Proċedura : 2018/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0230/2019

Testi mressqa :

B8-0230/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.10

Testi adottati :

P8_TA(2019)0328

<Date>{26/03/2019}26.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0230/2019</NoDocSe>
PDF 217kWORD 63k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0017/2019</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja </Titre>

<DocRef>(2018/2965(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Sophia in 't Veld</Depute>

<Commission>{LIBE}f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8-0230/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja

(2018/2965(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-opinjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-ħatra tal-imħallfin tal-qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-110 Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, l-10 u l-11 ta' Marzu 2017),

 wara li kkunsidra l-opinjoni dwar l-arranġamenti kostituzzjonali u s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi f'Malta, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, l-14 u l-15 ta' Diċembru 2018),

 wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta' Jannar 2019 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Skemi ta' Ċittadinanza u ta' Residenza b'Investiment fl-Unjoni Ewropea" (COM(2019)0012),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ[1] u l-istqarrija konġunta għall-istampa tad-29 ta' Jannar 2014 tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet Maltin dwar il-Programm tal-Investituri Individwali (IIP) ta' Malta,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja[5], kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja[6], tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[7], u tal-15 ta' Novembru 2017 dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u Martina Kušnírová[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni[11], kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015[12], tas-16 ta' Diċembru 2015[13] u tas-17 ta' Mejju 2017[14] dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija[15],

 wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Marzu 2018 dwar iż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-Slovakkja tas-7 sad-9 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport tat-30 ta' Jannar 2019 dwar il-missjoni għall-ġbir ta' fatti tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-Slovakkja tas-17 sad-19 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Jannar 2018 dwar iż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjonijiet u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA) f'Malta bejn it-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2017,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Novembru 2018 dwar iż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Malta u fis-Slovakkja mis-17 sal-20 ta' Settembru 2018,

 wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ u l-iskambji ta' fehmiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma b'mandat ġenerali biex jimmonitorja s-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-UE u biex jindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari ta' Malta u s-Slovakkja (Grupp ta' Monitoraġġ tal-Istat tad-Dritt), imwaqqaf fl-4 ta' Ġunju 2018 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, b'mod partikolari mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kumitat tiegħu ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL), mal-istituzzjonijiet u awtoritajiet nazzjonali, mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, ma' aġenziji tal-UE bħall-Europol, u ma' diversi partijiet interessati inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ma' informaturi f'Malta u fis-Slovakkja,

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja (O-000015/2019 – B8-0017/2019),

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Grupp ta' Monitoraġġ tal-Istat tad-Dritt (ROLMG) twaqqaf fl-4 ta' Ġunju 2018 b'mandat ġenerali biex jimmonitorja s-sitwazzjoni rigward l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-UE u jindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari f'Malta u fis-Slovakkja;

B. billi l-istat tad-dritt u r-rispett tad-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu osservati;

C. billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

D. billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

E. billi la s-sovranità nazzjonali u lanqas is-sussidjarjetà ma jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut sistematiku min-naħa ta' Stat Membru li jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li aderixxa magħhom liberament;

F. billi r-ROLMG kellu għadd ta' laqgħat ma' partijiet ikkonċernati differenti, b'enfasi ewlenija fuq is-sitwazzjoni f'Malta u fis-Slovakkja; billi kellu wkoll skambju wieħed ta' fehmiet dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Bulgarija wara l-qtil ta' Viktoria Marinova; billi d-detenzjoni temporanja tal-ġurnalisti Attila Biro u Dimitar Stoyanov, li kienu qed jinvestigaw allegazzjonijiet ta' frodi li jinvolvu fondi tal-UE fir-Rumanija u l-Bulgarija, ġiet diskussa wkoll f'dik il-laqgħa;

G. billi l-assassinji ta' Daphne Caruana Galizia f'Malta u ta' Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová fis-Slovakkja, u l-qtil ta' Viktoria Marinova fil-Bulgarija, ħasdu l-opinjoni pubblika Ewropea u kellhom effett dissważiv fuq il-ġurnalisti fl-UE;

H. billi l-investigazzjonijiet ta' dawn il-każijiet ta' qtil s'issa wasslu għall-identifikazzjoni ta' diversi persuni suspettati, mingħajr, madankollu, ma wasslu għal konklużjonijiet dwar l-imħuħ possibbli wara dawn id-delitti, għalkemm dan huwa l-aktar element importanti li jeħtieġ kjarifika; billi f'Malta tressqu l-Qorti tliet persuni, u billi l-investigazzjonijiet tal-pulizija u dawk maġisterjali dwar il-qtil għadhom għaddejjin;

I. billi r-ROLMG ma kienx f'pożizzjoni li jivverifika l-istat tal-investigazzjonijiet fl-aspetti kollha tagħhom, peress li l-awtoritajiet qajmu l-ħtieġa leġittima li jiżguraw il-kunfidenzjalità biex jissalvagwardjaw il-progress f'każijiet ta' qtil bħal dawn;

J. billi r-ROLMG irnexxielu jeżamina bosta oqsma ta' tħassib rigward l-istat tad-dritt f'Malta u fis-Slovakkja, b'mod partikolari f'dawk l-oqsma koperti mill-ħidma ta' Daphne Caruana Galizia u ta' Ján Kuciak;

K. billi r-ROLMG kien infurmat regolarment, inkluż mill-qraba ta' Daphne Caruana Galizia, rigward it-talba għal inkjesta pubblika sħiħa u indipendenti dwar il-qtil tagħha, b'mod partikolari rigward iċ-ċirkostanzi li ppermettew li dan iseħħ, ir-rispons tal-awtoritajiet pubbliċi, u l-miżuri li jistgħu jiġu stabbiliti biex jiżguraw li qtil bħal dan ma jerġax iseħħ;

L. billi l-livell ta' kooperazzjoni mal-Europol f'dawn l-investigazzjonijiet ivarja fost l-investigazzjonijiet imwettqa;

M. billi, b'mod partikolari fil-każ ta' Malta, id-Direttur preċedenti tal-Europol kien indika livell subottimali ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Europol – sitwazzjoni li s-suċċessur tiegħu sussegwentement ivvaluta li tjiebet u saret sodisfaċenti; billi r-rappreżentanti tal-Europol qalu lill-membri tar-ROLMG li l-investigazzjoni ma waqfitx mal-arrest tat-tliet persuni suspettati li huma l-awturi tad-delitt; billi esperti tal-Europol inħatru biex iwettqu kompiti speċifiċi fl-inkjesta maġisterjali;

N. billi, rigward il-konfiska tat-telefon tal-ġurnalist Pavla Holcová fis-Slovakkja, għad hemm nuqqas ta' ċarezza dwar il-mod kif dan inkiseb u dwar l-aċċess tal-Europol għad-data estratta minnu, għalkemm l-Europol indikat li kienet se tgħin fl-analiżi tat-telefon;

O. billi hemm tħassib serju dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fl-UE, inkluż f'Malta u fis-Slovakkja, u billi dan jhedded li jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi, b'mod li potenzjalment jirriżulta f'interkonnessjoni perikoluża bejn gruppi kriminali u l-awtoritajiet pubbliċi;

P. billi konsorzju kbir Ewropew ta' ġurnalisti investigattivi rriċerka u ppubblika b'mod wiesa' l-investigazzjonijiet li kienu ġew ippubblikati minn Daphne Caruana Galizia;

Q. billi, b'mod partikolari, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fl-UE mhijiex adegwata, inter alia minħabba l-lakuni li jeżistu fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, kif enfasizzat minn każijiet reċenti ta' infurzar insuffiċjenti kontra l-ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet bankarji kbar fi Stati Membri differenti;

R. billi l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kkonkludiet, fir-rakkomandazzjoni tagħha ta' Lulju 2018 lill-Unità ta' Analiżi tal-Intelligence Finanzjarja (FIAU) ta' Malta, li hemm "nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus" f'Malta, b'mod partikolari rigward il-każ tal-Pilatus Bank, filwaqt li rrikonoxxiet li l-Pjan ta' Azzjoni tal-FIAU kien "pass fid-direzzjoni t-tajba"; billi l-Kummissjoni sussegwentement sabet li "l-FIAU Maltija kisret l-obbligi tagħha" skont il-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, u li ma implimentatx bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-EBA; billi, għalhekk, il-Kummissjoni adottat l-opinjoni tagħha fuq dan il-każ f'Novembru 2018;

S. billi Malta tospita settur bankarju kbir, inklużi xi istituzzjonijiet bankarji partikolari li ma jikkonformawx mal-istandards u r-rekwiżiti regolatorji kollha, kif juru l-każ ta' Pilatus Bank u l-irtirar tal-liċenzja tiegħu mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);

T. billi r-rapport tal-inkjesta ''Egrant'' mhuwiex disponibbli għall-pubbliku; billi l-konklużjonijiet disponibbli ma jikkonfermawx l-allegazzjonijiet li jorbtu s-sjieda ta' Egrant Inc. mal-Prim Ministru Malti u martu; billi huma biss il-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ġustizzja, iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-Prim Ministru li għandhom aċċess għar-rapport ta' inkjesta sħiħ u mhux redatt;

U. billi sussegwentement ma tnediet l-ebda inkjesta biex tikxef is-sjieda benefiċjarja ta' Egrant, li għad trid tiġi ċċarata;

V. billi r-rivelazzjonijiet dwar is-sid benefiċjarju tal-kumpanija ''17 Black'' – li issa ntqal li huwa s-CEO ta' Tumas Group, li ngħata kuntratt mill-Gvern Malti biex jibni l-impjant tal-enerġija Electrogas f'Malta – ikomplu jissottolinjaw il-ħtieġa ta' aktar trasparenza rigward l-interessi finanzjarji u r-rabtiet mal-membri tal-gvern, bħaċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministru tat-Turiżmu kurrenti u ex Ministru tal-Enerġija;

W. billi ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministru tat-Turiżmu kurrenti u ex Ministru tal-Enerġija huma l-uniċi uffiċjali għolja tal-gvern fil-kariga fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE li nstabu li kienu sidien benefiċjarji ta' entità ġuridika mikxufa fil-Panama Papers; billi dan tal-aħħar xehed quddiem delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu tal-entitajiet tiegħu u għamel dikjarazzjonijiet li kkontradixxew id-dokumenti ppubblikati fil-Panama Papers;

X. billi n-nuqqas ta' sikurezza għall-ġurnalisti u t-tnaqqis tal-ispazju għas-soċjetà ċivili minħabba fastidju u intimidazzjoni qed jimminaw is-sorveljanza fuq is-setgħa eżekuttiva u jnaqqru l-impenn ċiviku taċ-ċittadini;

Y. billi l-ġurnalisti, u b'mod partikolari iżda mhux biss il-ġurnalisti investigattivi, qed jiffaċċjaw dejjem aktar l-hekk imsejħa ''Strategic Lawsuits Against Public Participation" (SLAPP, Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) kontrihom, maħsuba purament biex jiffrustrawlhom xogħolhom;

Z. billi l-familja ta' Daphne Caruana Galizia qed ikollha tiffaċċja kampanji ta' mibegħda u kawżi ta' libell saħansitra anke wara mewtha, inkluż minn Membri tal-Gvern Malti, u billi l-Viċi Prim Ministru indika li hu ma jemminx li jeħtieġ li dawn il-kawżi ta' libell jiġu rtirati;

AA. billi l-familja u l-ħbieb ta' Daphne Caruana Galizia, kif ukoll attivisti tas-soċjetà ċivili, qed ikollhom ukoll jiffaċċjaw sitwazzjoni kontinwa li tinvolvi t-tneħħija u l-qerda ta' oġġetti ta' kommemorazzjoni li tpoġġew fuq il-mafkar improvvizzat tagħha;

BB. billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar Malta, adottata fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2018[16], enfasizzat l-obbligu pożittiv tal-Istati li jipproteġu l-ġurnalisti bħala kwistjoni direttament relatata mal-istat tad-dritt, u insistiet li huwa obbligu internazzjonali tal-Gvern [ta' Malta] li jiżgura li l-midja u s-soċjetà ċivili jista' jkollhom rwol attiv biex iżommu l-awtoritajiet responsabbli[17];

CC. billi l-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat li l-istabbiliment tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji (JAC) fl-2016 kien pass pożittiv meħud mill-awtoritajiet Maltin, u enfasizzat ukoll li, madankollu, għad hemm diversi punti ta' tħassib fid-dawl tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, b'mod partikolari rigward l-organizzazzjoni tas-setgħat ta' prosekuzzjoni u l-istruttura ġudizzjarja, u b'rabta mas-separazzjoni u l-bilanċ ġenerali tas-setgħat fil-pajjiż, li b'mod ċar qed ixaqilbu lejn l-eżekuttiv, u b'mod partikolari lejn il-Prim Ministru li jgawdi minn sett ta' setgħat estensivi, anke f'diversi proċeduri ta' ħatra bħal dawk għall-membri tal-ġudikatura, u li dan mhuwiex akkumpanjat minn kontrolli u bilanċi sodi[18];

DD. billi l-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat li d-diviżjoni kurrenti tas-setgħat ta' prosekuzzjoni bejn il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali f'Malta tikkostitwixxi sistema ambigwa li hija problematika mill-perspettiva tas-separazzjoni tas-setgħat; billi hi nnotat ukoll li l-Avukat Ġenerali, li għandu setgħat ta' prosekuzzjoni filwaqt li huwa wkoll il-konsulent legali tal-gvern u jippresiedi l-FIAU, huwa l-okkupant ta' uffiċċju b'saħħtu ħafna li huwa problematiku mill-perspettiva tal-prinċipju ta' kontrolli u bilanċi demokratiċi u s-separazzjoni tas-setgħat[19];

EE. billi d-delegazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja nnotat li separazzjoni futura tar-rwoli tal-Avukat Ġenerali issa hija ġeneralment aċċettata f'Malta wara r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2013 għal Riforma Olistika tas-Sistema tal-Ġustizzja[20];

FF. billi l-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat li, minbarra l-kompiti ta' prosekuzzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-pulizija, il-maġistrati wkoll għandhom il-possibbiltà li jibdew inkjesti, u li jidher li m'hemm l-ebda koordinazzjoni bejn l-inkjesti u l-investigazzjoni tal-pulizija[21];

GG. billi l-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (PCAC) issofri minn nuqqasijiet rigward il-kompożizzjoni tagħha, peress li l-ħatriet tal-membri jiddependu fuq il-Prim Ministru, anke jekk jeħtieġlu jikkonsulta mal-oppożizzjoni, u wkoll rigward id-destinatarji tar-rapporti tiegħu, jiġifieri l-Ministru tal-Ġustizzja li m'għandux setgħat investigattivi, bir-riżultat li r-rapporti jwasslu għal investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet reali biss f'għadd limitat ħafna ta' każijiet[22];

HH. billi l-Kummissjoni ta' Venezja sabet li l-proċedura ta' ħatra għal Kummissarju tal-Pulizija għandha tkun ibbażata fuq kompetizzjoni pubblika; Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jitqies bħala politikament newtrali mill-pubbliku ġenerali[23];

II. billi Malta bdiet proċess esploratorju dwar riformi kostituzzjonali, taħt is-superviżjoni tal-President tagħha, li fih huma involuti forzi politiċi differenti u s-soċjetà ċivili, u billi ħafna minn dawn ir-riformi se jirrikjedu maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament biex jiġu implimentati;

JJ. billi l-monitoraġġ mill-Parlament Ewropew tas-sitwazzjonijiet tal-istat tad-dritt li sejrin għall-agħar fl-Istati Membri huwa parti vitali mid-demokrazija Ewropea, u billi l-format tal-Grupp ta' Monitoraġġ tal-Istat tad-Dritt jippermetti lill-Parlament li jsegwi mill-qrib u jżomm kuntatt mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili;

KK. billi, minkejja r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[24] li jgawdu appoġġ wiesa', il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għal mekkaniżmu komprensiv u indipendenti għall-monitoraġġ, fuq bażi annwali, tas-sitwazzjoni rigward id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRF) fl-Istati Membri kollha;

LL. billi l-użu ta' ''skemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment'' mill-Istati Membri tal-UE joħloq riskji serji għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, jimmina l-fiduċja reċiproka u l-integrità taż-żona Schengen, jippermetti l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biss abbażi tal-ġid akkumulat aktar milli abbażi ta' għarfien, ħiliet jew kunsiderazzjonijiet umanitarji utli, u jirriżulta fil-bejgħ reali taċ-ċittadinanza tal-UE; billi l-Kummissjoni ddikjarat b'mod espliċitu li m'għadhiex tapprova l-iskemi Maltin ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment;

MM. billi l-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment li jagħti stampa tal-prattiki eżistenti u jidentifika ċerti riskji li dawn l-iskemi jinvolvu għall-UE, b'mod partikolari rigward is-sigurtà, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni;

NN. billi l-gvern Malti kkonkluda ftehim kunfidenzjali mal-kumpanija privata Henley & Partners biex timplimenta ''l-iskema Maltija ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment'', hekk li mhuwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk il-proċeduri maqbula, il-volum tal-bejgħ, u termini oħra humiex konformi mad-dritt Malti, ma' dak tal-UE u dak internazzjonali, u ma' kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà;

OO. billi l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' residenza għall-applikanti għall-iskema Maltija ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment mhijiex konformi mal-kundizzjonijiet għal skemi bħal dawn maqbula mal-Kummissjoni fl-2014; billi l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni effikaċi biex tindirizza dan in-nuqqas ta' rispett tar-rekwiżiti ta' residenza;

PP. billi l-allegazzjonijiet rigward il-bejgħ ta' viżi mediċi u viżi ta' Schengen fil-Libja u fl-Alġerija minn uffiċjali Maltin għadhom ma ġewx investigati bis-sħiħ[25];

QQ. billi, waqt iż-żjara tad-delegazzjoni ROLMG, ġurnalisti fis-Slovakkja indikaw li qed joperaw f'ambjent fejn l-indipendenza sħiħa u s-sikurezza mhux dejjem jistgħu jiġu garantiti; billi, fil-każ ta' RTVS (Radju u Televiżjoni tas-Slovakkja), kien hemm każijiet ta' perċezzjoni ta' indħil politiku f'xogħol ġurnalistiku, bħal bil-ħruġ ta' linji gwida qosra għall-aħbarijiet;

RR. billi l-Att dwar l-Istampa Nazzjonali għaddej minn proċess ta' reviżjoni fis-Slovakkja, u billi dan jipprovdi opportunità biex jissaħħu l-libertà tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti;

SS. billi hemm rapporti ta' korruzzjoni u frodi fis-Slovakkja, inkluż b'fondi agrikoli tal-UE li jinvolvu l-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli, li jistħoqqilhom investigazzjonijiet profondi u indipendenti, li wħud minnhom qed jiġu tabilħaqq investigati mill-OLAF u li dwarhom il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament wettaq missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Slovakkja f'Diċembru 2018; billi s-Slovakkja għandha l-ogħla rati ta' irregolaritajiet u ta' detezzjoni tal-frodi tal-Istati Membri kollha tal-UE[26];

TT. billi l-membri tal-ROLMG għandhom tħassib dwar l-imparzjalità tal-infurzar tal-liġi u l-indipendenza tal-ġudikatura fis-Slovakkja, speċjalment fir-rigward tal-politiċizzazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi ta' għażla u ta' ħatra, bħal dawk għall-pożizzjoni ta' Kap tal-Pulizija;

UU. billi l-Prim Ministru tas-Slovakkja u membri oħra għolja tal-gvern, kif ukoll il-Viċi Prosekutur Ġenerali u l-Kap tal-Pulizija, irriżenjaw wara l-qtil ta' Ján Kuciak;

VV. billi l-proċess leġiżlattiv fis-Slovakkja rigward ir-riforma tal-għażla tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali ma tlestiex, u billi l-proċess ta' għażla li jmiss biex jissostitwixxi d-disa' mħallfin tal-qorti li se jirtiraw se jsir skont il-proċeduri eżistenti;

WW. billi, matul il-missjoni tagħhom, il-membri tad-delegazzjoni ROLMG ħadu nota tal-impenn muri minn diversi membri tal-persunal tal-awtoritajiet pubbliċi Slovakki u atturi tas-soċjetà ċivili biex jiddefendu l-istandards tal-istat tad-dritt;

XX. billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 tar-Reporters Mingħajr Fruntieri jikklassifika lis-Slovakkja fis-27 post, meta mqabbel mas-17-il post fl-2017, lil Malta fil-65 post, inżul mis-47 post, u lill-Bulgarija fil-111-il post, l-aħħar fost l-Istati Membri tal-UE, ukoll inżul mill-109 post fl-2017;

YY. billi Transparency International fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni annwali tagħha kklassifikat lil Malta fil-51 post (inżul mis-46 post fl-2017), lis-Slovakkja fis-57 post (inżul mill-54 post fl-2017) u lill-Bulgarija fis-77 post (inżul mill-71 post fl-2017); billi t-tliet pajjiżi kollha jirreġistraw punteġġ li huwa inqas mill-medja tal-UE b'mod sinifikanti[27];

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

1. Jikkundanna bil-qawwa l-isforzi kontinwi ta' għadd dejjem jikber ta' gvernijiet tal-Istati Membri biex idgħajfu l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi tħassib għall-fatt li, minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw leġiżlazzjoni biex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, għad hemm problemi fil-mod kif dawn l-istandards jiġu applikati;

2. Ifakkar li l-istat tad-dritt huwa parti mill-valuri kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE u prerekwiżit għall-protezzjoni tagħhom; jistieden lill-atturi rilevanti kollha fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, inklużi l-gvernijiet, il-parlamenti u l-ġudikatura, biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jirrispettaw u jsaħħu l-istat tad-dritt;

3. Jinnota bi tħassib kbir iż-żieda fit-theddid kontra l-ġurnalisti u l-libertà tal-midja, tqawwija tat-tmaqdir pubbliku u dgħajfien ġenerali tal-professjoni, aktar konċentrazzjoni ekonomika fis-settur u tkattir tad-diżinformazzjoni; ifakkar li demokrazija b'saħħitha bbażata fuq l-istat tad-dritt ma tistax tiffunzjona mingħajr ma r-raba' poter ikun b'saħħtu u indipendenti;

4. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jeżamina u jsegwi kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni u mill-Parlament rigward il-proċeduri ta' ksur u l-proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE, b'mod partikolari billi jieħu azzjoni rapida abbażi tal-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar il-Polonja, kif ukoll billi jqiegħed is-sitwazzjoni fl-Ungerija fuq l-aġenda tal-Kunsill bħala kwistjoni ta' prijorità, billi jinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura, u billi jistieden lill-Parlament jippreżenta l-proposta motivata tiegħu dwar l-Ungerija lill-Kunsill;

INVESTIGAZZJONIJIET U INFURZAR TAL-LIĠI

5. Jistieden lill-Gvern ta' Malta biex, mingħajr dewmien, iniedi inkjesta pubblika sħiħa u indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, b'enfasi partikolari fuq iċ-ċirkostanzi li ppermettew li dan il-qtil iseħħ, ir-rispons tal-awtoritajiet pubbliċi, u l-miżuri li jistgħu jiġu stabbiliti biex jiżguraw li qtil simili ma jerġax iseħħ;

6. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern Malti biex jikkundanna pubblikament u mingħajr ambigwità kull diskors ta' mibegħda u disprezz kontra l-memorja tad-deċeduta Daphne Caruana Galizia; iħeġġeġ biex tittieħed azzjoni b'saħħitha kontra kwalunkwe uffiċjal pubbliku li jkebbes il-mibegħda;

7. Iqis li huwa ta' importanza kbira li tinstab soluzzjoni għas-sit ta' kommemorazzjoni ta' Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-familja tagħha, sabiex tkun tista' tiġi mfakkra mingħajr xkiel;

8. Jistieden lill-awtoritajiet Maltin rilevanti jippubblikaw ir-rapport sħiħ u mhux redatt tal-inkjesta maġisterjali "Egrant";

9. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet ta' Malta u tas-Slovakkja biex jiżguraw li l-indikazzjonijiet kollha ta' atti kriminali jiġu investigati fil-pront u b'mod sħiħ mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż fejn dawn l-indikazzjonijiet jiġu żvelati minn informaturi u ġurnalisti, speċjalment il-każijiet allegati ta', pereżempju, korruzzjoni, reati finanzjarji, ħasil tal-flus, frodi u evażjoni tat-taxxa kif irrappurtati minn Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak;

10. Jiddispjaċih li mhux il-membri kollha tal-Gvern ta' Malta, bħall-Ministru għat-Turiżmu u ex Ministru għall-Enerġija, kienu disponibbli biex jiltaqgħu mad-delegazzjoni ROLMG, u li lanqas ma kien possibbli għaliha li tiltaqa' mar-rappreżentanti ta' Nexia BT, bħal pereżempju s-Soċju Maniġerjali tal-kumpanija;

11. Jinnota bi tħassib li l-awtoritajiet Maltin qatt ma ħarġu talba uffiċjali għal assistenza legali lill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Pulizija Kriminali ("Bundeskriminalamt") biex jingħataw aċċess għad-data maħżuna fuq il-laptops u l-hard disks ta' Daphne Caruana Galizia wara li dawn ingħaddew lill-awtoritajiet Ġermaniżi minn familtha;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sejbiet reċenti tal-investigazzjoni u l-arrest li rriżulta ta' erba' individwi li issa ġew akkużati b'rabta mal-investigazzjoni tal-qtil ta' Ján Kuciak u Martina Kušnírová f'Settembru 2018; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkomplu l-investigazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali bil-mezzi kollha disponibbli, sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li ordnaw jew kienu involuti fil-qtil, inkluż il-Ftehim tat-Tim ta' Investigazzjoni Konġunta jiġi estiż għal wara April 2019;

13. Jinnota li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Ján Kuciak u Martina Kušnírová kixfet attivitajiet kriminali oħra, fosthom allegata konfoffa biex jinqatlu l-prosekuturi Peter Šufliarsky u Maroš Žilinka u l-avukat Daniel Lipšic; jinnota li din l-investigazzjoni tal-aħħar, b'deċiżjoni konġunta tal-Prosekutur Ġenerali u l-Prosekutur Speċjali, għandha titmexxa mill-Ispettorat tal-Pulizija tal-Ministeru tal-Intern, minħabba involviment possibbli ta' uffiċjali tal-pulizija fl-iskrinjar tal-bażijiet tad-data tal-pulizija dwar il-persuni fil-mira; u se jkompli jissorvelja dan l-iżvilupp;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien taċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak, id-Daphne Project imwaqqaf minn diversi ġurnalisti lejn l-aħħar tal-2018, u tal-Forbidden Stories Daphne Project, imwaqqaf minn 18-il konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi f'Marzu 2018, bil-għan li jkomplu x-xogħol ta' Daphne minn fejn ħallietu; jinnota li, sitt xhur wara l-ħolqien tiegħu, id-Daphne Project għamel rivelazzjonijiet ġodda fl-ewwel pubblikazzjoni tiegħu;

15. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi jwettqu investigazzjonijiet fil-fond tal-każijiet kollha li tressqu għall-attenzjoni tad-delegazzjonijiet ad hoc tal-Parlament fl-2018, jiġifieri allegazzjonijiet ta' korruzzjoni u frodi, relatati wkoll ma' fondi agrikoli tal-UE, u inċentivi possibbilment ħżiena għall-ħtif tal-art;

16. Jistieden lill-Gvern Malti jvara investigazzjoni dwar ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers u r-rabtiet bejn il-kumpanija bbażata f'Dubai "17 Black" u l-Ministru għat-Turiżmu u ex Ministru għall-Enerġija u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru;

17. Jistieden lill-Gvern Malti u lil dak Slovakk, u lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom, biex jintensifikaw il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, sabiex titreġġa' lura l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tagħhom;

18. Huwa mħasseb ħafna dwar ir-rwol possibbli tal-Gvern Slovakk fil-ħtif ta' ċittadin Vjetnamiż mill-Ġermanja, u jitlob rapport ta' investigazzjoni komprensiv, b'kooperazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet Ġermaniżi, inkluż dwar l-allegat involviment tal-ex Ministru għall-Intern;

19. Huwa mħasseb dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, kunflitti ta' interess, impunità u bibien iduru fiċ-ċrieki tal-poter tas-Slovakkja; jistagħġeb dwar il-fatt li, wara r-riżenja tagħhom, ex uffiċjal għoli tal-pulizija mill-Aġenzija Kriminali Nazzjonali (NAKA) u l-ex Kap tal-Pulizija nħatru bħala konsulenti għall-Ministru għall-Intern, inkluż fir-Repubblika Ċeka; jinnota li l-ex Kap tal-Pulizija issa rriżenja bħala konsulent għall-Ministru għall-Intern wara li saru rapporti fl-istampa dwar tiftixa għal Ján Kuciak f'bażi ta' data tal-pulizija qabel il-qtil tiegħu, allegatament ordnat mill-ex Kap tal-Pulizija;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn taċ-ċittadini Slovakki u Maltin u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Gvernijiet tas-Slovakkja u ta' Malta jappoġġjaw bis-sħiħ dan l-impenn ċiviku, u jżommu lura milli jiskoraġġuh;

21. Jistieden lill-Gvernijiet ta' Malta, tas-Slovakkja u tal-Bulgarija jkomplu jiffaċilitaw il-kooperazzjoni kollha mal-Europol, inkluż billi jinvolvu b'mod sħiħ l-aġenzija u b'mod proattiv jagħtuha aċċess sħiħ għall-fajls relatati mal-investigazzjonijiet;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara dwar il-modalitajiet u l-qafas legali rigward l-iskambju tad-data u l-evidenza bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u bejniethom u l-aġenziji tal-UE, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea;

23. Josserva li r-riżorsi baġitarji u umani u l-mandati tal-Europol u l-Eurojust tal-lum mhumiex biżżejjed għal dawk l-aġenziji biex jipprovdu valur miżjud sħiħ u proattiv tal-UE fit-twettiq ta' investigazzjonijiet bħal fil-każijiet tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ta' Ján Kuciak u Martina Kušnírová;

24. Jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tal-Istati Membri jiffurmaw parti minn sistema ta' kooperazzjoni tal-UE; iqis li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE għandhom għalhekk, b'mod proattiv, jindirizzaw nuqqasijiet min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, u jqis li huwa ta' tħassib li tali azzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE regolarment jinbdew biss wara li ġurnalisti u informaturi jiżvelaw l-informazzjoni;

25. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill iżidu l-baġit tal-Europol bi qbil mal-ħtiġijiet operattivi u strateġiċi identifikati matul in-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, u jsaħħu l-mandat tal-Europol sabiex tkun tista' tipparteċipa b'mod aktar proattiv fl-investigazzjonijiet dwar gruppi ewlenin ta' kriminalità organizzata fi Stati Membri fejn hemm dubji serji dwar l-indipendenza u l-kwalità ta' investigazzjonijiet bħal dawn, eż. billi, b'mod proattiv, ikunu jistgħu jibdew iwaqqfu Timijiet Konġunti ta' Investigazzjoni f'każijiet bħal dawn;

26. Jitlob li l-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) futur jikkooperaw bl-aħjar mod f'investigazzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi finanzjarji tal-UE, speċjalment rigward l-Istati Membri li ma ngħaqdux mal-UPPE; jitlob, għal dak il-għan, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw it-twaqqif rapidu tal-UPPE, u jqis li l-Istati Membri kollha li għadhom ma ħabbrux l-intenzjoni tagħhom li jingħaqdu mal-UPPE għandhom jagħmlu dan;

27. Jitlob li l-Kummissjoni ssegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li talbu għall-immappjar tal-aħjar prattiki fit-tekniki investigattivi madwar l-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' prattiki investigattivi komuni fl-UE[28];

SFIDI KOSTITUZZJONALI F'MALTA U FIS-SLOVAKKJA

28. Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet mill-Gvern ta' Malta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport reċenti tal-Kummissjoni ta' Venezja;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp li fih membri kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni jkunu involuti fl-esplorazzjoni ta' riforma kostituzzjonali;

30. Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament ta' Malta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta' Venezja mingħajr eċċezzjoni, anke b'mod retroattiv meta dan ikun rilevanti, sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet, il-pożizzjonijiet u l-istrutturi tal-imgħoddi u tal-lum jinġiebu f'konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u b'mod partikolari,

 isaħħu l-indipendenza, is-setgħat tas-sorveljanza u l-kapaċitajiet tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati Maltija, b'mod partikolari billi jissikkaw ir-regoli dwar l-inkompatibbiltajiet u billi jipprovdu salarju xieraq u appoġġ mhux partiġġjan;

 iħabbru pubblikament postijiet battala għal pożizzjonijiet ġudizzjarji (il-paragrafu 44);

 ibiddlu l-kompożizzjoni tal-JAC, b'tali mod li tal-anqas nofs il-membri tiegħu jkunu mħallfin eletti mill-pari tagħhom, u li jagħtu lill-JAC l-kompetenza li jikklasifika l-kandidati abbażi tal-mertu u li jipproponi dawk il-kandidati direttament lill-President għall-ħatra, anke fil-każ ta' ħatra tal-Prim Imħallef (il-paragrafu 44);

 jagħtu s-setgħa ta' tneħħija tal-imħallfin jew tal-maġistrati lill-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u jipprevedu l-possibbiltà li jsir appell fil-qorti kontra miżuri dixxiplinari imposti minn dik il-Kummissjoni (il-paragrafu 53);

 iwaqqfu uffiċċju ta' Direttur ta' Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) indipendenti, li jkun responsabbli għall-prosekuzzjonijiet pubbliċi kollha u li jassumi l-kompiti prosekutorjali kurrenti tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll il-kompiti prosekutorjali tal-pulizija u l-inkjesti maġisterjali, kif irrakkomandat il-Kummissjoni ta' Venezja (il-paragrafi 61-73); jistieden lill-Gvern ta' Malta biex dan id-DPP li potenzjalment ikun għadu kif ġie stabbilit jagħmlu soġġett għar-reviżjoni ġudizzjarja, b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' nonprosekuzzjoni (il-paragrafi 68, 73);

 jirriformaw il-Kumitat Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (PCAC), kemm billi jiżguraw proċess ta' ħatra li jkun anqas dipendenti fuq il-fergħa eżekuttiva u fuq il-Prim Ministru b'mod partikolari, u billi jiżguraw li r-rapporti tal-PCAC tassew iwasslu għal prosekuzzjonijiet; jikkunsidraw ukoll l-opzjoni li l-PCAC jirrapporta direttament lid-DPP li jkun għadu kif ġie stabbilit (il-paragrafu 72);

 jagħtu bidu għal riforma kostituzzjonali biex jiżguraw li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali iwasslu, mingħajr ma jintervjeni l-Parlament, għall-annullament ta' dispożizzjonijiet li jkun ġie deċiż li ma jkunux kostituzzjonali (il-paragrafu 79);

 jabolixxu l-prattika li jkun hemm Membri Parlamentari (MP) part-time, iżidu s-salarju tal-MP, jirrestrinġu l-ħatra ta' MP fuq korpi maħtura uffiċjalment, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-MP persunal ta' appoġġ u għarfien u pariri indipendenti, u joqogħdu lura mill-użu estensiv ta' leġiżlazzjoni delegata (il-paragrafu 94);

 jiżguraw li l-awtoritajiet jirrispettaw bis-sħiħ it-talbiet tal-Ombudsman għal informazzjoni, li r-rapporti tal-Ombudsman jiġu diskussi fil-Parlament, li l-uffiċċju tal-Ombudsman ikun irregolat fil-livell kostituzzjonali, u li l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jiġi aġġornat (il-paragrafi 100–101);

 ifasslu mill-ġdid il-proċess tal-ħatra ta' Segretarji Permanenti, jiġifieri permezz ta' għażla bbażata fuq il-mertu minn Kummissjoni Indipendenti tas-Servizz Ċivili, aktar milli mill-Prim Ministru (il-paragrafi 119-120);

 jillimitaw b'mod serju l-prattika ta' "pożizzjonijiet jew persuni ta' fiduċja" u jintroduċu regoli legali ċari u emenda kostituzzjonali li tifforma l-bażi u l-qafas għar-regolamentazzjoni ta' din il-prattika (il-paragrafu 129);

 jibdlu l-proċedura tal-ħatra għall-Kummissarju tal-Pulizija, jiġifieri billi jagħmluha bbażata fuq il-mertu bl-introduzzjoni ta' kompetizzjoni pubblika (il-paragrafu 134);

31. Jinnota li bħalissa tinsab għaddejja proċedura ta' għażla u ta' nomina għal Imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali fis-Slovakkja, peress li l-mandati ta' disgħa mit-13-il Imħallef jintemmu fi Frar; jissottolinja li r-regolamenti li jkopru dan il-proċess ta' għażla u ta' nomina, kif ukoll il-kwalifiki u r-rekwiżiti, iridu jissodisfaw l-ogħla standards possibbli f'termini ta' trasparenza, skrutinju u obbligu ta' rendikont, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar din it-tema[29];

32. Jitlob li jiġu adottati bil-ħeffa regoli u proċeduri oġġettivi u mhux ambigwi għall-għażla, fl-2019, tal-Kap tal-Pulizija Slovakka, li jiżguraw l-indipendenza u n-newtralità tal-kariga;

ĊITTADINANZA U RESIDENZA B'INVESTIMENT U VIŻI

33. Jistieden lill-Gvern ta' Malta biex itemm l-iskemi tiegħu ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment, u jikkummissjona investigazzjoni indipendenti u internazzjonali dwar l-impatt ta' dan il-bejgħ fuq il-kapaċitajiet ta' Malta għall-infurzar ta' miżuri kontra l-ħasil tal-flus, fuq reati transfruntieri oħra u fuq l-integrità taż-żona Schengen;

34. Jistieden lill-Gvern ta' Malta biex jippubblika kull sena lista awtonoma tal-persuni kollha li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u dik tal-UE, u biex jiżgura li x-xerrejja ma jkunux elenkati flimkien ma' dawk li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b'modi oħra; jistieden lill-Gvern ta' Malta biex jiżgura li dawn iċ-ċittadini l-ġodda kollha jkunu ilhom tassew jgħixu sena sħiħa f'Malta qabel ix-xirja, kif kien inqabel mal-Kummissjoni qabel il-varar tal-programm; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel dak kollu li tista' biex tiżgura li l-qbil oriġinali dwar din il-kwistjoni jiġi rrispettat fil-ġejjieni;

35. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fi Frar 2019, meta ntalbet tagħti kjarifika, il-Kummissjoni stqarret b'mod ċar li bl-ebda mod ma tapprova l-iskemi Maltin ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment;

36. Jistieden lill-Gvern ta' Malta biex jiżvela kompletament, u jtemm, il-kuntratt tiegħu ma' Henley & Partners, id-ditta privata li bħalissa qed timplimenta l-iskemi Maltin ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment, mingħajr konsegwenzi għall-finanzi pubbliċi f'każ ta' terminazzjoni jew sospensjoni;

37. Jitlob lil l-Kummissjoni teżamina jekk il-kuntratti fis-seħħ bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u ditti privati li jirregolaw u jesternalizzaw l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment humiex kompatibbli mad-dritt tal-UE, mad-dritt internazzjonali u ma' kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà;

38. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar "Skemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment", iżda huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' data fih; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-iskala u l-impatt tad-diversi skemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment fl-UE, b'enfasi partikolari fuq proċessi ta' diliġenza dovuta, il-profili u l-attivitajiet tal-benefiċjarji, l-impatti potenzjali fuq il-kriminalità transfruntiera, u l-integrità taż-żona Schengen; jitlob li l-Kummissjoni tindirizza b'mod espliċitu l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza għall-investituri fil-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen, u tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti ċari għall-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment;

40. Jitlob li l-Kummissjoni, filwaqt li tibni fuq ir-rapport tagħha dwar l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment f'diversi Stati Membri tal-UE, teżamina b'mod speċifiku l-impatti tal-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment tal-gvern Malti fuq l-integrità taż-żona Schengen;

41. Jitlob li l-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jwettqu valutazzjoni konġunta tat-theddida rigward il-konsegwenzi tal-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment tal-Istati Membri tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u għall-integrità taż-żona Schengen;

42. Jistieden lill-Gvern ta' Malta biex jinvestiga bis-sħiħ l-allegazzjonijiet rigward il-bejgħ bil-massa ta' viżi ta' Schengen u ta' viżi mediċi, inkluż l-allegat involviment ta' uffiċjali jew ex uffiċjali għolja tal-gvern Malti, bħaċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Neville Gafà;

SIKUREZZA TAL-ĠURNALISTI U INDIPENDENZA TAL-MIDJA

43. Jistieden lill-Gvern tas-Slovakkja biex jiżgura s-sikurezza tal-ġurnalisti; jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza dwar is-sjieda tal-midja; għandu dubji dwar l-indipendenza u l-kwalità tal-midja pubblika wara li diversi ġurnalisti telqu mill-RTVS;

44. Huwa mħasseb dwar l-istqarrijiet minn politiċi Slovakki li jqajmu dubji dwar il-valur tal-ġurnaliżmu indipendenti u tal-midja pubblika, bħal dawk magħmula mill-ex Prim Ministru fil-pubbliku, pereżempju, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-2 ta' Ottubru 2018;

45. Itenni t-talba tiegħu li l-membri rispettivi tal-Gvern ta' Malta jiżguraw l-irtirar, b'effett immedjat, tal-kawżi ta' libell li qed jiffaċċjaw il-membri tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia, joqogħdu lura milli jużaw il-liġijiet tal-libell biex jiffriżaw il-kontijiet bankarji ta' ġurnalisti li jesprimu kritika, u jirriformaw il-liġijiet ta' libell li qed jintużaw biex jiffrustraw ix-xogħol tal-ġurnalisti;

46. Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tipprevjeni l-hekk imsejħa "Strategic Lawsuits Against Public Participation" (SLAPP, Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika);

REAZZJONIJIET TAL-UE

47. Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Gvern Malti fil-kuntest tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt;

48. Jieħu nota tal-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; madankollu, huwa mħasseb dwar l-impatt limitat tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni u tal-proċeduri l nbdew sal-lum skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE; jenfasizza li n-nuqqas persistenti ta' indirizzar tal-ksur serju u persistenti tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE inkoraġġixxa lil Stati Membri oħra biex jaqbdu l-istess triq; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipposponi għal Lulju 2019 il-pubblikazzjoni tal-proposta tagħha għat-tisħiħ tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt;

49. Ifakkar fil-ħtieġa li ssir evalwazzjoni imparzjali u regolari tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li din l-evalwazzjoni trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi; jerġa' jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2016 u tal-14 ta' Novembru 2018 li jitolbu mekkaniżmu tal-UE komprensiv, permanenti u oġġettiv għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; iqis li dan ikun mekkaniżmu ġust, ibbilanċjat, regolari u preventiv għat-trattament ta' ksur possibbli tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE, u jissottolinja li dan il-mekkaniżmu huwa meħtieġ illum b'aktar urġenza minn qatt qabel;

50. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta tali għal mekkaniżmu komprensiv tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jitlobha tagħmel dan fiż-żmien dovut, b'mod partikolari billi tipproponi l-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-Patt tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u D-Drittijiet Fundamentali;

51. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, jerġa' jiġbed l-attenzjoni għar-rapport li l-Parlament adotta dwaru f'Jannar 2019, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jidħol fin-negozjati b'mod kostruttiv mill-aktar fis possibbli;

52. Jissottolinja l-importanza li l-Parlament jibgħat delegazzjonijiet ad hoc fl-Istati Membri meta jkun hemm evidenza ċara ta' ksur serju tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jirrakkomanda li tinħoloq struttura permanenti fi ħdan il-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex tissorvelja tali każijiet ta' ksur fl-Istati Membri;

53. Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiġġieldu l-korruzzjoni sistemika b'mod determinat u joħolqu strumenti effikaċi biex jipprevjenu, jikkumbattu u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu kontra l-frodi, kif ukoll biex jissorveljaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; itenni d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippubblikax ir-Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni f'dawn l-aħħar snin, u jissottolinja li l-fatt li hemm skedi informattivi kontra l-korruzzjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew mhuwiex miżura effikaċi biżżejjed biex tiżgura li l-korruzzjoni titqiegħed fuq l-aġenda b'mod ċar; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni minnufih tissokta l-monitoraġġ u r-rappurtar annwali tagħha kontra l-korruzzjoni, b'referenza għall-Istati Membri kollha u għall-istituzzjonijiet tal-UE;

54. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bejn il-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali dwar mekkaniżmu ġdid ta' kooperazzjoni għall-iskambju ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kollha li jieħdu sehem biex jagħmlu użu estensiv minn dak il-mekkaniżmu bil-għan li jiżguraw kooperazzjoni rapida u effikaċi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

55. Ifakkar lill-President tiegħu li s-sejħa tiegħu biex jinħoloq "Premju Ewropew Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu investigattiv", li għandu jingħata kull sena għal ġurnaliżmu investigattiv eċċellenti fl-Ewropa, messha ilha li ġiet implimentata;

56. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Parlament li jsemmi l-programm ta' taħriġ tiegħu għall-ġurnalisti investigattivi għal Ján Kuciak;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] ĠU C 482, 23.12.2016, p. 117.

[2] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0456.

[4] Testi adottati, P8_TA(2017)0438.

[5] Testi adottati, P8_TA(2018)0055.

[6] ĠU C 58, 15.2.2018, p. 148.

[7] ĠU C 204, 13.6.2018, p. 95.

[8] Testi adottati, P8_TA(2017)0442.

[9] Testi adottati, P8_TA(2018)0183.

[10] Testi adottati, P8_TA(2018)0204.

[11] Testi adottati, P8_TA(2018)0340.

[12] ĠU C 407, 4.11.2016, p. 46.

[13] ĠU C 399, 24.11.2017, p. 127.

[14] Testi adottati, P8_TA(2017)0216.

[15] Testi adottati, P8_TA(2018)0446.

[16] Malta - Opinion on Constitutional arrangements and separation of powers, adopted by the Venice Commission at its 117th Plenary Session (Venice, 14-15 December 2018) (Malta - Opinjoni dwar l-arranġamenti kostituzzjonali u s-separazzjoni tas-setgħat, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, l-14 u l-15 ta' Diċembru 2018).

[17] Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja, paragrafu 142.

[18] Ibid., paragrafi 107-112.

[19] Ibid., paragrafu 54.

[20] Ibid., paragrafu 59.

[21] Ibid., paragrafu 71.

[22] Ibid., paragrafu 72.

[23] Ibid., paragrafu 132.

[24] Ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali - ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162; Ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – Testi adottati, P8_TA(2018)0456.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali