħeġġeġ biex il-livelli kollha tal-gvern nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw miżuri konkreti li jistimolaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn soċjetà dekarbonizzata;

Il-kontribut settorjali

16. Jenfasizza li eventwalment l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu fl-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima għas-setturi kollha;

17. Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju se teħtieġ investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena;

18. Jenfasizza li hemm modi differenti li bihom tintlaħaq ekonomija newtrali fir-rigward tal-klima u jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-perkorsi ta' tranżizzjoni tagħhom stess biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra abbażi tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom dwar l-enerġija u l-klima;

19. Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw ħafna enerġija biex jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE; iqis li ż-żamma tat-tmexxija industrijali u tal-produzzjoni industrijali tal-UE b'livell baxx tal-karbonju fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u l-prevenzjoni tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jeħtieġu oqfsa ta' politika intelliġenti u mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna enerġija b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu l-industrija tal-Ewropa tikkompeti fuq livell globali b'kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-industriji f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

21. Jenfasizza li, minħabba l-punti ta' tluq differenti tat-tranżizzjoni tal-enerġija, l-isforzi għat-tnaqqis tal-gassijiet serra sabiex tinkiseb in-newtralità għall-klima fil-livell tal-UE jistgħu ma jkunux mifruxa b'mod uniformi fl-UE;

22. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;

23. Jinnota li r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa[5] jenfasizza l-esponiment għoli kontinwu tal-UE għal prezzijiet tal-fjuwils fossili volatili u li qed jogħlew u li l-kostijiet futuri tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija li jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li fl-2017 il-kostijiet tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota li r-rapport jikkalkula li ż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);

24. Ifakkar li 71 % tal-enerġija kollha tintuża għat-tisħin tal-post biss; jaqbel mal-Kummissjoni li d-djar effiċjenti fl-enerġija se jsiru n-norma f'UE newtrali għall-klima, filwaqt li jipprovdu saħħa u kumdità aħjar għall-Ewropej kollha;

25. Jenfasizza r-rwol ċentrali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' sorsi ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, peress li attwalment l-enerġija hija responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Ewropa;

26. Jitlob sistema tal-enerġija ferm effiċjenti fl-enerġija li tkun ibbażata fuq sorsi b'emissjonijiet baxxi li ma jipperikolawx is-sigurtà tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward, billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha;

27. Jirrikonoxxi r-rwol għall-qbid u l-ħżin tal-klima (CCS) attribwit fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali ta' 1.5 °C f'ħafna mix-xenarji ta' 1,5 °C; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE jkollha ambizzjoni akbar f'dan il-qasam; jieħu nota barra minn hekk tal-miri stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET) biex is-CCS jiġu implimentati fuq skala kummerċjali fis-settur tal-enerġija u dak industrijali Ewropew fis-snin 2020; iqis li jeħtieġ li fil-proċessi industrijali jiżdied l-użu tal-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) u tas-CCS ambjentalment sikuri, li jwassal għal tnaqqis nett tal-emissjonijiet bl-evitar tal-emissjonijiet jew bil-ħżin permanenti tas-CO2;

28. Jirrimarka li l-elettrifikazzjoni tas-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport se tiżvolġi rwol essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn is-setturi u se tirrikjedi provvista futura affidabbli tal-elettriku u kapaċità ta' ħżin imtejba;

29. Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tad-diossidu tal-karbonju tal-UE; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu l-aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw iż-żieda fl-użu ta' vetturi qodma, li jniġġsu ħafna fi Stati Membri bi dħul baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti, bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti, biex jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

30. Jissottolinja li l-UE għandha tippromwovi r-rwol u l-isforzi tar-reġjuni, tal-ibliet u tal-ibliet żgħar; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma tal-Patt tas-Sindki tal-UE li jirrappreżenta 200 miljun ċittadin Ewropew u tippermettilhom jaqdu rwol ta' katalizzaturi biex issir tranżizzjoni ulterjuri;

Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-foresti fil-kuntest ta' bijoekonomija sostenibbli

31. Jappoġġja l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti biex tiġi inċentivata bijoekonomija effiċjenti u sostenibbli tal-UE, minħabba l-potenzjal kbir tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tal-effetti tal-qbid, il-ħżin u s-sostituzzjoni) u l-ilħuq tal-objettiv ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

32. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ssir aktar kummerċjalment kompetittiva u li jiġu appoġġjati miżuri prattiċi b'effetti sinifikanti ta' ħżin u ta' qbid bħall-użu tal-injam bħala materjal tal-bini kemm fl-ibliet kif ukoll fiż-żoni rurali, bħala b'sostituzzjoni tal-fjuwils fossili u bħala għodda għal titjib fiż-żamma aħjar tal-ilma;

33. Jirrakkomanda li jiġi ffukat sforz kbir fuq l-agroforestrija u l-kisbiet tassew reali li għandhom jinkisbu – ekoloġikament u fil-bijodiversità – bl-inkorporazzjoni tas-siġar u tal-veġetazzjoni varja f'art agrikola operattiva;

34. Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; jemmen li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkumplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' qbid, filwaqt li jiżguraw u jsaħħu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija u għall-bijodiversità sostenibbli; jappoġġja, għalhekk, l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u produttiva b'mod marġinali, l-agroforestrija u t-tnaqqis fil-konverżjoni taż-żoni forestali għal użi oħra tal-art;

Finanzjament u riċerka

35. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' innovazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u għall-bidu tal-ewwel sejħa għal proposti fl-2019, sabiex tingħata spinta lill-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss fil-produzzjoni tal-elettriku, iżda wkoll fil-proċessi tat-tisħin distrettwali u industrijali; jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;

36. Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan jeħtieġ ippjanar fit-tul u stabilità regolatorja u prevedibbiltà għall-investituri u li dan jitqies fir-regolamenti futuri tal-UE;

37. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq fond ta' tranżizzjoni ġust, speċjalment għar-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, partikolarment reġjuni b'minjieri tal-faħam, flimkien ma' kunsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament klimatiku eżistenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' aċċettazzjoni pubblika wiesgħa tal-istrateġija fit-tul, minħabba l-bidliet meħtieġa f'xi setturi;

38. Jenfasizza li l-bilanċ ġeografiku fid-distribuzzjoni tal-appoġġ minn programmi ta' riċerka u innovazzjoni fost l-Istati Membri huwa essenzjali għall-kontribut effettiv tagħhom lejn ekonomija newtrali għall-klima;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

39. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija, iżda wkoll sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, jiġifieri tissostitwixxi l-prodotti u l-materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu ħafna emissjonijiet matul il-produzzjoni bi prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

40. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li hu possibbli li jsir iffrankar ferm sinifikanti f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-ħela tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u ta' impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li l-effiċjenza mtejba tar-riżorsi u l-approċċi tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll id-disinn ta' prodotti ċirkolari, se jgħinu biex ikun hemm bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u jitnaqqas l-ammont ta' skart;

41. Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-marka tal-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

42. Jinnota li s-suċċess tat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali għall-klima se jiddependi fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn taċ-ċittadini, li jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta' effiċjenza fl-enerġija u enerġija rinnovabbli fuq il-post jew permezz ta' teknoloġiji rinnovabbli fil-qrib;

43. Iqis li jenħtieġ li titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jieħu nota tal-fatt li abbażi tal-mudelli eżistenti, l-analiżi fil-fond tikkonkludi li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-produzzjoni tagħha b'xi mod jiġu kkumpensati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti li jkollhom marka tal-karbonju ogħla;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

44. Jenfasizza l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti u ta' diplomazija effettiva dwar il-klima bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima f'reġjuni u pajjiżi terzi oħrajn peress li azzjoni globali biss tista' tagħmel differenza biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-livell dinji;

45. Jiddispjaċih għall-fatt li ħafna ekonomiji ewlenin oħra għadhom ma bdewx jaħdmu fuq strateġiji fit-tul u kważi m'hemm l-ebda dibattitu f'ekonomiji ewlenin oħra biex jiżdiedu l-NDCs biex dawn isiru konformi mal-objettiv globali skont il-Ftehim ta' Pariġi; jitlob għalhekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu d-diplomazija dwar il-klima u jieħdu miżuri xierqa oħrajn biex iħeġġu lil ekonomiji ewlenin oħrajn sabiex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi;

46. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra l-Ewropa sabiex ikun hemm aktar tnaqqis fl-emissjonijiet u ambjent ekwu mtejjeb madwar id-dinja; jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali li jiżguraw tnaqqis attwali u addizzjonali fil-gassijiet serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi regoli internazzjonali stretti u robusti relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġu evitati lakuni fil-kontabbiltà jew fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

°

° °

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

[2] UNEP "The Emissions Gap Report 2018", p. 10

[3] Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[4]http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf

[5] https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1548155579433&uri=CELEX%3A52019DC0001

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali