Proċedura : 2019/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0228/2019

Testi mressqa :

B8-0228/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{25/03/2019}25.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0228/2019</NoDocSe>
PDF 148kWORD 54k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela</Titre>

<DocRef>(2019/2628(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Javier Couso Permuy, João Pimenta Lopes, João Ferreira, Miguel Viegas, Sabine Lösing, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Takis Hadjigeorgiou, Luke Ming Flanagan, Lola Sánchez Caldentey</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8‑0228/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela

(2019/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, Artikolu 1(2), tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945 u l-objettiv li n-nazzjonijiet jiżviluppaw "relazzjonijiet ta' ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u d-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom" u li jittieħdu "l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jgħidu li "l-popli kollha għandhom id-dritt jiddeċiedu għalihom infushom" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu liberament għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",

 wara li kkunsidra l-prinċipju ta' noninterferenza stabbilit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jgħid li l-membri kollha tan-NU għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe theddid jew użu tal-forza li jmur kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat jew li jkun inkonsistenti mal-objettivi tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra t-tħassib li reġa' tfaċċa dwar tentattivi ġodda ta' ndħil fi kwistjonijiet li huma essenzjalment fil-ġurisdizzjoni interna tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1, Artikolu 2(7) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-UE tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2015, li fiha l-firmatarji tennew l-impenn tagħhom favur l-objettivi u l-prinċipji kollha minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għal kull sforz biex titħares l-ugwaljanza sovrana tal-Istati kollha u jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Latino-Amerikan, partikolarment ir-rifjut ta' kwalunkwe tentattiv ta' ndħil barrani, dirett jew indirett, fl-affarijiet interni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-appelli tiegħu għal djalogu kostruttiv,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, fl-10 ta' Jannar 2019, il-President Nicolás Maduro Moros ħa l-inkarigu ta' President tar-Repubblika b'mod leġittimu u kostituzzjonali għal mandat li jkopri l-perjodu 2019-2025;

B. billi l-elezzjonijiet presidenzjali ġew antiċipati fuq talba tal-oppożizzjoni; billi, fl-aħħar minuta, l-oppożizzjoni ma ffirmatx il-ftehim politiku u elettorali mfassal fir-Repubblika Dominicana bil-medjazzjoni tal-ex Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero;

C. billi l-elezzjonijiet saru f'kundizzjonijiet imparzjali, ġusti u trasparenti taħt is-superviżjoni ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali bilanċjat u ngħataw biżżejjed garanziji lill-parteċipanti kollha;

D. billi 200 osservatur internazzjonali indipendenti, fosthom l-ex Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, l-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiprijott Markos Kyprianou u l-ex President tas-Senat Franċiż Jean-Pierre Bel, kienu preżenti għall-elezzjonijiet fuq stedina tal-awtoritajiet Venezwelani;

E. billi, fl-20 ta' Mejju 2018, Nicolás Maduro rebaħ l-elezzjonijiet bi 68 % tal-voti;

F. billi, apparti t-theddid dwar il-possibbiltà ta' intervent u t-tentattivi ta' kolp ta' stat, ir-rikonoxximent unilaterali ta' Juan Guaidó min-naħa tal-Istati Uniti, kif ukoll min-naħa ta' xi Stati Membri tal-UE u l-Grupp ta' Lima, se jservi biss biex jintefa' aktar ħatab fin-nar;

G. billi l-hekk imsejħa għajnuna umanitarja qed tiġi sfruttata u użata għal skopijiet politiċi; billi l-għajnuna umanitarja trid tkun konformi mal-prinċipji internazzjonali ta' newtralità u indipendenza;

H. billi l-impass attwali mhux se joħloq ħlief aktar tbatija għall-poplu tal-Venezwela;

I. billi hemm bżonn li tinstab soluzzjoni u li l-pajjiż joħroġ mis-sitwazzjoni li qiegħed fiha permezz tad-djalogu u b'mezzi paċifiċi;

J. billi l-Istati Uniti qed jiksru u jinjoraw kontinwament il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt internazzjonali u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' noninterferenza;

K. billi l-Istati Uniti u l-UE imponew sanzjonijiet fuq il-Venezwela;

1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Venezwelan; ifakkar li "l-popli kollha għandhom id-dritt jiddeċiedu għalihom infushom" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu liberament għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom"; jirrifjuta l-attakki kollha fuq id-demokrazija u s-sovranità tal-Venezwela;

2. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kriżi ta' bħalissa tista' tissolva biss permezz ta' aktar djalogu bejn il-Gvern Venezwelan u l-oppożizzjoni, u li d-djalogu politiku jibqa' l-unika triq għall-paċi fil-Venezwela u fir-reġjun tal-madwar; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha maħsuba biex tinstab soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni li qiegħed fiha l-poplu Venezwelan, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Montevideo, permezz ta' proċess ta' djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv;

3. Jitlob li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt internazzjonali, il-prinċipju ta' noninterferenza u l-multilateraliżmu jiġu rispettati;

4. Jirrakkomanda bil-qawwa kollha li s-sitwazzjoni attwali fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tissolva b'mezzi paċifiċi fil-qafas tal-Kostituzzjoni nazzjonali tagħha u b'rispett sħiħ għas-sovranità u l-integrità territorjali u d-dritt tal-poplu tagħha li jiddeċiedi għalih innifsu;  jilqa' l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'dan ir-rigward;

5. Jikkundanna bil-qawwa r-rikonoxximent unilaterali ta' Juan Guaidó bħala president ad interim min-naħa tal-Istati Uniti u ta' xi Stati Membri tal-UE u l-Grupp ta' Lima;

6. Jikkundanna t-theddid dwar il-possibbiltà ta' intervent militari u t-tentattivi ta' kolp ta' stat, li huma inaċċettabbli għalkollox u li jservu biss biex jintefa' aktar ħatab fin-nar;

7. Jiddeplora l-isfruttament li għaddej u l-użu tal-hekk imsejħa għajnuna umanitarja għal skopijiet politiċi; ifakkar li l-għajnuna umanitarja trid tingħata skont il-prinċipji internazzjonali ta' newtralità u indipendenza;

8. Jenfasizza li l-impass attwali huwa insostenibbli u mhux se joħloq ħlief aktar tbatija għall-poplu tal-Venezwela;

9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-periklu serju ta' gwerra ċivili u r-riskju li tinfirex fil-bqija tal-Amerka Latina;

10. Jitlob lill-Istati Uniti u lill-UE jirrispettaw id-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem u jneħħu s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra l-Venezwela, li qed ikomplu jżidu d-diffikultajiet li qed iħabbat wiċċu magħhom il-poplu;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament tal-Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-korpi reġjonali Latino-Amerikani, fosthom l-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerka t'Isfel (UNASUR), l-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerka Tagħna (ALBA) u l-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC).

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali