Proċedura : 2019/2670(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0222/2019

Testi mressqa :

B8-0222/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.11
CRE 28/03/2019 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0329

<Date>{25/03/2019}25.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0222/2019</NoDocSe>
PDF 183kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-iżviluppi riċenti rigward l-iskandlu "Dieselgate" </Titre>

<DocRef>(2019/2670(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Gerben-Jan Gerbrandy </Depute>

<Commission>{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE</Commission>

<Depute>Eleonora Evi, Piernicola Pedicini, Rosa D’Amato, Dario Tamburrano </Depute>

<Commission>{EFDD}f'isem il-Grupp EFDD</Commission>

<Depute>Kathleen Van Brempt, Seb Dance </Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Merja Kyllönen, Marisa Matias, Luke Ming Flanagan, Lola Sánchez Caldentey, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo </Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

<Depute>Bas Eickhout, Karima Delli </Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8-0222/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi riċenti rigward l-iskandlu "Dieselgate"

(2019/2670(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew[1],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/34 tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE[5],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6)[6],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku[9] (abbażi tar-rapport interim tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku),

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku tat-2 ta' Marzu 2017,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku[10],

 wara li kkunsidra d-dokument informattiv u analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-7 ta' Frar 2019 dwar ir-rispons tal-UE għall-iskandlu "Dieselgate",

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-13 ta' Diċembru 2018 fil-Kawżi Magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16[11],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1275/2018/EWM,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament kien talab rapport komprensiv mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat EMIS");

B. billi, fit-18 ta' Ottubru 2018, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska, bagħtet ittra lill-ex President tal-Kumitat EMIS b'tabella ta' azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-Kummissjoni bħala rispons għat-talba għal "rapport komprensiv dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS";

C. billi t-tabella mehmuża ma' din l-ittra kienet intiża biss biex tindirizza kwistjonijiet imqajma fir-rakkomandazzjonijiet u ma indirizzatx il-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u ksur tad-dritt tal-UE; billi l-Kummissarju Bieńkowska ssottolinjat diversi drabi fit-tabella li ċerti kwistjonijiet indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-mandat tagħha;

D. billi, fit-12 ta' Ottubru 2018, l-Ombudsman Ewropew ikkonfermat l-ilment li sar minn Membru tal-Parlament Ewropew u sabet li l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess pubbliku għall-pożizzjonijiet kollha tar-rappreżentanti tal-Istati Membri b'rabta ma' informazzjoni ambjentali jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina;

E. billi din l-imġiba ostruttiva min-naħa tal-Kummissjoni wasslet għal tnaqqis sinifikanti fir-ritmu tal-ħidma tal-Kumitat EMIS u, fost impatti negattivi oħra, ċekknet l-ammont ta' informazzjoni disponibbli għall-Membri tal-Parlament Ewropew huma u jagħmlu mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni waqt is-seduti ta' smigħ;

F. billi, fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tappoġġja l-azzjonijiet imressqa mill-bliet ta' Pariġi, Brussell u Madrid (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16) u annullat parzjalment ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646, li kien stabbilixxa limiti għoljin wisq għall-emissjonijiet ta' nitroġenu għat-testijiet ta' vetturi ħfief ġodda għall-passiġġieri jew ta' vetturi ħfief ġodda kummerċjali;

G. billi, fit-22 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tappella din is-sentenza, fattur li għandu mnejn itawwal l-iskadenza stabbilita mill-Qorti għaż-żamma tal-hekk imsejħa "fatturi ta' konformità";

H. billi, fis-6 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċeduri ta' ksur kontra seba' Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Spanja u r-Renju Unit, talli naqsu milli jistabbilixxu sistemi ta' penali biex jiskoraġġixxu lill-manifatturi tal-karozzi milli jiksru l-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-karozzi jew talli naqsu milli jimponu tali sanzjonijiet fil-każ tal-grupp Volkswagen;

I. billi, fis-17 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedura oħra ta' ksur rigward l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-grupp Fiat Chrysler Automobiles (FCA) u rigward il-fatt li l-Italja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li tadotta miżuri korrettivi u timponi sanzjonijiet fuq dan il-manifattur;

J. billi, minkejja l-fatt li dawn il-proċeduri – li għadhom għaddejjin kontra l-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit – tnedew aktar minn sentejn ilu, il-Kummissjoni għadha ma marritx lil hinn mill-istadju li tfittex aktar informazzjoni mill-Istati Membri permezz ta' ittri addizzjonali ta' intimazzjoni;

K. billi jidher li xi Stati Membri mhumiex qed jikkooperaw b'mod sinċier mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

L. billi, fi stqarrija għall-istampa maħruġa fis-16 ta' Ottubru 2018 dwar il-programm ta' ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) għall-2019, il-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, ħabbar li l-QEA kellha teżamina l-approċċ tal-UE għall-kejl tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex "jiġi stabbilit jekk l-UE hijiex twettaq dak li wiegħdet";

M. billi d-dokument informattiv u analitiku tal-QEA tas-7 ta' Frar 2019 dwar ir-rispons tal-UE għall-iskandlu "Dieselgate" indika li għad hemm numri kbar ta' karozzi niġġiesa ħafna fit-triq u osserva li s-sejħiet lura tal-vetturi li għaddejjin bħalissa kellhom impatt limitat fuq l-emissjonijiet ta' NOx, kif kellhom ukoll l-aġġornamenti tas-software mibdija f'dak ir-rigward;

N. billi l-Ġermanja tirrikjedi li l-manifatturi tal-karozzi Ġermaniżi joffru lis-sidien tal-karozzi programm ta' skambju jew modifika retroattiva għall-hardware b'sistema ta' riduzzjoni katalitika selettiva (RKS);

O. billi l-wirt li se jħallu l-vetturi diżil niġġiesa ħafna għadu fil-biċċa l-kbira ma ġiex affrontat, peress li tali vetturi se jibqa' jkollhom effett negattiv fuq il-kwalità tal-arja għal ħafna snin jekk l-ebda azzjoni koordinata effikaċi ma tittieħed mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet dannużi li jipproduċu tali vetturi, b'mod partikolari fiż-żoni li fihom tali vetturi jiġu esportati f'numri kbar;

P. billi, skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, il-kampanji ta' sejħiet lura tal-vetturi fl-Istati Membri jirrigwardaw biss għadd limitat ta' karozzi mid-ditti li ġejjin: Volkswagen, Renault, Daimler, Opel u Suzuki;

Q. billi diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-midja rrappurtaw li mudelli minn diversi ditti oħrajn urew imġiba suspetta fil-konfront tal-emissjonijiet jew qabżu l-limiti tat-tniġġis stabbiliti fid-dritt tal-UE;

R. billi xi Stati Membri, jiġifieri l-Bulgarija, l-Ungerija, l-Irlanda, is-Slovenja u l-Iżvezja, għadhom ma bagħtu l-ebda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta' sejħiet lura tal-vetturi;

S. billi r-rispons tal-Kummissjoni għall-iskandlu "Dieselgate" ma kienx jikkonsisti biss mir-reviżjoni tad-Direttiva 2007/46/KE, iżda kien jinkludi wkoll proposta għal direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (COM(2018)0184); billi din il-proposta hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom drittijiet ċari u jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kollettiva; billi dan il-fajl huwa fost il-ħafna li huma bblukkati fil-Kunsill;

 

 

T. billi l-President Juncker ippropona reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[13], sabiex l-Istati Membri jiġu obbligati jkunu aktar trasparenti rigward il-pożizzjonijiet li jadottaw fil-livell tal-kumitat; billi proċedura aktar trasparenti għall-adozzjoni tat-test tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) ma kinitx tippermetti lill-Istati Membri jdewmu l-proċedura indebitament, kif spjegat fil-konklużjonijiet tal-EMIS; billi dan il-fajl huwa wkoll fost il-ħafna li huma bblukkati fil-Kunsill;

U. billi wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Bank Ewropew tal-Investiment u Volkswagen AG waslu għal ftehim rigward parti ta' sottoproġett ta' self ta' EUR 400 miljun li ngħata fl-2009 u li tħallas lura kompletament fil-ħin fi Frar 2014;

V. billi, skont dan il-ftehim, il-Bank Ewropew tal-Investiment se jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu u Volkswagen AG, min-naħa tagħha, mhijiex se tipparteċipa minn jeddha fi kwalunkwe proġett tal-Bank Ewropew tal-Investiment matul perjodu ta' esklużjoni ta' 18-il xahar;

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1. Ifakkar li, skont l-Artikolu 17(8) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "il-Kummissjoni bħala grupp għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew"; jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kummissjoni, bħala grupp, ma ppreżentatx rapport komprensiv lill-Parlament li jindirizza kemm il-konklużjonijiet kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS;

2. Jiddeplora l-fatt li l-ittra mill-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska, lill-ex President tal-Kumitat EMIS, mhijiex biżżejjed, peress li mhux il-kwistjonijiet kollha jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissarju, kif iddikjarat fl-ittra, u l-ittra tonqos milli tindirizza l-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat rapport komprensiv minnufih, approvat mill-Kulleġġ sħiħ, lill-Parlament, kif rikjest mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu, li jindirizza mhux biss ir-rakkomandazzjonijiet, iżda anke l-qalba tal-kompitu investigattiv tal-inkjesta parlamentari, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u ksur tad-dritt tal-UE; iqis li l-Kummissjoni għandha tislet konklużjonijiet politiċi ċari abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS;

4. Jinnota li r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman tikkonferma li l-Kummissjoni xekklet b'mod sinifikanti l-ħidma ta' kumitat ta' inkjesta parlamentari uffiċjali; iqis li l-Kummissjoni għandha tislet konklużjonijiet politiċi ċari minn dan in-nuqqas;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aċċess għall-minuti tal-laqgħat tal-kumitati tekniċi, b'mod ġenerali, u għal dawk tal-Kumitat Tekniku għall-Vetturi bil-Mutur, b'mod partikolari;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar is-sejħa lura ta' vetturi, filwaqt li tiddeskrivi fid-dettall kif il-vetturi li jissejħu lura jridu jikkonformaw mar-regolamenti rilevanti tal-UE, fosthom bl-applikazzjoni ta' modifiki retroattivi tal-hardware meta l-aġġornamenti tas-software ma jiżgurawx il-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet;

7. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida tinkludi miżuri li jiżguraw li l-vetturi li jniġġsu ħafna ma jibqgħux fiċ-ċirkolazzjoni fis-suq tal-prodotti użati, inkluż fi Stati Membri u f'pajjiżi terzi oħra;

8. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri b'konformità mar-Regolament (UE) 2018/858;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bil-ħidma fl-ewwel stadju tal-proċeduri ta' ksur kontra l-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Italja, peress li dawn il-proċeduri ġew varati aktar minn sentejn ilu, u toħroġ opinjonijiet motivati;

10. Jilqa' d-deċiżjoni tal-QĠUE tat-13 ta' Diċembru 2018, li kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa li temenda, bħala parti mit-tieni pakkett tal-RDE, il-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx stabbiliti mill-istandard Euro 6; jinnota li l-QĠUE kkonkludiet ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi spjegazzjoni teknika sodisfaċenti għall-ħtieġa li l-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx jiġu aġġustati bl-introduzzjoni ta' fatturi ta' konformità; iqis li l-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx stabbiliti mill-istandard Euro 6 għandhom jiġu rrispettati f'kundizzjonijiet normali ta' użu u li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni hija li tfassal testijiet tal-RDE sabiex jirriflettu l-emissjonijiet fid-dinja reali;

11. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tappella s-sentenza tal-QĠUE fil-kawżi T-339/16, T-352/16 u T-391/16, u jitlob lill-Kummissjoni tbiddel id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-iżviluppi riċenti;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament jekk id-deċiżjoni biex tappella ttawwal l-iskadenza stabbilita mill-QĠUE sa meta l-fatturi ta' konformità jistgħu jibqgħu fis-seħħ;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-limiti ta' emissjonijiet fis-seħħ bħalissa, stabbiliti fir-Regolament 715/2007, li għandhom jiġu rispettati waqt kundizzjonijiet reali tas-sewqan skont dan ir-Regolament, u ma tintroduċi ebda koeffiċjent ta' korrezzjoni ġdid (jiġifieri fatturi ta' konformità) li jagħmlu dawn il-limiti legali inqas stretti;

14. Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport tal-OLAF wara l-investigazzjoni tiegħu b'rabta mas-self tal-BEI "Antrieb RDI" lil Volkswagen AG qatt ma sar pubbliku, u jiddispjaċih dwar id-dgħufija tal-miżuri meħuda mill-BEI;

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

15. Jistieden lill-Istati Membri biex, mingħajr dewmien, jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS;

16. Jiddispjaċih dwar l-approċċi differenti u n-nuqqas ta' koordinazzjoni mill-Istati Membri fis-sejħa lura ta' vetturi u fl-offerta ta' programmi ta' skambju; iqis li dawn l-approċċi differenti jikkompromettu l-interessi tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa taċ-ċittadini u l-funzjonament tas-suq intern;

17. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'urġenza l-miżuri meħtieġa biex isejħu lura jew jirtiraw mis-suq in-numru kbir ta' karozzi li jniġġsu ħafna, u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għal azzjonijiet ta' sejħa lura abbażi ta' linji gwida tal-Kummissjoni;

18. Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rekwiżiti ta' programmi ta' skambju u ta' modifiki retroattivi tal-hardware għall-manifatturi Ġermaniżi tal-karozzi mhumiex applikati barra l-Ġermanja jew għal manifatturi tal-karozzi oħra fl-Unjoni;

19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-manifatturi tal-karozzi jikkoordinaw modifiki retroattivi tal-hardware mandatorji għal vetturi diesel mhux konformi, inklużi modifiki retroattivi tal-hardware tar-riduzzjoni katalitika selettiva, biex inaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u jnaddfu l-flotta eżistenti; iqis li l-ispejjeż ta' dawn il-modifiki retroattivi għandhom jiġġarrbu mill-manifatturi tal-karozzi responsabbli;

20. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma pprovdew ebda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta' sejħa lura tagħhom biex jipprovdu tali informazzjoni mingħajr aktar dewmien;

21. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-effikaċja tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq u jittestjaw il-karozzi fiċ-ċirkolazzjoni lil hinn mill-parametri tal-RDE biex jiżguraw li l-manifatturi ma jottimizzawx il-vetturi għal dawn it-testijiet tal-RDE bl-użu tal-faċilitajiet tagħhom stess, kif issuġġerit fid-dokument informattiv u analitiku tal-QEA;

22. Jistieden lill-Istati Membri involuti fil-proċeduri ta' ksur rilevanti jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni u jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa;

23. Jistieden lill-Istati Membri ma jħallux lill-manifatturi tal-karozzi jużaw flessibbiltajiet ġodda fil-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP) bħala mezz biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' CO2;

24. Ifakkar lill-Istati Membri jiżguraw li l-karozzi kollha fl-istabbilimenti tal-vetturi jużaw biss il-valuri ta' CO2 tad-WLTP, biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tal-konsumaturi, u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jaġġustaw it-tassazzjoni tal-vetturi u l-inċentivi fiskali għall-valuri tad-WLTP, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li d-WLTP m'għandux ikollha impatt negattiv fuq il-konsumaturi;

25. Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu u jadotta b'urġenza approċċ ġenerali dwar il-proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament 182/2011;

26. Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni jattendu l-ewwel sessjoni parzjali tal-Parlament Ewropew f'April 2019 biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija li jkun fadal rigward il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-EMIS, ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u elementi oħra ta' din ir-riżoluzzjoni;

 

°

° °

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

[1] ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

[2] ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.

[3] ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

[4] ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

[5] ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

[6] ĠU L 109, 26.4.2016, p. 1.

[7] ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

[8] ĠU C 355, 20.10.2017, p. 11.

[9] ĠU C 204, 13.6.2018, p. 21.

[10] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.

[11] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles, Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni, T-339/16, T-352/16 u T-391/16, ECLI:EU:T:2018:927.

[12] Testi adottati, P8_TA(2019)0186.

[13] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali