Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0007/2019

Testi mressqa :

B9-0007/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.4
CRE 18/07/2019 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{15/07/2019}15.7.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0007/2019</NoDocSe>
PDF 150kWORD 52k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela</Titre>

<DocRef>(2019/2730(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Molly Scott Cato, Anna Cavazzini, Jutta Paulus, Hannah Neumann, Pierrette Herzberger-Fofana, Viola Von Cramon-Taubadel</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9-0007/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019 u tas-7 ta' Mejju 2019 dwar il-Venezwela, u l-ħatra ta' Enrique Iglesias bħala Konsulent Speċjali għall-Venezwela fit-28 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-diskors indirizzat lill-Gvern tal-Venezwela mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, waqt l-intervent tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-5 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra l-proċess ta' djalogu li reġa' beda reċentement bejn il-gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela, f'Barbados, fuq l-inizjattiva tan-Norveġja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Frar 2018[1], tat-3 ta' Mejju 2018[2], tal-5 ta' Lulju 2018[3], tal-25 ta' Ottubru 2018[4], tal-31 ta' Jannar 2019[5] u tat-28 ta' Marzu 2019[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, ibbażat fuq żjarat u konverżazzjonijiet ma' mijiet ta' xhieda, vittmi u partijiet ikkonċernati, jitfa' dawl fuq id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, u jgħabbi lill-forzi ċivili u militari bir-responsabbiltà għall-arresti arbitrarji, il-maltrattament u t-tortura ta' min jikkritika l-gvern, il-vjolenza sesswali u sessista waqt l-arrest u l-użu eċċessiv tal-forza waqt id-dimostrazzjonijiet;

B. billi l-aċċess limitat jew ineżistenti għad-distribuzzjoni tal-ikel, l-ilma u s-servizzi tas-saħħa jkompli jżid mas-sitwazzjoni diġà diżastruża u jolqot partikolarment ħażin lin-nisa;

C. billi l-minjieri u l-estrazzjoni taż-żejt, speċjalment f'reġjuni remoti u b'bijodiversità rikka, jeqirdu l-għajxien tal-minoranzi, bħall-komunitajiet indiġeni u suwed, li, jekk joġġezzjonaw għal dawn l-attivitajiet u jaqbżu għad-drittijiet tagħhom, jissugraw li jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza ħarxa u spostament min-naħa tal-forzi militari, il-gruppi kriminali organizzati u l-gruppi armati;

D. billi l-mewt tal-Kaptan Rafael Acosta Arévalo – li ġrat waqt li kien taħt arrest, allegatament wara li ġie ttorturat – trid tiġi investigata bis-sħiħ biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

E. billi hemm ħtieġa serja li s-sitwazzjoni attwali tingħeleb u li tinstab soluzzjoni negozjata għat-taqlib soċjali, it-tbatija ekonomika u l-eżodu ta' miljuni ta' Venezwelani, in-nuqqas serju ta' ikel, l-iskarsezza tal-mediċini u n-nuqqas ta' servizzi mediċi adegwati, il-ħarsien insuffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza fit-toroq, ilkoll konsegwenza tat-tmexxija politika ħażina u l-imġiba awtokratika tal-Gvern ta' Maduro,

F. billi d-dritt għal protesti paċifiċi huwa dritt fundamentali tal-bniedem, filwaqt li kwalunkwe sejħa għal protesti trid tkun imfassla bir-reqqa biex ma tagħtix lok għal aktar vjolenza jew provokazzjoni fid-dawl tat-tensjonijiet li hemm bħalissa;

G. billi kwalunkwe soluzzjoni għal dan il-kunflitt, li huwa profond u għandu ħafna aspetti differenti, trid tinstab fil-qafas tal-istat tad-dritt, tkun konformi mal-istandards internazzjonali u tirrispetta bis-sħiħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

H. billi r-rikonoxximent internazzjonali ta' kwalunkwe gvern ġdid iffurmat b'awtoproklamazzjoni jġib miegħu riskju serju li jkompli jintefa' l-ħatab fuq sitwazzjoni diġà inċendjarja – u saħansitra li tfaqqa' gwerra ċivili – u jista' jipproduċi effetti konsegwenzjali barra l-Venezwela, fid-dawl tar-riskju li jiżdied l-għadd ta' migranti li jaħarbu lejn pajjiżi ġirien;

I. billi r-rwol tal-UE għandu jkun li tkompli toffri medjazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti fil-kunflitt ġewwa l-pajjiż, rwol li tista' taqdi b'mod siewi, fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn diversi Stati Membri u l-Venezwela,

1. Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni kif deskritta fir-rapport reċenti tan-NU u jirrakkomanda bil-qawwa l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fih sabiex titwitta t-triq biex il-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi dejjem aktar profonda;

2. Jinsab ixxukkjat bil-mewt tal-Kaptan Rafael Acosta Arévalo, wara l-arrest u l-allegata tortura mill-forzi Venezwelani li qed jiġġieldu lir-ribelli, u jitlob investigazzjoni eżawrjenti, indipendenti u trasparenti li tistabbilixxi r-raġunijiet u r-responsabbiltà għall-mewt tiegħu sabiex l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jimponu sanzjonijiet adegwati;

3. Itenni l-appell tiegħu biex tintemm l-impunità għar-reati mwettqa fil-kuntest ta' protesti paċifiċi; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, indipendenti u imparzjali dwar tali reati u vjolazzjonijiet, u li min wettaq dawn il-każijiet kollha jitressaq quddiem il-ġustizzja; jinsisti fuq id-dritt ta' riparazzjoni, rimedju u nonripetizzjoni u fuq il-ħtieġa li jinħelsu dawk kollha li ġew arrestati b'mod arbitrarju;

4. Jistieden lill-forzi militari u tas-sigurtà jżommu strettament mal-mandat tagħhom, hekk li l-militar ikun jista' jaqdi rwol kostruttiv f'konformità mad-dmir kostituzzjonali tiegħu; jikkundanna l-ħolqien u l-azzjonijiet tal-forzi paramilitari – indipendentement minn min qed imexxihom – u jitlob li jiġu xolti minnufih, li r-reati kollha tagħhom jiġu investigati bil-ħeffa, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja skont l-istandards internazzjonali;

5. Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iżomm lura milli jidħol fi proġetti kbar biex ifittex sorsi ta' introjtu sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, għax dawn jagħmlu ħsara lill-ambjent, il-klima u l-għajxien tal-komunitajiet fl-inħawi; jitlob protezzjoni bla riżervi għall-persuni indiġeni u suwed li jiddefendu l-ambjent minn attivitajiet bħall-estrazzjoni tad-deheb f'żoni remoti bħal Arco Minero del Orinoco fil-Venezwela;

6. Jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni għall-kriżi fil-Venezwela tirrikjedi r-rikostruzzjoni tad-demokrazija fid-dimensjonijiet kollha tagħha; itenni li l-vjolenza ma twassalx għall-paċi, iżda tkompli tiddestabbilizza l-pajjiż;

7. Iwissi kontra kwalunkwe ripetizzjoni tal-vjolenza rrappurtata; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal assemblea paċifika; jistieden lill-partijiet kollha jirrinunzjaw għall-użu ta' forza eċċessiva, sproporzjonata u indiskriminata, li hija pprojbita b'mod ċar u inekwivokabbli mid-dritt internazzjonali;

8. Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' leġittimità tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mejju 2018; jisħaq fuq l-importanza tal-awtodeterminazzjoni tal-poplu Venezwelan u l-importanza ta' espressjoni ġenwina tar-rieda demokratika tiegħu; jistieden lill-mexxejja politiċi jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni jew sejħa li tista' tagħti lok għal aktar inkwiet u instabbiltà politika;

9. Jaqbel mal-fehma espressa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, fl-intervent tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-5 ta' Lulju 2019, li "l-unika soluzzjoni għal din il-kriżi hi li ningħaqdu flimkien, fi djalogu";

10. Jesprimi tamiet kbar, b'rabta ma' dan, fil-proċess ta' djalogu li reġa' beda reċentement bejn il-gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela fil-gżira ta' Barbados, fuq stedina tal-Prim Ministru ta' Barbados Mia Mottley u taħt l-awspiċji tan-Norveġja; jilqa' l-kliem tal-mexxej tal-oppożizzjoni u l-President tal-Assemblea Nazzjonali Juan Guaidó li, wara konverżazzjoni privata mal-medjatur tal-UE Enrique Iglesias, qal li jeżistu l-kundizzjonijiet biex tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi nazzjonali;

11. Jistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-UE jkomplu bl-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal dawn l-isforzi, li huma mezz biex tintemm il-kriżi mingħajr ma titqanqal aktar vjolenza; jenfasizza r-rwol importanti li n-Nazzjonijiet Uniti u l-qafas internazzjonali jeħtieġ li jkollhom f'dan il-kuntest;

12. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li ċerti azzjonijiet li saru reċentement minn aġenti Venezwelani u barranin se jinkoraġġixxu aktar polarizzazzjoni, inkluż fil-livell internazzjonali, bis-sogru li l-kunflitt fil-Venezwela jibdluh f'kamp tal-battalja bi prokura kkontestat minn setgħat internazzjonali, bħall-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina, li jridu jasserixxu l-kontroll fuq ir-riżervi taż-żejt tal-Venezwela; isemma' l-allarm dwar ir-riskju li l-vjolenza u t-taqlib fil-Venezwela jistgħu jinxterdu fil-pajjiżi ġirien, u r-riskju li fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għal gwerra fir-reġjun; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jeskludu espliċitament kwalunkwe soluzzjoni militari u mhux paċifika għall-kriżi, inkluża l-gwerra b'intensità baxxa;

13. Jinsisti li standards doppji fir-rigward ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu evitati, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu konsistenti fil-pożizzjonijiet tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi; ifakkar fl-importanza ta' rispons magħqud min-naħa tal-UE bħala l-bażi għal pożizzjoni b'saħħitha u aktar kredibbli;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

 

[1] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

[5] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

[6] Testi adottati, P8_TA(2019)0327.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019Avviż legali