Proċedura : 2019/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0231/2019

Testi mressqa :

B8-0231/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2019 - 6.6

Testi adottati :

P8_TA(2019)0338

<Date>{27/03/2019}27.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0231/2019</NoDocSe>
PDF 153kWORD 56k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-immaniġġjar tal-iskart</Titre>

<DocRef>(2019/2557(RSP))</DocRef>


<Depute>Cecilia Wikström</Depute>

<Commission>f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet</Commission>


B8‑0231/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-immaniġġjar tal-iskart

(2019/2557(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ir-Regolament tal-Azzjoni Klimatika)[5],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (minn hawn 'il quddiem "Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn"),[6] u li timplimenta r-regolamenti u l-ftehimiet volontarji adottati skont dik id-Direttiva,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE)[11],

 wara li kkunsidra l-ftehim politiku proviżorju li ntlaħaq mill-koleġiżlaturi fid-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-proposta għal direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari (COM(2017)0034),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal relatat (SWD(2018)0020),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

 wara li kkunsidra l-aktar minn 60 petizzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart li waslu għand il-Parlament Ewropew mill-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit matul dawn l-aħħar ftit snin,

 wara li kkunsidra ż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Bulgarija, il-Greċja u l-Italja fl-aħħar snin dwar kwistjonijiet marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart, u b'mod partikolari l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tar-rapporti sussegwenti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kwistjonijiet imqajma minn petizzjonanti b'rabta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, u ta' direttivi relatati, fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi sar progress madwar l-UE kollha fit-tnaqqis tal-impatti tal-ġenerazzjoni tal-iskart fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, iżda minkejja dan għad fadal ħafna sfidi u jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti biex jiġi żgurat immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi, speċjalment fir-rigward tal-ammonti relattivament għoljin ta' skart mhux ittrattat li għadhom jintremew f'landfills f'ħafna Stati Membri;

B. billi tnejn mill-isfidi ewlenin għall-futur huma li jitnaqqsu l-livelli ta' ġenerazzjoni tal-iskart u li l-għanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart jiġu allinjati ma' dawk tal-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari billi jiżdiedu r-rati tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ;

C. billi l-prevenzjoni ġiet stabbilita bħala l-prijorità ewlenija tal-ġerarkija tal-iskart permezz tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart jew id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart);

D. billi prattiki ta' mmaniġġjar tal-iskart mhux xierqa għandhom impatt ambjentali sever f'termini ta' tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja; billi petizzjonanti indikaw li landfills u inċineraturi ġew awtorizzati u saru operazzjonali viċin ħafna ta' siti residenzjali u agrikoli u f'żoni fejn il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi u idroġeoloġiċi ma ngħatawx il-kunsiderazzjoni li jistħoqqilhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u jirrappreżentaw theddida diretta għas-saħħa pubblika;

E. billi aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali ta' prodott jiġi ddeterminat fl-istadju tad-disinn, li għalhekk għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart u l-aspetti kollha tal-ekonomija ċirkolari, bħad-durabbiltà, il-kapaċità ta' aġġornament, ta' tiswija, ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ ta' prodott;

F. billi minbarra li jiġu magħmula prodotti aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi, il-prinċipji tal-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija tas-servizzi jistgħu jservu wkoll l-iskop tat-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart fl-Ewropa;

G. billi l-Kummissjoni indirizzat diversi proċeduri ta' ksur rigward il-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart f'diversi Stati Membri; billi diversi minn dawn il-każijiet ġew riferuti għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, uħud minnhom dan l-aħħar;

H. billi l-aħħar rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, inkluż ir-rapport dwar it-twissija bikrija għall-Istati Membri f'riskju li jaqgħu lura fil-preparazzjonijiet tagħhom biex jissodisfaw l-mira tal-użu mill-ġdid/riċiklaġġ tal-2020 għall-iskart muniċipali, wera li hemm nuqqasijiet serji li għandhom jiġu indirizzati malajr jekk l-Ewropa se taħsad il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi tal-ekonomija ċirkolari;

I. billi d-data riċenti li takkumpanja bosta petizzjonijiet enfasizzat il-fatt li s-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart f'diversi Stati Membri u reġjuni għadha problematika ħafna, filwaqt li pprovdiet evidenza qawwija tal-bżonn li jsir titjib sinifikanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u l-bqija tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata ma' miżuri dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-iskart;

J. billi ekonomija li tipprijoritizza t-tiswija, l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali tirrikjedi ħafna aktar ħaddiema minn waħda bbażata fuq filosofija ta' rimi, u b'hekk toħloq iżjed opportunitajiet ta' impjieg; billi l-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart tista' tisfrutta l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tas-setturi tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

K. billi l-immaniġġjar tajjeb tal-iskart u l-prevenzjoni tal-iskart huma essenzjali biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u jinkiseb ambjent mhux tossiku;

1. Jenfasizza li bosta petizzjonijiet sottomessi dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart jindikaw diversi problemi tas-saħħa u ambjentali marbuta ma' prattiki ta' mmaniġġjar tal-iskart mhux xierqa, bħal kwalità ħażina tal-arja f'żoni urbani, kontaminazzjoni ta' riżorsi tal-ilma taħt l-art, livelli ta' storbju eċċessivi u emissjonijiet bir-riħa;

2. Jenfasizza li sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari, il-finanzjament pubbliku tal-immaniġġjar tal-iskart, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, għandu jkun konsistenti mal-għan ta' żieda fl-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart; jemmen għalhekk li l-fondi għandhom ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, il-ġbir separat u l-pjanijiet u l-proġetti tar-riċiklaġġ;

3. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar progress fil-preżentazzjoni ta' pjanijiet u proġetti effettivi għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, il-ġbir separat u r-riċiklaġġ bħala kruċjali fit-tnaqqis tal-piż ambjentali tal-iskart, il-ħsad tal-benefiċċji ekonomiċi tal-ekonomija ċirkolari u t-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi ta' implimentazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta' għajnuna teknika u fondi tal-UE; jissuġġerixxi l-adozzjoni ta' strumenti ekonomiċi adegwati kif stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u l-implimentazzjoni ta' skemi estiżi ta' responsabbiltà tal-produttur effiċjenti u kosteffettivi biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari;

4. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex inaddfu ż-żibel u jtejbu l-immaniġġjar tal-iskart (il-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ), u jadottaw strumenti ekonomiċi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jiġi pprevenut l-iskart;

5. Jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tagħmel żjarat ta' livell għoli dwar l-ekonomija ċirkolari/l-iskart fl-Istati Membri li huma f'riskju li ma jissodisfawx il-miri tal-iskart muniċipali tal-2020 u li tikkomunika mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-assoċjazzjonijiet ta' atturi lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet mifruxa mal-Ewropa kollha li ġenwinament qed jippromwovu kultura ta' żero skart u politiki assoċjati;

6. Jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ li jimmitigaw l-impatti ambjentali tal-ġenerazzjoni tal-iskart, b'mod partikolari billi jnaqqsu l-ammont ta' skart muniċipali ġġenerat; jistieden lill-Istati Membri biex, għal dan l-għan, jieħdu miżuri ta' prevenzjoni tal-iskart kif stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

7. Jenfasizza li l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol kruċjali fl-immaniġġjar tal-iskart u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar din il-kwistjoni; ifakkar li politika koerenti, flimkien mal-avvanz tal-infrastruttura xierqa skont il-ġerarkija tal-iskart, tista' tiġi stabbilita biss permezz ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-livelli kollha fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni tippremja l-aħjar prattiki fil-livelli kollha u tiffaċilita l-iskambju tagħhom, kif ukoll tappoġġja b'mod konkret u adegwat proġetti pijunieri;

8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-industriji, bħala msieħba ewlenin fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, itejbu l-involviment tagħhom fil-promozzjoni ta' katini tal-provvista ċirkolari, sabiex jiksbu aċċess għal materja prima sekondarja ta' kwalità għolja, ħafna drabi bi prezzijiet kompetittivi, li għandhom jiġu rkuprati għal aktar użu u produzzjoni;

9. Jitlob il-provvista ta' taħriġ u l-promozzjoni ta' firxa ta' tipi ta' impjieg, inkluż appoġġ finanzjarju għal taħriġ ta' ħiliet ta' livell għoli u impjiegi soċjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tiswija u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid;

10. Jemmen bis-sħiħ li mudelli ta' negozju ġodda ffukati aktar fuq il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ iridu jiġu promossi u appoġġjati b'mod adegwat bl-għan li tingħata spinta aktar effettiva lit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

11. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tajba tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari tipprovdi opportunitajiet madwar l-UE, inkluż investiment, li se tgħin tirrazzjonalizza l-użu tar-riżorsi naturali;

12. Jenfasizza li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u tnaqqis tal-ħela tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għan li jinsab fil-qalba tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza li f'ekonomija ċirkolari, ir-riżorsi jinżammu fi ħdan l-ekonomija u jibqgħu jintużaw b'mod produttiv meta prodott ikun laħaq it-tmiem tal-ħajja tiegħu, biex b'hekk jitnaqqas il-konsum tar-riżorsi; jemmen, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, li disinn imtejjeb tal-prodott ċirkolari se jgħin biex jagħlaq iċ-ċikli tal-produzzjoni u jġib bidla fil-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum, biex b'hekk jitnaqqas il-livell ta' sustanzi tossiċi u l-ammont globali ta' skart;

13. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa fuq il-volum u d-destinazzjoni finali ta' residwi minn alternattivi differenti tat-trattament tal-iskart, speċjalment fir-rigward ta' dawk il-komunitajiet li huma potenzjalment affettwati minn siti u proġetti ġodda, u biex jikkonsultawhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jimplimentaw b'mod sħiħ u profond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (id-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali)[13] u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE bl-għan li jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa pubblika;

14. Huwa tal-fehma li l-ġbir separat tal-iskart bieb bieb huwa mod effettiv ta' kif issir is-sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni tal-importanza strateġika ta' ekonomija ċirkolari, u biex jinkiseb b'mod aktar effettiv involviment kollettiv għal dan l-għan; jenfasizza li tali sistemi jippermettu kontabbiltà aħjar rigward it-tipi u l-ammonti ta' skart domestiku prodott u l-ħtiġijiet tal-ipproċessar relatati tagħhom, bl-għan li tiġi mmassimizzata t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, kif ukoll tiġi permessa l-introduzzjoni ta' miżuri ekonomiċi aktar ġusti li joffru inċentivi jew li jneħħu l-inċentivi;

15. Ifakkar li l-inċinerazzjoni tibqa' qabel tal-aħħar fil-ġerarkija tal-iskart, bir-rimi f'landfills biss taħtha;

16. Ifakkar li l-iskart perikoluż joffri sfidi marbuta mat-trattament speċifiċi li ma jistgħux jiġu injorati u għandhom jiġu indirizzati b'mod speċifiku; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart rilevanti għall-immaniġġjar ta' skart perikoluż;

17. Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-proċeduri ta' ksur tagħha li hemm għaddejjin kontra Stati Membri li mhumiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-potenzjal sħiħ tas-sistema ta' twissija bikrija kif stabbilit fid-direttivi dwar l-iskart riveduti; jissuġġerixxi li multi bħala penali miġbura mill-Kummissjoni għandhom jerġgħu jiġu investiti fi proġetti li huma konsistenti mal-ogħla livelli tal-ġerarkija tal-iskart;

18. Jiddispjaċih mill-fatt li, skont il-petizzjonanti, ġew awtorizzati landfills li jinsabu viċin ħafna ta' siti residenzjali u agrikoli; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw protezzjoni sħiħa tas-saħħa tal-bniedem u jadottaw miżuri strutturali bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.

[2] ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.

[3] ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.

[4] ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.

[5] ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26.

[6] ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

[7] Testi adottati, P8_TA(2018)0352.

[8] Testi adottati, P8_TA(2018)0100.

[9] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.

[10] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.

[11] Testi adottati, P8_TA(2018)0241.

[12] ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 60.

[13] ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' April 2019Avviż legali