Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0232/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0232/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI li titlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-proposti għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u dwar il-proċedura għal dik l-adeżjoni

1.4.2019 - (2019/2678(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura

Claude Moraes, Vilija Blinkevičiūtėf'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

Proċedura : 2019/2678(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0232/2019
Testi mressqa :
B8-0232/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0232/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li titlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-proposti għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u dwar il-proċedura għal dik l-adeżjoni

(2019/2678(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (minn hawn 'il quddiem "Il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija bbażata fuq approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat li tpoġġi d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru, billi tindirizza l-kwistjonijiet tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi ta' sess, inkluża l-vjolenza domestika, minn firxa wiesgħa ta' perspettivi, filwaqt li tipprevedi miżuri bħall-prevenzjoni tal-vjolenza, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri tal-liġi kriminali fil-ġlieda kontra l-impunità, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu l-asil u r-rifuġjati nisa, ġbir aħjar ta' data u kampanji jew programmi ta' sensibilizzazzjoni, inkluż b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u korpi għall-ugwaljanza nazzjonali, mas-soċjetà ċivili u ma' NGOs;

B.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 Settembru 2017, il-Parlament talab li l-UE taderixxi b'mod wiesa' għall-Konvenzjoni ta' Istanbul mingħajr ebda limitu; billi l-vjolenza kontra n-nisa hija ostakolu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li hija waħda mill-valuri u l-għanijiet fundaturi tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u billi l-UE għandha l-kompetenza ġenerali li tipproteġi d-drittijiet fundamentali;

C.  billi, fit-13 ta' Ġunju 2017, il-Konvenzjoni ta' Istanbul ġiet iffirmata f'isem l-Unjoni Ewropea abbażi ta' żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fil-11 ta' Mejju 2017, waħda dwar l-asil u n-non-refoulement, ibbażata fuq l-Artikolu 78(2) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, u l-oħra dwar kwistjonijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, ibbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu;

D.  billi ż-żewġ kumitati involuti f'din il-proċedura qajmu tħassib ġuridiku rigward il-ħtieġa tal-qsim f'żewġ deċiżjonijiet u rigward il-bażi ġuridika magħżula mill-Kunsill; billi s-Servizz Legali tal-Parlament intalab jagħti opinjoni dwar dawn il-kwistjonijiet speċifiċi;

E.  billi l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura għandu l-għan li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(11) tat-TFUE fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

F.  billi l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, abbażi tal-ġurisprudenza fis-seħħ tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermetti lill-Qorti tiddeċiedi kemm fuq il-kompatibbiltà tal-konformità mat-Trattati kif ukoll fuq kwistjonijiet ta' kompetenza u ta' proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim mill-Unjoni;

1.  Hu tal-fehma li teżisti inċertezza ġuridika dwar jekk l-adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, kif proposta mill-Kunsill, hijiex kompatibbli mat-Trattati, b'mod partikolari rigward l-għażla tal-bażi ġuridika adattata għad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-konvenzjoni mill-Unjoni Ewropea, u rigward il-possibbiltà ta' qsim f'żewġ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-konvenzjoni bħala konsegwenza ta' dik l-għażla ta' bażi ġuridika;

2.  Iqis li, fid-dawl ta' dawn il-mistoqsijiet dwar l-għażla tal-bażi ġuridika u l-qsim f'żewġ deċiżjonijiet, teżisti wkoll inċertezza ġuridika dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-prattika ta' "qbil komuni" mill-Kunsill fit-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, li tiġi applikata jew b'żieda mal-proċedura rilevanti tat-teħid ta' deċiżjonijiet fit-Trattati jew b'mod alternattiv għaliha, u, f'dan il-kuntest, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera fid-dawl tal-objettiv espress mill-Unjoni li tikkonkludi l-Konvenzjoni ta' Istanbul;

3.  Jiddeċiedi li jitlob l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-adeżjoni proposta tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-proċedura għal dik l-adeżjoni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizja u biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' April 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza