Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0006/2019

Testi mressqa :

B9-0006/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.4
CRE 18/07/2019 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0007

<Date>{15/07/2019}15.7.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0006/2019</NoDocSe>
PDF 152kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela</Titre>

<DocRef>(2019/2730(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Esteban González Pons, Michael Gahler, Dolors Montserrat, Leopoldo López Gil, Cláudia Monteiro de Aguiar, Antonio López‑Istúriz White, Nuno Melo, Paulo Rangel, Ivan Štefanec, Vladimír Bilčík, Pilar del Castillo Vera, Javier Zarzalejos, Francisco José Millán Mon, Antonio Tajani, Isabel Wiseler‑Lima</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0006/2019

B9‑0006/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[1], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil[2], tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4] u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela[5],

 wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Venezwela tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019 u tat-28 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar il-Migranti u r-Refuġjati Venezwelani tat-8 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Teknika Internazzjonali tal-Proċess ta' Quito, li saret fi Buenos Aires fl-4 u l-5 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Lima tat-30 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja ta' ħafna dimensjonijiet marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi aktar skarsezzi ta' mediċini u ta' ikel, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies;

B. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-pajjiż mid-19 sal-21 ta' Ġunju; billi ħeġġet lill-Gvern de facto tal-Venezwela biex jieħu miżuri immedjati u konkreti ħalli jtemm u jirrimedja l-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentati fil-pajjiż;

C. billi aktar minn 7 miljun ruħ fil-Venezwela jeħtieġu assistenza umanitarja; billi l-gvern de facto ta' Maduro kiser id-dritt għall-ikel, inkluż l-obbligu li l-Istat jiżgura li l-popolazzjoni tkun ħielsa mill-ġuħ; billi, skont in-NU, 3,7 miljun Venezwelan huma malnutriti, qagħda li hija ta' ħsara partikolari għat-tfal u għan-nisa tqal; billi xi nisa ġew sfurzati jiskambjaw is-sess għall-ikel u billi bosta drabi kellhom iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza;

D. billi s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż hija terribbli, bi sptarijiet neqsin minn membri tal-persunal, provvisti, mediċini u elettriku, liema qagħda wasslet għal tal-anqas 1 557 mewta bejn Novembru 2018 u Frar 2019; billi hemm nuqqas ta' bejn 60% sa 100 % tad-drogi essenzjali f'erba' bliet ewlenin tal-Venezwela, fosthom Caracas; billi l-imwiet marbuta mal-maternità żdiedu, u billi ħafna nisa kellhom jitilqu mill-pajjiż biex iwelldu;

E. billi aktar minn 3,4 miljun Venezwelan kellhom jaħarbu mill-pajjiż; billi l-għadd totali ta' Venezwelani li ġew sfurzati jemigraw se jkun qabeż il-5 miljuni sa tmiem l-2019, hekk li din se tkun it-tieni l-akbar kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati fid-dinja;

F. billi kważi 7 000 ruħ sfaw maqtula matul operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Venezwela fl-aħħar sena u nofs; billi l-awtoritajiet qed jużaw il-FAES (il-Forza ta' Azzjonijiet Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana) u forzi oħra tas-sigurtà bħala parti mill-politika tagħhom ta' kontroll soċjali; billi l-familji tal-vittmi ta' atti ta' qtil extraġudizzjarju li seħħew matul il-protesti għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw drittijiethom għal verità, ġustizzja u riparazzjoni;

G. billi r-reġim juża t-tortura bħala għodda sistemika ta' intimidazzjoni u dissważjoni fil-konfront tad-dimostranti, hekk li ħoloq klima ta' terrur;

H. billi l-immunità parlamentari tneħħiet minn 22-il deputat, fosthom il-President tal-Assemblea Nazzjonali; billi żewġ deputati jinsabu f'detenzjoni filwaqt li 16-il deputat ieħor fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;

I. billi l-popli indiġeni qed jiġu soġġetti għal atti vjolenti u kriminali; billi 63 indiġenu ġew detenuti b'mod arbitrarju u ġew ittorturati, billi 7 mietu u aktar minn 23 indarbu u kellhom jivvjaġġaw lejn sptarijiet barra mill-pajjiż biex jingħataw trattament mediku;

J. billi, fid-29 ta' Ġunju 2019, Rafael Acosta Arévalo, kaptan navali li safa arrestat u ttorturat fuq allegazzjonijiet ta' komplott ta' qtil kontra Nicolás Maduro, miet waqt li kien detenut; billi l-awtoritajiet de facto ssekwestraw ġismu u żammewh moħbi illegalment għal 11-il ġurnata qabel ma difnuh, bla ma rrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-familja tiegħu u x-xewqa ta' qrabatu li jibku t-telfa tal-mejjet;

K. billi, fit-2 ta' Lulju, Rufo Chacón, tifel Venezwelan ta' 16-il sena, tilef il-vista tiegħu wara li uffiċjali tal-gvern sparawlu u laqtuh f'wiċċu waqt protesta kontra n-nuqqas tal-petrol;

1. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni gravi ta' emerġenza, li qed tipperikola bil-kbir ħajjet il-Venezwelani;

2. Jikkundanna r-repressjoni ħarxa u l-vjolenza, li wasslu biex persuni sfaw maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tagħhom;

3. Jissottolinja r-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi armati u tal-intelligence fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, fl-użu indiskriminat tal-vjolenza għar-repressjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni demokratika u tar-restawr tal-istat tad-dritt fil-Venezwela;

4. Jiddenunzja l-abbuż min-naħa tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali mwettqa minn korpi tas-sigurtà ; jitlob li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jiġi stabbilit mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti biex jinvestiga l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mwettqa waqt operazzjonijiet tas-sigurtà, jiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, u li jagħti rimedju lill-familji tal-vittmi u jipproteġihom kontra l-intimidazzjoni u r-rappreżalji;

5. Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kontra d-dritt għall-ikel u l-kura medika; jitlob b'urġenza li jiġi ggarantit li l-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jkunu disponibbli u aċċessibbli, filwaqt li s-servizzi materni u tat-tfal jingħataw attenzjoni speċjali;

6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jiġu mwaqqfa, ikkundannati pubblikament, ikkastigati u prevenuti; jitlob li jinħelsu dawk kollha li, b'mod arbitrarju, sfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom;

7. Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tkabbir tal-kriżi migratorja madwar ir-reġjun kollu u jfaħħar lill-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari lill-Kolombja, għall-isforzi li għamlu u s-solidarjetà li wrew; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tagħti għajnuna umanitarja, iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

8. Jirrimarka li d-djalogu li għaddej irid ikun ibbażat fuq il-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jinsisti li l-għan esklussiv tad-djalogu jrid ikun li joħloq il-kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

9. Jitlob li l-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-assi li l-awtoritajiet statali illeġittimi u l-individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni għandhom barra l-pajjiż; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jirrestrinġu l-movimenti ta' dawn l-individwi, kif ukoll tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom;

10. Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tmexxi l-politika tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, filwaqt li tallinja l-Grupp ta' Kuntatt mal-pajjiżi demokratiċi tar-reġjun irrappreżentati mill-Grupp ta' Lima;

11. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tissieħeb fl-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI għall-investigazzjoni tar-reati kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, ħalli dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

12. Jappoġġja l-inizjattiva li, flimkien mal-UNHRC, tiġi stabbilita Kummissjoni ta' Inkjesta li tiddetermina r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

[5] Testi adottati, P8_TA(2019)0327.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali