Proċedura : 2019/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0229/2019

Testi mressqa :

B8-0229/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0327

<Date>{25/03/2019}25.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0229/2019</NoDocSe>
PDF 163kWORD 58k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela </Titre>

<DocRef>(2019/2628(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Javier Nart, Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperä</Depute>

<Commission>{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0225/2019

B8-0229/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela

(2019/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[1], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil[2], u tal-25 ta' Ottubru 2018[3] u tal-31 ta' Jannar 2019[4] dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet l-aktar riċenti tal-Kunsill,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Amnesty International tal-20 ta' Frar 2019[5],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Frar 2019[6],

 wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-20 ta' April 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela[7], u d-dikjarazzjoni konġunta tal-istati membri tal-OAS dwar il-Venezwela tal-24 ta' Jannar 2019[8],

 wara li kkunsidra l-miżuri ta' prekawzjoni mogħtija mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) biex tipproteġi lil Juan Guaidó,

 wara li kkunsidra l-aġġornament orali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi umanitarja profonda, nuqqas ta' mediċini u ikel, sitwazzjoni ta' ksur estensiv tad-drittijiet tal-bniedem, iperinflazzjoni, oppressjoni politika, korruzzjoni u vjolenza; billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien iddeterjoraw b'mod serju u attwalment 87 % tal-popolazzjoni qed jgħixu fil-faqar;

B. billi l-qtugħ tal-elettriku riċenti fil-livell nazzjonali li għadu qed jaffettwa ċerti stati qed jikkontribwixxi għal deterjorament drammatiku ulterjuri tas-servizzi tas-saħħa u tal-provvista tal-ikel u tal-ilma; billi hemm il-biża' li se jkun hemm qtugħ ulterjuri tan-netwerk tal-elettriku u fil-provvista tal-ilma fil-jiem li ġejjin u billi r-reġim ma jistax jiggarantixxi dawn is-servizzi lill-popolazzjoni tiegħu stess;

C. billi n-nuqqas tal-elettriku aggrava l-kriżi drammatika fl-isptarijiet Venezwelani, li wkoll qed isofru, barra min-nuqqas ta' mediċini, minn nuqqas ta' investiment u manutenzjoni; billi għexieren ta' persuni mietu fi sptarijiet pubbliċi matul il-qtugħ tal-elettriku;

D. billi hemm ir-riskju li l-provvisti tal-ikel fil-Venezwela, li diġà huma limitati, ma jibqgħux tajba għall-konsum; billi n-nies qed isibuha diffiċli ħafna biex jiksbu l-ilma, l-ikel u l-mediċini;

E. billi l-qtugħ huwa konsegwenza ta' ġestjoni ħażina, nuqqas ta' manutenzjoni u korruzzjoni mir-reġim illegali ta' Nicolás Maduro;

F. billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), aktar minn 2.7 miljun Venezwelan telqu mill-pajjiż mill-2015 'l hawn u dan in-numru jista' jiżdied għal 5 miljun sal-aħħar tas-sena jekk il-kriżi tkompli tmur għall-agħar;

G. billi l-popolazzjoni Venezwelana qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u demokratika bla preċedent, hekk li aktar minn 3 miljun persuna telqu mill-pajjiż u r-rata tal-inflazzjoni qabżet il-1 650 000 %; billi aktar minn 1 miljun tifel u tifla ma għadhomx jattendu l-iskola;

H. billi l-kunflitti għadhom għaddejjin tul il-fruntieri mal-Brażil u l-Kolombja; billi l-fruntieri tal-art u dawk marittimi tal-Venezwela mal-Kolombja, il-Brażil u l-gżejjer ta' Aruba, Bonaire u Curaçao huma effettivament magħluqa;

I. billi l-għajnuna internazzjonali nġabret f'varji punti tul il-fruntieri mal-Kolombja u mal-Brażil, u qed jistennew biex din tidħol fil-pajjiż; billi Nicolás Maduro ċaħad ripetutament l-għajnuna internazzjonali, u ħalla parti mill-għajnuna tiddeterjora u b'hekk ikkawża aktar tbatija lill-popolazzjoni u żied it-tensjonijiet mal-fruntieri;

J. billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro użurpa b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

K. billi l-Parlament Ewropew u parti sinifikanti tal-komunità internazzjonali rrikonoxxew Juan Guaidó bħala president interim leġittimu tal-Venezwela fil-31 ta' Jannar 2019, iżda Maduro jżomm il-kontroll tal-forzi armati u tal-istituzzjonijiet statali;

L. billi Spanja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Litwanja, iċ-Ċekja u l-Estonja rrikonoxxew Guaidó bħala president interim wara li l-President fil-kariga Nicolás Maduro ma wera l-ebda intenzjoni li jsejjaħ elezzjoni ġdida; billi aktar minn 50 pajjiż issa rrikonoxxew lil Guaidó bħala president interim, inklużi 24 Stat Membru tal-UE;

M. billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-QKI fetaħ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela;

N. billi f'dawn l-aħħar sentejn, l-Unjoni impenjat aktar minn EUR 67 miljun f'assistenza umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp lill-Venezwela u hija lesta li żżid dan l-ammont;

O. billi l-protesti għadhom għaddejjin fil-Venezwela, b'mod partikolari f'Caracas; billi intensifikaw l-attakki u l-intimidazzjoni kemm mill-forzi tas-sigurtà kif ukoll mill-gruppi armati irregolari fil-konfront ta' ċivili, membri tal-oppożizzjoni u leġiżlaturi;

P. billi l-vidjows ippreżentati lill-OAS mill-eks-uffiċjal Ronald Dugarte, tenent tal-avjazzjoni, jipprovdu dettalji u juru każijiet ta' tortura rreġistrati bejn Diċembru 2018 u Frar 2019, u dawn jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

Q. billi sa mill-bidu tal-2019, 40 ġurnalist ġew detenuti bħala parti mir-repressjoni dejjem akbar kontra d-dissens u l-libertà tal-istampa, li ilha għaddejja għal bosta snin, iżda li intensifikat mill-10 ta' Jannar 2019;

R. billi, fil-21 ta' Marzu 2019, il-pulizija tal-intelligence Venezwelana arrestat lill-Kap tal-Kabinett ta' Juan Guaidó, Roberto Marrero, u daħlet bil-forza fid-dar ta' Sergio Vergara, membru tal-Assemblea Nazzjonali għall-Istat ta' Táchira, minkejja l-immunità parlamentari tiegħu;

S. billi l-forza tal-pulizija u s-servizz tal-intelligence militari Kubani huma l-element strateġiku li jippermetti l-eżistenza kontinwa tar-reġim illegali ta' Maduro;

T. billi s-Sibt, fit-23 ta' Jannar, żewġ ajruplani tal-Forza tal-Ajru Russa waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta' Simón Bolívar, f'Maiquetía, b'mill-inqas mitt suldat abbord, u billi avvenimenti analogi seħħew ripetutament f'dawn l-aħħar xhur;

1. Jesprimi tħassib serju dwar l-emerġenza umanitarja gravi fil-Venezwela, li qed tagħmel ħsara kbira lil ħajjet il-popolazzjoni tal-pajjiż;

2. Jappoġġja lil Juan Guaidó, il-president interim f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela u jistieden lill-VP/RGħ, flimkien mal-Istati Membri kollha, jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u jappoġġjaw il-pjan direzzjonali tiegħu biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda liberi, trasparenti u kredibbli u r-restawr tad-demokrazija; jilqa' l-fatt li sehem sinifikanti tal-komunità internazzjonali u l-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida; jiddispjaċih li ma nstabitx pożizzjoni komuni fil-Kunsill dwar din il-kwistjoni;

3. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li preżentement hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jingħatawlha lura u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha;

4. Itenni t-talba tiegħu għar-rikonoxximent sħiħ bħala ambaxxaturi tar-rappreżentanti diplomatiċi maħtura mill-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, Juan Guaidó, għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jilqa' r-rikonoxximent mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp u l-Korporazzjoni Inter-Amerikana tal-Investiment ta' Ricardo Hausmann bħala Gvernatur tal-Venezwela f'dawk l-entitajiet;

5. Jinsab diżappuntat dwar il-kriżi gravi reċenti tal-elettriku, ikkawżata minn ġestjoni ħażina, sottoinvestiment u korruzzjoni, li laħqet il-qofol tagħha fi qtugħ nazzjonali tal-elettriku fil-bidu ta' Marzu 2019 li dam aktar minn 100 siegħa, kompla jiggrava l-kriżi umanitarja u wassal għal għadd ta' mwiet, ikkawża kaos mal-pajjiż kollu, ipparalizza l-ajruporti u l-isptarijiet, u qata' s-servizzi telefoniċi u tal-internet u l-provvisti tal-ilma;

6. Jikkundanna l-imblokk mir-reġim illegali ta' Maduro tal-provvisti ta' għajnuna umanitarja meħtieġa b’mod urġenti; itenni li l-għajnuna umanitarja jeħtieġ li tidħol fil-pajjiż mingħajr xkiel u tilħaq lil dawk fil-bżonn, li qed jgħixu f'kundizzjonijiet ta' vulnerabbiltà estrema; jikkundanna l-azzjonijiet tar-reġim ta' Maduro tat-23 ta' Frar 2019, li żammew id-dħul ta' għajnuna umanitarja mogħtija b'donazzjoni minn diversi pajjiżi u miġbura fil-fruntieri mal-Kolombja u l-Brażil, u saħansitra qerdu din l-għajnuna umanitarja;

7. Jappoġġja l-membri tal-militar tal-Venezwela li rrifjutaw li jrażżnu lill-popolazzjoni ċivili waqt din il-kriżi u telqu; jirrikonoxxi l-ħidma tal-awtoritajiet Kolombjani fil-ħarsien u l-kura ta' dawn is-suldati dissidenti; iħeġġeġ lill-membri tal-persunal militari, speċjalment dawk f'pożizzjonijiet ta' kmand għoli, jirrifjutaw ordnijiet li jinvolvu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jappoġġjaw ir-rotta kostituzzjonali mmexxija mill-President interim Juan Guaidó;

8. Jilqa' bi pjaċir u jappoġġja bil-qawwa l-isforzi li saru minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) u l-UNHCR, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra, biex jgħinu lill-migranti u r-rifuġjati Venezwelani fil-Kolombja u l-Brażil ġirien, fost pajjiżi oħra;

9. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti li juru li l-preżenza tal-kriminalità organizzata fil-Venezwela, u l-espansjoni u l-operazzjoni transfruntiera tagħha, b'mod speċjali lejn il-Kolombja, qed tqiegħed f'sogru l-istabbiltà tar-reġjun;

10. Jitlob li s-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali eletta b'mod demokratiku jingħatawlha lura u jiġu rispettati; jitlob li jiġu rispettati l-immunità, il-libertà u s-sikurezza mogħtija mill-kostituzzjoni lill-membri kollha tal-Assemblea Nazzjonali u lill-President tal-Assemblea Juan Guaidó;

11. Jikkundanna l-attakki mis-servizzi tas-sigurtà ta' Maduro u d-detenzjoni ta' Robert Marrero, il-Kap tal-Kabinett tal-president interim Juan Guaidó, kif ukoll id-dħul furzat reċenti fid-dar tal-membru tal-Assemblea Nazzjonali Sergio Vergara; jitlob li Marrero jinħeles immedjatament; jikkundanna s-sekwestru tal-membru tal-Assemblea Nazzjonali Juan Requesens u jitlob il-ħelsien tiegħu;

12. Jieħu nota tal-istabbiliment tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali fuq l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea, li għandu l-għan li joħloq il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet presidenzjali bikrija u jiffaċilita l-għoti ta' għajnuna umanitarja; iħeġġeġ din l-inizjattiva biex isservi bħala mekkaniżmu effettiv għall-ksib ta' riżultati tanġibbli fuq medda qasira ta' żmien, speċjalment wara s-sitwazzjoni ta' emerġenza li ġarrab il-pajjiż tul dawn l-aħħar ġimgħat u l-laqgħa li saret f'Montevideo fis-7 ta' Marzu; jistieden lill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali jevita li jintuża mir-reġim ta' Maduro bħala strateġija biex jittardja r-riżoluzzjoni tal-kriżi, u biex jesplora b'mod urġenti modi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni Venezwelana u biex jiżdied l-appoġġ għar-rifuġjati Venezwelani li ħarbu lejn pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn minnu; jindika li l-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali jeħtieġ li jkun allinjat mal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, u jikkollabora mal-Grupp ta' Lima, għax dan hu l-attur reġjonali li mexxa l-oppożizzjoni għar-reġim ta' Maduro;

13. Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi politika; jinsisti li l-unika soluzzjoni għall-pajjiż hija l-elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli msejsa fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha u trasparenza, u fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

14. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Grupp ta' Lima, u l-isforzi li saru mill-pajjiżi membri tiegħu, bħala mekkaniżmu reġjonali li jfittex soluzzjoni demokratika għall-kriżi taħt it-tmexxija ta' Juan Guaidó bħala president interim leġittimu tal-Venezwela;

15. Jiġbed l-attenzjoni fuq il-kriżi migratorja u tar-rifuġjati akbar fir-reġjun kollu u jfaħħar l-isforzi u s-solidarjetà murija mill-pajjiżi ġirien, u jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tipprovdi għajnuna umanitarja iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

16. Itenni li l-kriżi umanitarja hija l-frott ta' kriżi politika; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe ksur kontra ċ-ċivili jintemmu minnufih, u li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda, ikunu rispettati għalkollox;

17. Jikkundanna bil-qawwa t-trażżin aħrax ta' dawk li jopponu u jiddenunzjaw ir-reġim, inklużi persunal militari, tobba, ħaddiema pubbliċi, avversarji politiċi, akkademiċi u studenti, membri tal-ġudikatura, komunitajiet indiġeni bħall-Pemon, u membri ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-vjolenza li wasslet għal każijiet ta' qtil u diżgrazzji; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela, kif ukoll il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb ta' dawk milquta; iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rispettati għalkollox;

18. Jitlob bħala kwistjoni ta' urġenza għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha, inkluż ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Leopoldo López u diversi ġurnalisti, li wħud minnhom huma ċittadini tal-UE;

19. Jappoġġa bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex issir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar id-diżgrazzji rrappurtati; ifakkar fl-impenn lejn il-multilateraliżmu, fil-qafas tal-prinċipju tan-NU, bħala impenn kollettiv miftiehem mill-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex jevita katastrofi umanitarja b'konsegwenzi akbar; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-rwol tal-QKI fil-ġlieda kontra l-impunità u biex dawk li wettqu l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iħallsu ta' għemilhom, u għall-ftuħ ta' investigazzjoni wara l-eżami preliminari f'delitti mwettqa mir-reġim ta' Maduro, inklużi wħud li huma delitti serji kontra l-umanità;

20. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex b'mod immedjat jadotta aktar sanzjonijiet kontra r-rappreżentanti tar-reġim illeġittimu tal-Venezwela li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u biex jespandi dawn is-sanzjonijiet biex jinkludu l-qraba tagħhom; jitlob li l-Kunsill jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet fuq il-kumpanija taż-żejt tal-istat PDVSA Holding;

21. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi implimenta "r-responsabbiltà ta' protezzjoni" li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha tan-NU, fil-konfront tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta' Maduro u d-deterjorament tal-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem;

22. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika ta' Kuba jtemm l-indħil tiegħu fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, għax dan qed jolqot ir-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Unjoni Ewropea;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

[5] Venezuela: Hunger, punishment and fear, the formula for repression used by authorities under Nicolás Maduro, Amnesty International, 20 February 2019 (Il-Venezwela: Ġuħ. kastigi u biża', il-formula repressiva użata mill-awtoritajiet tar-reġim ta' Nicolás Maduro, Amnesty International, 20 ta' Frar 2019).

[6] https://www.canada.ca/en/global-affairs/news/2019/02/lima-group-declaration-february-25-2019.html

[7] http://www.oas.org/en/media_center/press_release.asp?sCodigo=S-013/18

[8] https://usoas.usmission.gov/oas-member-states-issue-joint-statement-on-venezuela/

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali